ŻOMM AĠĠORNAT:

 

Birżebbuġa

Introduzzjoni

Birżebbuġa llum għandha popolazzjoni ta’ madwar 12,300  persuna. Bħall-bqija tal-lokalitajiet f’Malta, Birżebbuġa għandha bosta ħtiġijiet lokali partikolari li joħolqu ċertu sfida lill-Kunsill Lokali u lill-kunsillieri li se jiġu eletti f’Mejju li ġej, biex tassew jintlaħqu l-aspettattivi tar-residenti u biex Birżebbuġa tibqa’ tingħata l-attenzjoni li jixirqilha.

Il-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta wkoll proposti siewja, imfassla skont il-bżonnijiet ta’ din il-lokalità, u l-kunsillieri kollha eletti f’ismu qed jimpenjaw ruħhom li jmexxuhom ’il quddiem matul il-leġiżlatura li jmiss tal-Kunsilli Lokali.

Barra minn hekk, dan il-Kunsill jeħtieġ iżomm relazzjoni tajba mal-Kunsilli Lokali tal-madwar, fosthom ta’ Marsaxlokk u taż-Żurrieq biex ikun jista’ jwettaq il-ħidma tiegħu li tkun teħtieġ il-koperazzjoni ta’ Kunsilli oħrajn.

 

L-infrastruttura

Bankini

Il-Kunsill ta’ Birżebbuġa jissokta bil-programm ta’ tiswijiet tal-bankini. Se nkomplu naħdmu biex ir-residenti jkollhom bankini ta’ kwalità li jagħtuhom is-sigurtà li jixtiequ u li jkunu aċċessibbli għall-anzjani, għall-persuni b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa.

Niżguraw li nneħħu l-perikli li wħud mill-bankini qed joħolqu biex nevitaw l-inċidenti u li nibnu oħrajn ġodda skont il-bżonn.

Toroq

Il-Kunsill jibqa’ jagħmel pressjoni fuq il-gvern ċentrali biex iwettaq dak li wiegħed, jiġifieri li fis-snin li ġejjin jagħmel it-toroq ewlenin tal-lokalità.

Fl-istess waqt, il-Kunsill se jkompli għaddej bit-tiswija tat-toroq tal-lokalità biex ikunu evitati l-inċidenti u l-ħsarat fil-vetturi li jużawhom. Se nkunu qed nagħtu importanza lit-toroq li jeħtieġu intervent mingħajr dewmien.

Inkomplu l-ħidma fuq il-junctions li huma diġà proġettati, fosthom ta’ Triq Sant’Anġlu, Triq Santa Rita, Triq San Ġwann, Triq il-Port Ħieles.

Nirsistu biex it-toroq rurali jingħatalhom wiċċ ġdid bit-tarmak.

Playing fields, ġonna, pjazez u żoni miftuħa

Niżguraw li jitkompla x-xogħol ta’ manutenzjoni fil-ġonna u fl-ispazji miftuħa biex jibqgħu dejjem fi stat tajjeb għar-residenti speċjalment fiż-żona rikreattiva ta’ ħdejn l-iskola. Nagħmlu manutenzjoni fuq il-bandli u ma nħallux perikli żejda għat-tfal.

Nibnu gym fl-apert biex inħajru aktar residenti jsibu ħin għall-eżerċizzju fiżiku.

Nagħtu importanza wkoll lit-tħaddir urban tal-lokalità u lill-infrastruttura soċjali u ċivika li hi fir-responsabbiltà tal-Kunsill. Kif ukoll nkomplu l-proġett ta’ tneħħija ta’ wires fiċ-ċentru tal-lokalità biex il-qalba tar-raħal tingħata dehra isbaħ.

Nibdlu s-sistema tad-dawl fi Ġnien Mons.

 

It-traffiku u l-parkeġġ

Nagħrfu li l-problema tal-parkeġġ qed kulma jmur tiżdied u għalhekk il-Kunsill jeħtieġ isib mezz biex jinħolqu spazji għal aktar parkeġġ, b’mod partikolari fiż-żoni ta’ Birżebbuġa li qed ibatu l-iżjed minn din il-problema.

Nidentifikaw żoni pedonali biex ninkoraġġixxu mixjiet madwar il-lokalità.

Nimplimentaw sistema aħjar tal-immaniġġjar tat-traffiku fi Triq iż-Żurrieq.

Inżidu l-miżuri biex intaffu l-problema ta’ sewqan eċċessiv.

Naħdmu biex noħolqu parkeġġ adegwat għas-sajjieda u d-dilettanti tal-baħar mingħajr ma noħolqu inkonvenjent lir-residenti.

 

It-trasport pubbliku

Nirsistu mal-gvern ċentrali u mal-awtoritajiet biex fis-sajf it-trasport pubbliku ikun aktar effiċjenti u biex jiżdiedu r-rotot biex iż-żoni tal-Ġebel u tal-Papa jintlaħqu aħjar.

 

Is-sigurtà

Il-Kunsill jiżgura li fiż-żoni magħrufa għall-abbużi jitwaħħlu sistemi tas-CCTV ta’ kwalità biex jonqsu l-abbużi u l-atti vandali, u biex ir-residenti jgħixu aktar b’moħħhom mistrieħ.

Nagħmlu pressjoni fuq l-awtoritajiet kompetenti biex tiżdied il-preżenza tal-pulizija fil-lokalità speċjalment fil-ħinijiet ta’ filgħaxija.

Insaħħu s-sigurtà tat-tfal waqt il-ħruġ u d-dħul mill-iskejjel.

Niżguraw li Birżebbuġa jkollha għassa tal-pulizija miftuħa billejl u binhar għall-bżonnijiet tar-residenti.

 

L-ambjent u l-indafa

Il-Kunsill jibda jaħdem fuq proġetti ta’ enerġija alternattiva u rinnovabbli, speċjalment fit-toroq tal-lokalità. Ifassal programm ċar għat-toroq li jkun jimplimenta sistemi tad-dawl iġġenerat minn sorsi alternattivi tal-enerġija.

Inwettqu proġetti oħrajn tal-enerġija rinnovabbli fiż-żoni pubbliċi, fosthom billi nesploraw il-possibbiltà ta’ ħidma bi sħab mal-entitajiet lokali ħalli jitwaħħlu panelli solari fuq postijiet pubbliċi, u mezzi oħrajn għal enerġija alternattiva.

Il-Kunsill jeħtieġ juża l-ispazji tat-tħawwil bl-aħjar mod, u jara li jinżammu dejjem fi stat tajjeb. Infasslu pjan biex jinstabu żoni oħrajn li jistgħu jissebbħu bix-xtieli u bis-siġar.

Nibdew il-proċess biex fit-toroq tal-lokalità jiġu installati laned tal-iskart, u matul ix-xatt u f’żoni oħrajn jitwaħħlu għadd ta’ laned apposta għall-ħmieġ tal-annimali.

Flimkien mal-awtoritajiet kompetenti, nagħtu prijorità lill-indafa tal-lokalità. Barra minn hekk, niżguraw li l-iskart jinħareġ u jinġabar fil-ħin u kif suppost, u li l-kuntratt tal-knis tal-lokalità jitħaddem kif mistenni.

Nissoktaw b’għadd ta’ inizjattivi siewja relatati mal-immaniġġjar tal-iskart.

Il-Kunsill jidħol f’diskussjonijiet ma’ Malta Freeport Terminal biex jinstabu modi ħalli jonqos kemm jista’ jkun l-istorbju fl-inħawi.

Nagħmlu afforestazzjoni fl-inħawi ta’ Bengħajsa u noħolqu l-palk tal-familja.

 

L-edukazzjoni u l-kultura

Nipprovdu għadd ġmielu ta’ korsijiet, fosthom fl-informatika, għal min irid jitgħallem juża l-kompjuter u l-internet, u anki għal min irid jikseb ċertifikat fl-ECDL, biex b’hekk ir-residenti ta’ Birżebbuġa jkollhom l-opportunità li jtejbu l-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom.

Minn żmien għal żmien, inqassmu materjal edukattiv biex ir-residenti ta’ Birżebbuġa jibqgħu infurmati dwar l-inizjattivi u l-attivitajiet li jkunu qed iseħħu fil-lokalità. Fil-binja tal-Kunsill norganizzaw ukoll bosta wirjiet kulturali li juru talenti lokali u nazzjonali.

 

Il-wirt storiku

Naħdmu mal-awtoritajiet konċernati fuq ir-restawr ta’ wħud mis-siti storiċi ta’ Birżebbuġa bl-għajnuna tal-fondi Ewropej u l-fondi tal-gvern ċentrali.

Flimkien mal-Fondazzjonijiet u l-entitajiet kompetenti, norganizzaw għadd ta’ żjarat kulturali għar-residenti fil-postijiet storiċi ta’ Birżebbuġa.

 

L-isport

Il-Kunsill jissokta jtejjeb il-faċilitajiet sportivi għaż-żgħażagħ ta’ Birżebbuġa, fosthom bi proġett ta’ gym fl-apert għar-residenti kollha.

Nibqgħu nkunu pjattaforma tajba għall-inizjattivi sportivi fil-lokalità biex nagħtu sehemna fil-ġlieda kontra l-vizzji u l-obeżità, u biex aktar tfal, adolexxenti u żgħażagħ jinvolvu ruħhom b’mod attiv fl-isports.

 

L-għaqdiet fil-lokalità

Il-Kunsill jimpenja ruħu li jtejjeb u jkattar il-kuntatt mal-għaqdiet tal-lokalità għall-benefiċċju ta’ dawk kollha involuti.

Niżguraw li l-għaqdiet lokali jingħataw aktar involviment attiv fil-komunità ta’ Birżebbuġa, mhux biss biex jiżdied l-għarfien dwarhom iżda anki biex ir-residenti jitħajru jagħtu sehemhom fl-għaqdiet u fil-volontarjat.

Ngħinu lill-għaqdiet lokali b’kull mezz, kemm bil-promozzjoni tal-attivitajiet li jorganizzaw f’Birżebbuġa u anki billi nipprovdulhom il-faċilitajiet tal-lokalità.

 

Komunikazzjoni u konsultazzjoni

Il-Kunsill Lokali jeħtieġ jibqa’ jikkonsulta lir-residenti f’kull inizjattiva tiegħu li tkun tolqot direttament lir-residenti, u nħeġġuhom jattendu iżjed għal-laqgħat tal-Kunsill.

Nipprovdu informazzjoni aktar spissa lir-residenti permezz tal-bulettin li jippubblika l-Kunsill minn żmien għal żmien.

Inħaddmu l-vantaġġi li tipprovdi l-midja soċjali biex ir-residenti jibqgħu infurmati kontinwament bl-inizjattivi li jkunu qed jittieħdu. Nagħtu aċċess lill-għaqdiet lokali għall-midja soċjali tal-Kunsill biex itejbu l-komunikazzjoni tagħhom u biex jippromwovu l-attivitajiet li jkunu qed jorganizzaw.

Noħolqu ċertu sottokumitati biex in-nies jinvolvu ruħhom aktar fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill.

Nirsistu biex il-Kunsill jingħata spazju fuq ir-radju tal-komunità biex nikkomunikaw aħjar mar-residenti.

 

Il-komunità kummerċjali

Il-Kunsill jeħtieġ iżomm kuntatt frekwenti mas-sidien tal-entitajiet kummerċjali lokali biex inwettqu ħidma li tgħin lir-residenti u lil dawk li għażlu li jinvestu n-negozju tagħhom f’Birżebbuġa.

 

Birżebbuġa bħala attrazzjoni turistika

Il-Kunsill jagħti għajnuna u appoġġ kontinwu lill-postijiet storiċi f’Birżebbuġa. Fost l-oħrajn, ninstallaw gwida virtwali ħdejn is-siti storiċi ta’ Għar Dalam biex ngħinu lit-turisti.

Inkomplu l-ħidma biex ix-xtajta tal-lokalità tibqa’ nadifa u tattira aktar turisti għall-għawm.

 

Il-lat soċjali

Il-Kunsill jeħtieġ jagħti importanza xierqa lil-lat soċjali tal-komunità. Għaldaqstant tul il-leġiżlatura jeħtieġ nesploraw l-idea ta’ Ċentru ta’ Matul il-Jum u ta’ Matul il-Lejl għall-anzjani tal-lokalità biex ikollhom post fejn jistgħu jiltaqgħu għal rikreazzjoni u wens u biex jiksbu informazzjoni mingħand il-professjonisti.

Flimkien mal-professjonisti, inħejju programm ta’ ħidma soċjali li jkun ta’ fejda għal bosta familji u individwi li jeħtieġu l-appoġġ. Ikun programm li jinkludi lill-anzjani, lit-tfal, lis-single parents, lill-persuni b’ħiliet differenti, lill-persuni li jgħixu waħedhom u lil dawk li jgħaddu minn xi diffikultajiet partikolari.

 

Attivitajiet lokali

Niżguraw li jiġu organizzati aktar attivitajiet li jseddqu l-għaqda fil-komunità fi żminijiet partikolari, fosthom fil-Milied, fi żmien l-Għid u fil-ġimgħa tal-festa.

Norganizzaw ukoll attivitajiet li jżidu l-għarfien dwar Birżebbuġa fost ir-residenti.