ŻOMM AĠĠORNAT:

 

Il-Għargħur

Introduzzjoni

Il-Għargħur illum għandu popolazzjoni ta’ madwar 2700 persuna. Bħall-bqija tal-lokalitajiet f’Malta, il-Għargħur għandu diversi ħtiġijiet lokali partikolari li joħolqu sfida kbira lill-Kunsill Lokali u lill-kunsillieri li se jiġu eletti f’Mejju li ġej, biex tassew jintlaħqu l-aspettattivi tar-residenti u biex il-Għargħur jingħata l-attenzjoni li jixraqlu.

Il-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta wkoll proposti siewja, imfassla skont il-bżonnijiet ta’ din il-lokalità, u l-kunsillieri kollha eletti f’ismu qed jimpenjaw ruħhom li jmexxuhom ’il quddiem matul il-leġiżlatura li jmiss tal-Kunsilli Lokali.

Barra minn hekk, dan il-Kunsill jeħtieġ iżomm relazzjoni tajba mal-Kunsilli Lokali tal-madwar, fosthom tan-Naxxar, tal-Mosta, tal-Iklin, tas-Swieqi u ta’ San Ġwann biex ikun jista’ jwettaq il-ħidma tiegħu li tkun teħtieġ il-koperazzjoni ta’ Kunsilli oħrajn.

 

L-infrastruttura

Bankini

Il-Kunsill tal-Għargħur jissokta bil-programm ta’ tiswijiet tal-bankini biex ir-residenti jkollhom bankini ta’ kwalità li jagħtuhom is-sigurtà li jixtiequ u li jkunu aċċessibbli għall-anzjani, għall-persuni b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa.

Niżguraw li nneħħu l-perikli li wħud mill-bankini qed joħolqu biex nevitaw l-inċidenti u li nibnu oħrajn ġodda skont il-bżonn.

Toroq

Il-Kunsill jibqa’ jagħmel pressjoni fuq il-gvern ċentrali biex iwettaq dak li wiegħed, jiġifieri li fis-snin li ġejjin jagħmel it-toroq kollha tal-Għargħur.

Fl-istess waqt, il-Kunsill se jkompli għaddej bit-tiswija tat-toroq tal-lokalità biex ikunu evitati l-inċidenti u l-ħsarat fil-vetturi li jużawhom. Naraw li jibda x-xogħol minnufih fi Triq Għaxqet l-Għajn għax il-permessi għal dan il-proġett diġà ħarġu. Naraw li jsiru x-xogħlijiet ukoll fi Triq Katerina Sammut, fi Sqaq il-Ħofra u f’partijiet minn Triq Caravaggio.

Nissoktaw bil-proġett tal-installazzjoni ta’ dawl ġdid, filwaqt li nneħħu bosta wajers mit-toroq li qed ikerrhu wħud mill-isbaħ toroq antiki tal-lokalità.

Playing fields, ġonna, pjazez u żoni miftuħa

Il-Kunsill Lokali jiżgura li tibqa’ ssir il-manutenzjoni tal-playing fields, tal-ġonna u tal-ispazji miftuħa biex jinżammu dejjem fi stat tajjeb għar-residenti. Fost dawn hemm it-tisbiħ ippjanat fil-ġnien taż-żona magħrufa bħala Top of the World. Il-Kunsill attwali ħadem bla waqfien biex fassal il-proġett u kiseb il-permessi meħtieġa.

Nagħtu importanza lit-tħaddir urban u lill-infrastruttura soċjali u ċivika li qiegħda fir-responsabbiltà tal-Kunsill filwaqtli nżidu l-ispazji miftuħa fil-lokalità biex ir-residenti u l-familji Għargħurin ikollhom żoni apposta għar-rikreazzjoni u dawn l-ispazji jkunu jinkludu żoni mdawrin bi lqugħ biex l-annimali jkollhom fejn jiltaqgħu.

 

It-traffiku u l-parkeġġ

Nagħrfu li l-problema tal-parkeġġ qed kulma jmur tiżdied u għalhekk il-Kunsill jeħtieġ isib mezz biex jinħolqu spazji għal aktar parkeġġ, b’mod partikolari fiż-żoni tal-Għargħur li qed ibatu l-iżjed minn din il-problema.

Nibdew minnufih id-diskussjonijiet mal-gvern ċentrali u mal-awtoritajiet biex nimbuttaw ’il quddiem l-idea ta’ parkeġġ taħt il-grawnd tal-Għargħur biex ikun utli għal dawk kollha li jużaw is-servizzi li hemm fiċ-ċentru u fil-pjazza tal-lokalità.

Nidentifikaw u nimplimentaw mogħdijiet għar-roti biex nippromwovu u nħajru aktar residenti jużaw ir-roti għall-qadi u l-ħtiġijiet fil-lokalità. Inżidu l-għadd ta’ slottijiet għar-roti madwar il-lokalità.

Il-Kunsill jara li jsir infurzar effettiv fiż-żoni problematiċi għat-traffiku fil-lokalità.

 

It-trasport pubbliku

Nieħdu ħsieb li titkompla l-ħidma fuq l-installazzjoni ta’ stejġijiet ta’ tal-linja madwar il-lokalità.

 

Is-sigurtà

Il-Kunsill jiżgura li fiż-żoni magħrufa għall-abbużi jitwaħħlu sistemi tas-CCTV ta’ kwalità biex jonqsu l-abbużi u l-atti vandali, u biex ir-residenti jgħixu aktar b’moħħhom mistrieħ.

Nagħmlu pressjoni fuq l-awtoritajiet kompetenti biex tiżdied il-preżenza tal-pulizija fit-toroq speċjalment fil-ħinijiet ta’ filgħaxija.

Nesploraw ukoll il-possibbiltà ta’ neighbourhood watch fi nħawi madwar il-lokalità.

 

L-ambjent u l-indafa

Nibqgħu noġġezzjonaw bis-sħiħ kontra l-bini ta’ inċineratur tal-iskart li l-gvern Laburista beħsiebu jibni viċin il-lokalità tagħna. Dan hu sors qawwi ta’ dannu ambjentali, jikkawża ħsara għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, u hu inkonvenjent kbir għar-residenti kollha.

Il-Kunsill ikompli jaħdem fuq proġetti ta’ enerġija alternattiva u rinnovabbli, speċjalment fit-toroq tal-lokalità. Ifassal programm ċar għat-toroq li jkun jimplimenta sistemi tad-dawl iġġenerat minn sorsi alternattivi tal-enerġija.

Inwettqu proġetti oħrajn tal-enerġija rinnovabbli fiż-żoni pubbliċi, fosthom billi nesploraw il-possibbiltà ta’ ħidma bi sħab mal-entitajiet lokali ħalli jitwaħħlu panelli solari fuq postijiet pubbliċi, u mezzi oħrajn għal enerġija alternattiva.

Il-Kunsill jeħtieġ juża l-ispazji tat-tħawwil bl-aħjar mod, u jara li jinżammu dejjem fi stat tajjeb. Infasslu pjan biex jinstabu żoni oħrajn li jistgħu jissebbħu bix-xtieli u bis-siġar.

Flimkien mal-awtoritajiet kompetenti, nagħtu prijorità lill-indafa tal-lokalità. Barra minn hekk, niżguraw li l-iskart jinħareġ u jinġabar fil-ħin u kif suppost, u li l-kuntratt tal-knis tal-lokalità jitħaddem kif mistenni.

Nissoktaw b’għadd ta’ inizjattivi siewja relatati mal-immaniġġjar tal-iskart.

Inkomplu l-installazzjoni tal-laned għall-ħmieġ tal-annimali madwar il-lokalità.

 

L-edukazzjoni u l-kultura

Il-Kunsill iżomm relazzjoni tajba mal-iskola primarja tal-lokalità u jibqa’ f’kuntatt mal-istudenti li jattendu f’xi skola oħra ’l barra mil-lokalità.

Naħdmu biex kamra biswit l-iskola primarja tal-Għargħur tinbidel f’librerija pubblika għall-ħtiġijiet tal-lokalità.

Inkomplu nżidu l-għadd ta’ korsijiet li noffru lill-komunità Għargħurija ħalli jkollha l-opportunità ttejjeb il-ħiliet u l-kwalifiki tagħha. Fost dawn hemm korsijiet fl-informatika, għal min irid jitgħallem juża l-kompjuter u l-internet, u għal min irid jikseb ċertifikat fl-ECDL, sessjonijiet ta’ artiġjanat, taħriġ fiżiku, u bosta taħditiet informattivi.

Minn żmien għal żmien, inqassmu materjal edukattiv biex ir-residenti Għargħurin jibqgħu infurmati dwar l-inizjattivi u l-attivitajiet li jkunu qed iseħħu fil-lokalità. Fil-binja tal-Kunsill norganizzaw ukoll bosta wirjiet kulturali li juru talenti lokali u nazzjonali.

 

Il-wirt storiku

Nissoktaw bil-ħidma mal-gvern ċentrali u mal-awtoritajiet biex jitkompla l-proġett ta’ restawr tal-Victoria Lines li nbeda wara pressjoni mill-Kunsill Lokali attwali.

 

L-isport

Inżidu l-isforzi tagħna biex jitkompla l-proċess ħalli l-grawnd tax-Xwieki jkun f’idejn il-Kunsill Lokali biex isir proġett ta’ fejda għar-residenti kollha tal-Għargħur.

Nippromwovu l-użu tar-roti fil-qalba tal-lokalità u nkomplu ninstallaw l-islottijiet għar-roti madwar il-lokalità.

Nibqgħu nkunu pjattaforma tajba għall-inizjattivi sportivi fil-lokalità biex nagħtu sehemna fil-ġlieda kontra l-vizzji u l-obeżità, u biex aktar tfal, adolexxenti u żgħażagħ jinvolvu ruħhom b’mod attiv fl-isports.

 

L-għaqdiet fil-lokalità

Il-Kunsill jimpenja ruħu li jtejjeb u jkattar il-kuntatt mal-għaqdiet tal-lokalità għall-benefiċċju ta’ dawk kollha involuti.

Niżguraw li l-għaqdiet lokali jingħataw aktar involviment attiv fil-komunità Għargħurija, mhux biss biex jiżdied l-għarfien dwarhom iżda anki biex ir-residenti jitħajru jagħtu sehemhom fl-għaqdiet u fil-volontarjat.

Ngħinu lill-għaqdiet lokali b’kull mezz, kemm bil-promozzjoni tal-attivitajiet li jorganizzaw fil-Għargħur u anki billi nipprovdulhom il-faċilitajiet tal-lokalità.

 

Komunikazzjoni u konsultazzjoni

Il-Kunsill Lokali jeħtieġ jibqa’ jikkonsulta lir-residenti f’kull inizjattiva tiegħu li tkun tolqot direttament lir-residenti. Nibqgħu viċin in-nies biex nibqgħu nagħrfu l-ħtiġijiet u l-aspettattivi tagħhom u biex nisimgħu l-ideat tagħhom għal lokalità aħjar.

Nipprovdu bosta servizzi ġodda online biex ir-residenti jinqdew minn djarhom, filwaqt li naraw li l-uffiċċju tal-Kunsill isir one-stop-shop għal ħafna mis-servizzi biex il-komunità Għargħurija tkun tista’ tinqeda fil-lokalità tagħha stess.

Nipprovdu informazzjoni aktar spissa lir-residenti permezz tal-bulettin li jippubblika l-Kunsill minn żmien għal żmien.

Inħaddmu l-vantaġġi li tipprovdi l-midja soċjali biex ir-residenti jibqgħu infurmati kontinwament bl-inizjattivi li jkunu qed jittieħdu. Nagħtu aċċess lill-għaqdiet lokali għall-midja soċjali tal-Kunsill biex itejbu l-komunikazzjoni tagħhom u biex jippromwovu l-attivitajiet li jkunu qed jorganizzaw.

 

Il-komunità kummerċjali

Il-Kunsill jibqa’ jżomm kuntatt frekwenti mas-sidien tal-entitajiet kummerċjali lokali biex inwettqu ħidma li tgħin lir-residenti u lil dawk li għażlu li jinvestu n-negozju tagħhom fil-Għargħur.

 

Il-Fondi Ewropej u l-qasam internazzjonali

Ningaġġaw u ninvolvu lil persuni esperti fil-fondi Ewropej biex jiġu identifikati oqsma li jattiraw il-fondi tal-Unjoni Ewropea. Din l-inizjattiva għandha tinkludi wkoll lill-għaqdiet tal-lokalità biex anki huma jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-fondi tal-Unjoni Ewropea.

 

Il-lat soċjali

Il-Kunsill jagħti importanza kbira lil-lat soċjali tal-komunità, u għaldaqstant tul il-leġiżlatura se nibqgħu nappoġġaw il-proġetti li jagħmlu l-ġid fil-ħajja ta’ kuljum tal-komunità Għargħurija.

Il-Kunsill se jara li jitkompla x-xogħol siewi li qed jagħmel is-sottokumitat soċjali fil-komunità tagħna. Barra minn hekk, flimkien mal-professjonisti, inħejju programm ta’ ħidma soċjali li jkun ta’ fejda għal bosta familji u individwi li jeħtieġu l-appoġġ. Ikun programm li jinkludi lill-anzjani, lit-tfal, lis-single parents, lill-persuni b’ħiliet differenti, lill-persuni li jgħixu waħedhom u lil dawk li jgħaddu minn xi diffikultajiet partikolari.

 

Attivitajiet lokali

Niżguraw li jiġu organizzati aktar attivitajiet li jseddqu l-għaqda fil-komunità fi żminijiet partikolari, fosthom fil-Karnival, fi żmien l-Għid u fil-ġimgħa tal-festa.

Norganizzaw ukoll attivitajiet li jżidu l-għarfien dwar il-Għargħur fost ir-residenti.