ŻOMM AĠĠORNAT:

Birgu_Team.png

Il-Birgu

Introduzzjoni

Il-belt tal-Birgu llum għandha popolazzjoni ta’ madwar 2,500 persuna. Bħall-bqija tal-lokalitajiet f’Malta, il-Birgu għandu bosta ħtiġijiet lokali partikolari li joħolqu ċertu sfida lill-Kunsill Lokali u lill-kunsillieri li se jiġu eletti f’Mejju li ġej, biex tassew jintlaħqu l-aspettattivi tar-residenti u biex il-Birgu jibqa’ jingħata l-attenzjoni li jixraqlu.

Il-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta wkoll proposti siewja, imfassla skont il-bżonnijiet ta’ din il-lokalità, u l-kunsillieri kollha eletti f’ismu qed jimpenjaw ruħhom li jmexxuhom ’il quddiem matul il-leġiżlatura li jmiss tal-Kunsilli Lokali.

Barra minn hekk, dan il-Kunsill jeħtieġ iżomm relazzjoni tajba mal-Kunsilli Lokali tal-Kottonera u l-madwar, fosthom tal-Isla, ta’ Bormla, ta’ Ħaż-Żabbar, u tal-Kalkara biex ikun jista’ jwettaq il-ħidma tiegħu li tkun teħtieġ il-koperazzjoni ta’ Kunsilli oħrajn.

 

L-infrastruttura

Bankini

Il-Kunsill tal-Birgu jissokta bil-programm ta’ tiswijiet tal-bankini. Se nkomplu naħdmu biex ir-residenti jkollhom bankini ta’ kwalità li jagħtuhom is-sigurtà li jixtiequ u li jkunu aċċessibbli għall-anzjani, għall-persuni b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa.

Niżguraw li nneħħu l-perikli li wħud mill-bankini qed joħolqu biex nevitaw l-inċidenti u li nibnu oħrajn ġodda skont il-bżonn.

Toroq

Il-Kunsill jibqa’ jagħmel pressjoni fuq il-gvern ċentrali biex iwettaq dak li wiegħed, jiġifieri li fis-snin li ġejjin jagħmel it-toroq ewlenin tal-Birgu.

Fl-istess waqt, il-Kunsill se jkompli għaddej bit-tiswija tat-toroq tal-lokalità biex ikunu evitati l-inċidenti u l-ħsarat fil-vetturi li jużawhom. Se nkunu qed nagħtu importanza lit-toroq li jeħtieġu intervent mingħajr dewmien, fosthom it-triq li mix-Xewkija tagħti għaż-żona tat-Toqba, Triq l-10 ta’ Awwissu, Triq Nestu Laiviera, Triq San Filippu, Triq iċ-Ċentinarju, Triq La Vallette, Triq il-Palazz l-Antik tal-Gvernatur, Triq il-Miratur u Triq Patri Indri Vella.

Naħdmu biex it-toroq l-antiki tal-Birgu jerġgħu jingħataw lura l-fanali antiki li jaqblu mal-arkitettura tal-belt tagħna u li dawn jibqgħu jinżammu fi stat tajjeb.

Nibdew naħdmu fuq il-pavimentar tant mistenni tal-pjazza ewlenija u nagħtu importanza lill-manutenzjoni li jeħtieġu wħud mill-isqaqien tal-lokalità.

Playing fields, ġonna, pjazez u żoni miftuħa

Il-kunsillieri Nazzjonalisti fil-Kunsill Lokali jiżguraw li jitkompla x-xogħol ta’ manutenzjoni fuq l-uniku playing field tal-Birgu li jinsab fi stat ħażin ħafna u li miexi b’ħafna skossi. Naraw li l-ġnien tal-foss jibqa’ fi stat tajjeb u nissoktaw bil-ħidma fuq ir-restawr tal-ispazji miftuħa biex jibqgħu dejjem fi stat tajjeb għar-residenti. Nagħtu importanza wkoll lit-tħaddir urban tal-lokalità u lill-infrastruttura soċjali u ċivika li hi fir-responsabbiltà tal-Kunsill.

Nagħtu lura lin-nies u nsebbħu ż-żona magħrufa bħala s-Simenta/il-Belvedere biex ikun spazju miftuħ li jitgawda mill-familji tal-Birgu.

Iż-żona tat-Toqba tal-Birgu

It-Toqba tal-Birgu hi żona abbandunata għalkollox. Minbarra li t-triq ewlenija teħtieġ wiċċ ġdid biex jitneħħew il-ħofor u t-tumbati, din it-triq jeħtieġ tinbena mill-qiegħ għax matul iż-żmien sfrondat parti sostanzjali minnha. Dan iż-żona hi frekwentata ferm min nies tal-lokalità matul is-sajf għax toffri post rikreattiv fosthom għall-kampijiet u l-karavans. Għaldaqstant jeħtieġ nikkonsultaw lill-partijiet kollha involuti biex noħolqu pjan għal din iż-żona li jkun ta’ benefiċċju għal kulħadd.

 

It-traffiku u l-parkeġġ

Nagħrfu li l-problema tal-parkeġġ qed kulma jmur tiżdied u għalhekk il-Kunsill jeħtieġ isib mezz biex jinħolqu spazji għal aktar parkeġġ, b’mod partikolari fiż-żoni tal-Birgu li qed ibatu l-iżjed minn din il-problema.

 

It-trasport pubbliku

Filwaqt li jidher li l-Birgu hu moqdi sew fejn jidħol it-trasport pubbliku, naħdmu biex jibda jitħaddem servizz ta’ minivan, maħsub b’mod partikolari għall-anzjani, biex ikunu jistgħu jaċċessaw faċilment ċertu servizzi, fosthom iċ-ċentru tas-saħħa tal-lokalità u l-banek.

  1. Is-sigurtà

Il-Kunsill jiżgura li fiż-żoni magħrufa għall-abbużi jitwaħħlu sistemi tas-CCTV ta’ kwalità biex jonqos l-abbuż u r-residenti jgħixu aktar b’moħħhom mistrieħ.

Nagħmlu pressjoni fuq l-awtoritajiet kompetenti biex l-għassa tkun aktar miftuħa u tiżdied il-preżenza tal-pulizija fil-lokalità speċjalment fil-ħinijiet ta’ filgħaxija.

 

L-ambjent u l-indafa

Il-Kunsill jibda jaħdem fuq proġetti ta’ enerġija alternattiva u rinnovabbli, speċjalment fit-toroq tal-lokalità. Ifassal programm ċar għat-toroq li jkun jimplimenta sistemi tad-dawl iġġenerat minn sorsi alternattivi tal-enerġija.

Inwettqu proġetti oħrajn tal-enerġija rinnovabbli fiż-żoni pubbliċi, fosthom billi nesploraw il-possibbiltà ta’ ħidma bi sħab mal-entitajiet lokali ħalli jitwaħħlu panelli solari fuq postijiet pubbliċi, u mezzi oħrajn għal enerġija alternattiva.

Il-Kunsill jeħtieġ juża l-ispazji tat-tħawwil bl-aħjar mod, u jara li jinżammu dejjem fi stat tajjeb. Infasslu pjan biex jinstabu żoni oħrajn li jistgħu jissebbħu bix-xtieli u bis-siġar.

Flimkien mal-awtoritajiet kompetenti, nagħtu prijorità lill-indafa tal-lokalità. Barra minn hekk, niżguraw li l-iskart jinġabar fil-ħin u kif suppost, u li l-kuntratt tal-knis tal-lokalità jitħaddem kif mistenni.

Nissoktaw b’għadd ta’ inizjattivi siewja relatati mal-immaniġġjar tal-iskart.

Nagħmlu ħilitna u nħeġġu lill-gvern biex iwettaq il-proġett tal-Park Reġjonali li ilu snin ippjanat viċin is-swar li jdawru l-Kottonera.

 

L-edukazzjoni u l-kultura

Il-Kunsill jeħtieġ jittrasferixxi l-librerija tal-lokalità għaċ-ċentru tal-Birgu biex tintlaħaq aħjar mill-istudenti u jżomm relazzjoni tajba mal-iskola primarja tal-lokalità.

Nipprovdu għadd ġmielu ta’ korsijiet, fosthom fl-informatika, għal min irid jitgħallem juża l-kompjuter u l-internet, u anki għal min irid jikseb ċertifikat fl-ECDL, biex b’hekk ir-residenti tal-Birgu jkollhom l-opportunità li jtejbu l-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom.

Minn żmien għal żmien, inqassmu materjal edukattiv biex ir-residenti tal-Birgu jibqgħu infurmati dwar l-inizjattivi u l-attivitajiet li jkunu qed iseħħu fil-lokalità. Fil-binja tal-Kunsill norganizzaw ukoll bosta wirjiet kulturali li juru talenti lokali u nazzjonali.

 

Il-wirt storiku

Nissoktaw bil-proġett ta’ restawr tas-siti storiċi tal-Birgu, fosthom il-faċċata tal-Berġa ta’ Franza, il-binja tal-Kunsill Lokali, bil-fondi Ewropej u bil-fondi tal-gvern ċentrali.

Flimkien mal-Fondazzjonijiet u l-entitajiet kompetenti, norganizzaw għadd ta’ żjarat kulturali għar-residenti fil-postijiet storiċi tal-Birgu.

 

L-isport

Il-Kunsill jissokta jtejjeb il-faċilitajiet sportivi għaż-żgħażagħ tal-Birgu u jibda r-restawr tal-maħżen tar-Regatta. Inwettqu l-proġett ta’ grawnd bit-terf għat-tfal tal-Birgu.

Nibqgħu nkunu pjattaforma tajba għall-inizjattivi sportivi fil-lokalità biex nagħtu sehemna fil-ġlieda kontra l-vizzji u l-obeżità, u biex aktar tfal, adolexxenti u żgħażagħ jinvolvu ruħhom b’mod attiv fl-isports.

 

L-għaqdiet fil-lokalità

Il-Kunsill jimpenja ruħu li jtejjeb u jkattar il-kuntatt mal-għaqdiet tal-lokalità għall-benefiċċju ta’ dawk kollha involuti.

Niżguraw li l-għaqdiet lokali jingħataw aktar involviment attiv fil-komunità tal-Birgu, mhux biss biex jiżdied l-għarfien dwarhom iżda anki biex ir-residenti jitħajru jagħtu sehemhom fl-għaqdiet u fil-volontarjat.

Ngħinu lill-għaqdiet lokali b’kull mezz, kemm bil-promozzjoni tal-attivitajiet li jorganizzaw fil-Birgu u anki billi nipprovdulhom il-faċilitajiet tal-lokalità.

 

Komunikazzjoni u konsultazzjoni

Il-Kunsill Lokali jeħtieġ jibqa’ jikkonsulta lir-residenti f’kull inizjattiva tiegħu li tkun tolqot direttament lir-residenti, u nħeġġuhom jattendu iżjed għal-laqgħat tal-Kunsill.

Nipprovdu informazzjoni aktar spissa lir-residenti permezz tal-bulettin li jippubblika l-Kunsill minn żmien għal żmien.

Inħaddmu l-vantaġġi li tipprovdi l-midja soċjali biex ir-residenti jibqgħu infurmati kontinwament bl-inizjattivi li jkunu qed jittieħdu. Nagħtu aċċess lill-għaqdiet lokali għall-midja soċjali tal-Kunsill biex itejbu l-komunikazzjoni tagħhom u biex jippromwovu l-attivitajiet li jkunu qed jorganizzaw.

 

Il-komunità kummerċjali

Il-Kunsill jeħtieġ iżomm kuntatt frekwenti mas-sidien tal-entitajiet kummerċjali lokali biex inwettqu ħidma li tgħin lir-residenti u lil dawk li għażlu li jinvestu n-negozju tagħhom fil-Birgu.

 

Il-Birgu bħala attrazzjoni turistika

Il-Kunsill jeħtieġ jagħti għajnuna u appoġġ kontinwu lill-postijiet storiċi fil-Birgu, fosthom il-mużewijiet, il-knejjes u l-kappelli biex il-lokalità tagħna titqies bħala attrazzjoni turistika oħra mogħnija bi storja.

 

Il-lat soċjali

Il-Kunsill jeħtieġ jagħti importanza xierqa lil-lat soċjali tal-komunità. Għaldaqstant tul il-leġiżlatura naħdmu mal-Caritas u mal-Kurja biex nerġgħu nagħtu l-ħajja l-idea ta’ Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-anzjani tal-lokalità biex ikollhom post fejn jistgħu jiltaqgħu għal rikreazzjoni u wens u biex jiksbu informazzjoni mingħand il-professjonisti.

Flimkien mal-professjonisti li jħaddem il-Kunsill Lokali, inħejju programm ta’ ħidma soċjali li jkun ta’ fejda għal bosta familji u individwi li jeħtieġu l-appoġġ. Ikun programm li jinkludi lill-anzjani, lit-tfal, lis-single parents, lill-persuni b’ħiliet differenti, lill-persuni li jgħixu waħedhom u lil dawk li jgħaddu minn xi diffikultajiet partikolari.

 

Attivitajiet lokali u Jum il-Birgu

Il-Kunsill jibqa’ jorganizza Jum il-Birgu u l-Birgufest, u jżid l-involviment tar-residenti.

Niżguraw li jiġu organizzati aktar attivitajiet li jseddqu l-għaqda fil-komunità fi żminijiet partikolari, fosthom fil-Milied, fil-Karnival, fi żmien l-Għid u fil-ġimgħa tal-festa.

Norganizzaw ukoll attivitajiet li jżidu l-għarfien dwar il-Birgu fost ir-residenti.