ŻOMM AĠĠORNAT:

 

Il-Fgura

Introduzzjoni

Il-Fgura llum għandha popolazzjoni ta’ madwar 13,000 persuna u tinkludi aktar minn 100 triq residenzjali. Hi komunità kummerċjali ewlenija fil-qalba ta’ gżiritna b’diversi ħtiġijiet lokali partikolari. Dan kollu joħloq sfida kbira lill-Kunsill Lokali u lill-kunsillieri li se jiġu eletti f’Mejju li ġej, biex tassew jintlaħqu l-aspettattivi tar-residenti u biex il-Fgura tingħata l-attenzjoni li jixirqilha.

Il-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta wkoll proposti siewja, imfassla skont il-bżonnijiet ta’ din il-lokalità, u l-kunsillieri kollha eletti f’ismu qed jimpenjaw ruħhom li jmexxuhom ’il quddiem matul il-leġiżlatura li jmiss tal-Kunsilli Lokali.

Barra minn hekk, dan il-Kunsill jeħtieġ iżomm relazzjoni tajba mal-Kunsilli Lokali tal-madwar, fosthom ta’ Raħal Ġdid, ta’ Ħal Tarxien, taż-Żejtun u ta’ Bormla biex ikun jista’ jwettaq il-ħidma tiegħu li tkun teħtieġ il-koperazzjoni ta’ Kunsilli oħrajn.

 

L-infrastruttura

Bankini

Il-Kunsill tal-Fgura jissokta bil-programm ta’ tiswijiet tal-bankini. Se nkomplu naħdmu biex ir-residenti jkollhom bankini ta’ kwalità li jagħtuhom is-sigurtà li jixtiequ u li jkunu aċċessibbli għall-anzjani, għall-persuni b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa.

Niżguraw li nneħħu l-perikli li wħud mill-bankini qed joħolqu biex nevitaw l-inċidenti u li nibnu oħrajn ġodda skont il-bżonn.

Toroq

Il-Kunsill jibqa’ jagħmel pressjoni fuq il-gvern ċentrali biex iwettaq dak li wiegħed, jiġifieri li fil-ħames snin li ġejjin jagħmel it-toroq kollha tal-Fgura.

Fl-istess waqt, il-Kunsill se jkompli għaddej bit-tiswija tat-toroq tal-lokalità biex ikunu evitati l-inċidenti u l-ħsarat fil-vetturi li jużawhom.

Playing fields, ġonna, pjazez u żoni miftuħa

Il-Kunsill Lokali jiżgura li tibqa’ ssir il-manutenzjoni tal-playing fields, tal-ġonna u tal-ispazji miftuħa biex jinżammu dejjem fi stat tajjeb għar-residenti. Nagħtu importanza lit-tħaddir urban u lill-infrastruttura soċjali u ċivika li qiegħda fir-responsabbiltà tal-Kunsill.

Nagħmlu pressjoni fuq il-gvern ċentrali biex iż-żona miftuħa u abbandunata li hemm fi Triq il-Koppla tinbidel f’żona ta’ rikreazzjoni li tkun tinkludi spazju għal parkeġġ skont kif inhu indikat fil-pjan tal-iżvilupp.

 

It-traffiku u l-parkeġġ

Jeħtieġ niżguraw li tiżdied is-sigurtà fit-toroq u għalhekk irridu nimplimentaw programm ta’ sistemi tal-one-ways skont il-bżonn. Programm bħal dan ma jistax jiġi implimentat mingħajr ma ssir konsultazzjoni sħiħa mar-residenti involuti.

Nagħrfu li l-problema tal-parkeġġ qed kulma jmur tiżdied u għalhekk il-Kunsill jeħtieġ isib mezz biex jinħolqu spazji għal aktar parkeġġ, b’mod partikolari fiż-żoni tal-Fgura li qed ibatu l-iżjed minn din il-problema.

Kunsill ġdid:

- japplika mal-awtoritajiet biex isir parkeġġ fi Triq A.M. Valperga minn Triq Cospicua sa Triq il-Ward tax-Xemx;

- jintroduċi sistema ta’ parkeġġ riżervat għar-residenti biex jingħataw preferenza għall-ipparkjar tal-vettura tagħhom;

- jiżgura li jdaħħal fis-seħħ sistemi ta’ sorveljanza biex jiġu identifikati l-karozzi li jkollhom il-liċenzja tal-vettura skaduta biex eventwalment jitneħħew mit-toroq ħalli jagħmlu spazju għal aktar parkeġġ fit-toroq tal-lokalità;

- jidħol f’diskussjonijiet mal-awtoritajiet kompetenti biex tiġi studjata l-possibbiltà li jinħolqu żewġ Park&Ride, waħda viċin il-Qasam Industrijali ta’ Bulebel u oħra fil-parkeġġ fejn kien hemm it-tarzna u/jew fl-inħawi ta’ Kordin.

- iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jinbena parkeġġ taħt il-grawnd ta’ Pace Grasso f’Raħal Ġdid.

 

It-trasport pubbliku

Il-Kunsill Lokali jitlob u jeżiġi mal-awtoritajiet biex fil-Fgura tiġi introdotta rotta ġdida tat-transport pubbliku li titlaq mill-Belt, tasal sal-mina ta’ Hompesch u terga’ lura l-Belt biex niżguraw li r-residenti tal-Fgura jkunu moqdijin sew.

Naħdmu biex tittaffa l-problema tat-trasport pubbliku billi nistudjaw il-possibbiltà li jitħaddem servizz ta’ minivan bejn iċ-ċentru tal-Fgura u x-xatt ta’ Bormla fil-ħinijiet tax-xogħol, kemm filgħodu anki filgħaxija, biex ir-residenti jkunu jistgħu jużaw aħjar is-servizz tad-dgħajsa bejn il-Belt Valletta u l-Kottonera.

 

Is-sigurtà

Il-Kunsill jiżgura li fiż-żoni magħrufa għall-abbużi jitwaħħlu sistemi tas-CCTV ta’ kwalità biex jonqos l-abbuż u r-residenti jgħixu aktar b’moħħhom mistrieħ.

Nagħmlu pressjoni fuq l-awtoritajiet kompetenti biex tiżdied il-preżenza tal-pulizija fil-lokalità speċjalment fil-ħinijiet ta’ filgħaxija.

Nagħmlu pressjoni wkoll fuq il-gvern ċentrali biex jinstab sit alternattiv għall-għassa tal-pulizija tal-Fgura. Din il-lokalità teħtieġ għassa akbar, li tkun aċċessibbli għal kulħadd, u tingħata l-faċilitajiet meħtieġa għaż-żminijiet tal-lum.

 

L-ambjent u l-indafa

Il-Kunsill jibda jaħdem fuq proġetti ta’ enerġija alternattiva u rinnovabbli, speċjalment fit-toroq tal-lokalità. Ifassal programm ċar għat-toroq li jkun jimplimenta sistemi tad-dawl iġġenerat minn sorsi alternattivi tal-enerġija.

Inwettqu proġetti oħrajn tal-enerġija rinnovabbli fiż-żoni pubbliċi, fosthom billi nesploraw il-possibbiltà ta’ ħidma bi sħab mal-entitajiet lokali ħalli jitwaħħlu panelli solari fuq postijiet pubbliċi, u mezzi oħrajn għal enerġija alternattiva.

Fejn jidħol il-ġbir tal-ilma, il-Kunsill jiżgura li jsir l-aħjar użu mill-ġibjuni tal-Fgura, fosthom il-ġibjun ta’ Wesgħa l-Kunsill tal-Ewropa u dak tal-pjazza Reggie Miller. L-ilma tax-xita li jinħażen fihom ikun jista’ jintuża bl-aħjar mod skont il-ħtiġijiet tal-lokalità.

Filwaqt li nirrikonoxxu li l-għadd ta’ żoni fejn jistgħu jitħawlu s-siġar hu limitat, il-Kunsill jeħtieġ juża dawn l-ispazji bl-aħjar mod, u jara li jinżammu dejjem fi stat tajjeb. Infasslu pjan biex jinstabu żoni oħrajn li jistgħu jissebbħu bix-xtieli u bis-siġar.

Inwettqu rijabilitazzjoni ta’ Wied Blandun bi pjanti u siġar endemiċi li jgħinu biex dan il-wied jingħata lura l-ġmiel tiegħu.

Flimkien mal-awtoritajiet kompetenti, nagħtu prijorità lill-indafa tal-lokalità. Barra minn hekk, niżguraw li l-iskart jinġabar fil-ħin u kif suppost, u li l-kuntratt tal-knis tal-lokalità jitħaddem kif mistenni.

Fejn jidħol it-tindif, nipprovdu servizz ta’ emerġenza lir-residenti biex jekk ikun hemm bżonn, il-Kunsill ikun jista’ jieħu azzjoni minnufih ħalli l-Fgura tinżamm dejjem nadifa.

Nagħmlu ħilitna u nħeġġu lill-gvern biex iwettaq il-proġett tal-Park Reġjonali li ilu snin ippjanat għal maġenb il-grawnd u s-swar li jdawru l-Kottonera.

 

L-edukazzjoni u l-kultura

Il-Kunsill iżomm relazzjoni tajba mal-iskola primarja tal-lokalità u jibqa’ f’kuntatt mal-istudenti li jattendu f’xi skola oħra ’l barra mil-lokalità.

Nipprovdu għadd ġmielu ta’ korsijiet, fosthom fil-livell terzjarju bi ftehim ma’ entitajiet rikonoxxuti u stabbiliti ħalli r-residenti tal-Fgura jkollhom l-opportunità li jtejbu l-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom.

Minn żmien għal żmien, inqassmu materjal edukattiv biex ir-residenti tal-Fgura jibqgħu infurmati dwar l-inizjattivi u l-attivitajiet li jkunu qed iseħħu fil-lokalità. Fil-binja tal-Kunsill norganizzaw ukoll bosta wirjiet kulturali li juru talenti lokali u nazzjonali.

Inwettqu l-estensjoni tant mistennija tal-librerija pubblika tal-lokalità u nagħmlu kull sforz possibbli biex aktar residenti, fosthom tfal u żgħażagħ jużaw bis-sħiħ dan is-servizz.

 

Il-wirt storiku

Bl-għajnuna ta’ diversi entitajiet kummerċjali, il-Kunsill jippubblika ktieb riċerkat dwar l-istorja tal-Fgura.

Noħolqu arkivju bir-ritratti, b’materjali oħrajn u b’intervisti lil persuni mil-lokalità li ħallew isem f’pajjiżna jew lil hinn, jew lil persuni li jagħtu jew taw il-kontribut tagħhom lil-lokalità.

Inniedu proġett ta’ restawr tas-siti storiċi li jinsabu fil-Fgura.

Tul din il-leġiżlatura, il-Kunsill jiżgura li jirrestawra x-xelter tal-gwerra fi Triq Hompesch u jiftħu għall-pubbliku biex isir attrazzjoni turistika oħra u jagħti aktar viżibbiltà lill-istorja tal-lokalità.

Nirrikonoxxu kif xieraq lill-persuni li għamlu unur lill-Fgura, kemm f’Malta kif ukoll barra.

 

L-isport

Il-Kunsill jissokta jtejjeb il-faċilitajiet sportivi tal-Fgura, u jżid il-koperazzjoni tiegħu mal-Fgura Utd FC.

Niżguraw li l-gvern iwettaq il-proġett li wiegħed fl-2016 għal Triq A.M. Valperga, u li dan il-proġett ikun jinkludi bilanċ ġust bejn il-faċilitajiet sportivi u rikreattivi u parkeġġ adegwat.

Nibqgħu nkunu pjattaforma tajba għall-inizjattivi sportivi fil-lokalità biex nagħtu sehemna fil-ġlieda kontra l-vizzji u l-obeżità, u biex aktar tfal, adolexxenti u żgħażagħ jinvolvu ruħhom b’mod attiv fl-isports.

Niżguraw l-aħjar użu tal-faċilitajiet sportivi li hemm fi ġnien Patri Redent Gauci.

 

L-għaqdiet fil-lokalità

Il-Kunsill jimpenja ruħu li jtejjeb u jkattar il-kuntatt mal-għaqdiet tal-lokalità għall-benefiċċju ta’ dawk kollha involuti.

Niżguraw li l-għaqdiet lokali jingħataw aktar involviment attiv fil-komunità tal-Fgura, mhux biss biex jiżdied l-għarfien dwarhom iżda anki biex ir-residenti jitħajru jagħtu sehemhom fl-għaqdiet u fil-volontarjat.

Ngħinu lill-għaqdiet lokali b’kull mezz, kemm bil-promozzjoni tal-attivitajiet li jorganizzaw fil-Fgura u anki billi nipprovdulhom il-faċilitajiet tal-lokalità, fosthom taċ-Ċentru Ċiviku.

 

Komunikazzjoni u konsultazzjoni

Il-Kunsill Lokali jeħtieġ jibqa’ jikkonsulta lir-residenti f’kull inizjattiva tiegħu li tkun tolqot direttament lir-residenti, fosthom is-sistemi tal-one-ways u tan-no parking, eċċ.

Nipprovdu informazzjoni aktar spissa lir-residenti permezz tal-bulettin li jippubblika l-Kunsill minn żmien għal żmien.

Inħaddmu l-vantaġġi li tipprovdi l-midja soċjali biex ir-residenti jibqgħu infurmati kontinwament bl-inizjattivi li jkunu qed jittieħdu. Nagħtu aċċess lill-għaqdiet lokali għall-midja soċjali tal-Kunsill biex itejbu l-komunikazzjoni tagħhom u biex jippromwovu l-attivitajiet li jkunu qed jorganizzaw.

Nużaw il-paġna ta’ Facebook tal-Kunsill Lokali biex inxandru direttament il-laqgħat tal-Kunsill u attivitajiet ewlenin oħrajn.

 

Il-komunità kummerċjali

Il-Kunsill jeħtieġ joħloq direttorju li jiġbor l-entitajiet kummerċjali kollha tal-lokalità.

Noħolqu dik li qed insejħu “Għaqda tal-Kummerċ” tal-lokalità li jkollha rappreżentanza mill-Kunsill u minn fost is-sidien tal-entitajiet kummerċjali lokali biex inwettqu ħidma li tgħin lir-residenti u lil dawk li għażlu li jinvestu n-negozju tagħhom fil-Fgura.

 

Il-Fondi Ewropej u l-qasam internazzjonali

S’issa, il-Kunsill Lokali tal-Fgura għadu ma kiseb l-ebda finanzjament tal-Unjoni Ewropea, u għalhekk jeħtieġ jinvolvi lil persuni esperti fil-fondi Ewropej biex jiġu identifikati oqsma li jattiraw il-fondi tal-Unjoni Ewropea. Din l-inizjattiva għandha tinkludi wkoll lill-għaqdiet tal-lokalità biex anki huma jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-fondi tal-Unjoni Ewropea.

Barra minn hekk, nesploraw il-possibbiltà ta’ ġemellaġġi u skambji ma’ lokalitajiet oħrajn barra minn xtutna li jħallu l-frott tagħhom liż-żewġ naħat.

 

Il-lat soċjali

Il-Kunsill jeħtieġ jagħti importanza xierqa lil-lat soċjali tal-komunità. Għaldaqstant tul il-leġiżlatura niftħu Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-anzjani tal-lokalità biex ikollhom post fejn jistgħu jiltaqgħu għal rikreazzjoni u wens u biex jiksbu informazzjoni mingħand il-professjonisti.

Flimkien mal-professjonisti li jħaddem il-Kunsill Lokali, inħejju programm ta’ ħidma soċjali li jkun ta’ fejda għal bosta familji u individwi li jeħtieġu l-appoġġ. Ikun programm li jinkludi lill-anzjani, lit-tfal, lis-single parents, lill-persuni b’ħiliet differenti, lill-persuni li jgħixu waħedhom u lil dawk li jgħaddu minn xi diffikultajiet partikolari.

Inwettqu programm ta’ integrazzjoni għall-persuni ta’ nazzjonalità barranija, kemm Ewropej u kif ukoll minn barra l-Ewropa, li jiġu jgħixu l-Fgura.

 

Attivitajiet lokali u Jum il-Fgura

Il-Kunsill jibqa’ jorganizza Jum il-Fgura u jżid l-involviment tar-residenti.

Niżguraw li jiġu organizzati aktar attivitajiet li jseddqu l-għaqda fil-komunità fi żminijiet partikolari, fosthom fil-Milied, fil-Karnival, fi żmien l-Għid u fil-ġimgħa tal-festa.

Norganizzaw ukoll attivitajiet li jżidu l-għarfien dwar il-Fgura fost ir-residenti.