ŻOMM AĠĠORNAT:

 

Il-Ħamrun

Introduzzjoni

Il-Ħamrun illum għandu popolazzjoni ta’ madwar 9,000 persuna. Bħall-bqija tal-lokalitajiet f’Malta, il-Ħamrun għandu bosta ħtiġijiet lokali partikolari li joħolqu ċertu sfida lill-Kunsill Lokali u lill-kunsillieri li se jiġu eletti f’Mejju li ġej, biex tassew jintlaħqu l-aspettattivi tar-residenti u biex il-Ħamrun jibqa’ jingħata l-attenzjoni li jixraqlu.

Il-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta wkoll proposti siewja, imfassla skont il-bżonnijiet ta’ din il-lokalità, u l-kunsillieri kollha eletti f’ismu qed jimpenjaw ruħhom li jmexxuhom ’il quddiem matul il-leġiżlatura li jmiss tal-Kunsilli Lokali.

Barra minn hekk, dan il-Kunsill jeħtieġ iżomm relazzjoni tajba mal-Kunsilli Lokali tal-madwar, biex ikun jista’ jwettaq il-ħidma tiegħu li tkun teħtieġ il-koperazzjoni ta’ Kunsilli oħrajn.

 

L-infrastruttura

Bankini

Il-Kunsill tal-Ħamrun jissokta bil-programm ta’ tiswijiet tal-bankini. Se nkomplu naħdmu biex ir-residenti jkollhom bankini ta’ kwalità li jagħtuhom is-sigurtà li jixtiequ u li jkunu aċċessibbli għall-anzjani, għall-persuni b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa.

Niżguraw li nneħħu l-perikli li wħud mill-bankini qed joħolqu biex nevitaw l-inċidenti u li nibnu oħrajn ġodda skont il-bżonn.

Toroq

Il-Kunsill jibqa’ jagħmel pressjoni fuq il-gvern ċentrali biex iwettaq dak li wiegħed, jiġifieri li fis-snin li ġejjin jagħmel it-toroq ewlenin tal-Ħamrun.

Fl-istess waqt, il-Kunsill se jkompli għaddej bit-tiswija tat-toroq tal-lokalità biex ikunu evitati l-inċidenti u l-ħsarat fil-vetturi li jużawhom. Se nkunu qed nagħtu importanza lit-toroq li jeħtieġu intervent mingħajr dewmien, fosthom lil Triq il-Kbira San Ġużepp u toroq oħrajn li jinsabu stat ħażin ħafna.

Nibdew naħdmu fuq il-manutenzjoni u l-pavimentar li jeħtieġu wħud mill-isqaqien tal-lokalità.

Playing fields, ġonna, pjazez u żoni miftuħa

Il-kunsillieri Nazzjonalisti fil-Kunsill Lokali jiżguraw li jitkompla x-xogħol ta’ manutenzjoni fil-ġonna u fl-ispazji miftuħa biex jibqgħu dejjem fi stat tajjeb għar-residenti.

Nagħtu importanza wkoll lit-tħaddir urban tal-lokalità u lill-infrastruttura soċjali u ċivika li hi fir-responsabbiltà tal-Kunsill.

 

It-traffiku u l-parkeġġ

Nagħrfu li l-problema tal-parkeġġ qed kulma jmur tiżdied u għalhekk il-Kunsill jeħtieġ isib mezz biex jinħolqu spazji għal aktar parkeġġ, b’mod partikolari fiż-żoni tal-Ħamrun li qed ibatu l-iżjed minn din il-problema.

 

It-trasport pubbliku

Filwaqt li jidher li l-Ħamrun hu moqdi sew fejn jidħol it-trasport pubbliku, naraw li s-servizz ta’ filgħodu ma jkunx ta’ inkonvenjent għall-ħaddiema. Barra minn hekk, naħdmu biex jibda jitħaddem servizz ta’ minivan, maħsub b’mod partikolari għall-anzjani, biex ikunu jistgħu jaċċessaw faċilment ċertu servizzi li hemm fil-lokalità.

 

Is-sigurtà

Il-Kunsill jiżgura li fiż-żoni magħrufa għall-abbużi jitwaħħlu sistemi tas-CCTV ta’ kwalità biex jonqsu l-abbużi u l-atti vandali, u biex ir-residenti jgħixu aktar b’moħħhom mistrieħ.

Nagħmlu pressjoni fuq l-awtoritajiet kompetenti biex tiżdied il-preżenza tal-pulizija fil-lokalità speċjalment fil-ħinijiet ta’ filgħaxija.

 

L-ambjent u l-indafa

Il-Kunsill jibda jaħdem fuq proġetti ta’ enerġija alternattiva u rinnovabbli, speċjalment fit-toroq tal-lokalità. Ifassal programm ċar għat-toroq li jkun jimplimenta sistemi tad-dawl iġġenerat minn sorsi alternattivi tal-enerġija.

Inwettqu proġetti oħrajn tal-enerġija rinnovabbli fiż-żoni pubbliċi, fosthom billi nesploraw il-possibbiltà ta’ ħidma bi sħab mal-entitajiet lokali ħalli jitwaħħlu panelli solari fuq postijiet pubbliċi, u mezzi oħrajn għal enerġija alternattiva.

Il-Kunsill jeħtieġ juża l-ispazji tat-tħawwil bl-aħjar mod, u jara li jinżammu dejjem fi stat tajjeb. Infasslu pjan biex jinstabu żoni oħrajn li jistgħu jissebbħu bix-xtieli u bis-siġar.

Nibdew il-proċess biex fit-toroq tal-lokalità jiġu installati laned tal-iskart, u fit-toroq principali u f’żoni oħrajn jitwaħħlu għadd ta’ laned apposta għall-ħmieġ tal-annimali.

Flimkien mal-awtoritajiet kompetenti, nagħtu prijorità lill-indafa tal-lokalità. Barra minn hekk, niżguraw li l-iskart jinġabar fil-ħin u kif suppost, u li l-kuntratt tal-knis tal-lokalità jitħaddem kif mistenni.

Nissoktaw b’għadd ta’ inizjattivi siewja relatati mal-immaniġġjar tal-iskart u ninsistu mal-gvern ċentrali biex tinbeda kampanja fl-iskejjel tal-lokalità favur l-ambjent u l-indafa pubblika.

 

L-edukazzjoni u l-kultura

Inkomplu nsaħħu l-kontribut tal-Kunsill Lokali għat-tfal u għaż-żgħażagħ fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħna.

Nipprovdu għadd ġmielu ta’ korsijiet, fosthom fl-informatika, għal min irid jitgħallem juża l-kompjuter u l-internet, u anki għal min irid jikseb ċertifikat fl-ECDL, biex b’hekk ir-residenti tal-Ħamrun ikollhom l-opportunità li jtejbu l-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom.

Minn żmien għal żmien, inqassmu materjal edukattiv biex ir-residenti tal-Ħamrun jibqgħu infurmati dwar l-inizjattivi u l-attivitajiet li jkunu qed iseħħu fil-lokalità. Fil-binja tal-Kunsill norganizzaw ukoll bosta wirjiet kulturali li juru talenti lokali u nazzjonali.

 

Il-wirt storiku

Naħdmu mal-awtoritajiet konċernati fuq ir-restawr ta’ wħud mis-siti storiċi tal-Ħamrun, fosthom il-bosta niċeċ madwar il-lokalità, bl-għajnuna tal-fondi Ewropej u l-fondi tal-gvern ċentrali.

Flimkien mal-fondazzjonijiet u l-entitajiet kompetenti, norganizzaw għadd ta’ żjarat kulturali għar-residenti fil-postijiet storiċi tal-Ħamrun.

 

L-isport

Il-Kunsill jissokta jtejjeb il-faċilitajiet sportivi għaż-żgħażagħ tal-Ħamrun, fosthom bi proġett ta’ gym fl-apert għar-residenti.

Kif kien isir qabel, f’Jum il-Ħamrun norganizzaw jum sportiv għall-Ħamruniżi biex inħeġġu aktar l-attività sportiva fil-lokalità.

Nibqgħu nkunu pjattaforma tajba għall-inizjattivi sportivi fil-lokalità biex nagħtu sehemna fil-ġlieda kontra l-vizzji u l-obeżità, u biex aktar tfal, adolexxenti u żgħażagħ jinvolvu ruħhom b’mod attiv fl-isports.

 

L-għaqdiet fil-lokalità

Il-Kunsill jimpenja ruħu li jtejjeb u jkattar il-kuntatt mal-għaqdiet tal-lokalità għall-benefiċċju ta’ dawk kollha involuti.

Niżguraw li l-għaqdiet lokali jingħataw aktar involviment attiv fil-komunità tal-Ħamrun, mhux biss biex jiżdied l-għarfien dwarhom iżda anki biex ir-residenti jitħajru jagħtu sehemhom fl-għaqdiet u fil-volontarjat.

Ngħinu lill-għaqdiet lokali b’kull mezz, kemm bil-promozzjoni tal-attivitajiet li jorganizzaw fil-Ħamrun u anki billi nipprovdulhom il-faċilitajiet tal-lokalità.

 

Komunikazzjoni u konsultazzjoni

Il-Kunsill Lokali jeħtieġ jibqa’ jikkonsulta lir-residenti f’kull inizjattiva tiegħu li tkun tolqot direttament lir-residenti, u nħeġġuhom jattendu iżjed għal-laqgħat tal-Kunsill.

Nipprovdu informazzjoni aktar spissa lir-residenti permezz tal-bulettin li jippubblika l-Kunsill minn żmien għal żmien.

Inħaddmu l-vantaġġi li tipprovdi l-midja soċjali biex ir-residenti jibqgħu infurmati kontinwament bl-inizjattivi li jkunu qed jittieħdu. Nagħtu aċċess lill-għaqdiet lokali għall-midja soċjali tal-Kunsill biex itejbu l-komunikazzjoni tagħhom u biex jippromwovu l-attivitajiet li jkunu qed jorganizzaw.

 

Il-komunità kummerċjali

Il-Kunsill jeħtieġ iżomm kuntatt frekwenti mas-sidien tal-entitajiet kummerċjali lokali biex inwettqu ħidma li tgħin lir-residenti u lil dawk li għażlu li jinvestu n-negozju tagħhom fil-Ħamrun.

 

Il-lat soċjali

Il-Kunsill jeħtieġ jagħti importanza xierqa lil-lat soċjali tal-komunità. Għaldaqstant tul il-leġiżlatura jeħtieġ nesploraw l-idea ta’ Ċentru ta’ Matul il-Jum u ta’ Matul il-Lejl għall-anzjani tal-lokalità biex ikollhom post fejn jistgħu jiltaqgħu għal rikreazzjoni u wens u biex jiksbu informazzjoni mingħand il-professjonisti.

Flimkien mal-professjonisti li jħaddem il-Kunsill Lokali, inħejju programm ta’ ħidma soċjali li jkun ta’ fejda għal bosta familji u individwi li jeħtieġu l-appoġġ. Ikun programm li jinkludi lill-anzjani, lit-tfal, lis-single parents, lill-persuni b’ħiliet differenti, lill-persuni li jgħixu waħedhom u lil dawk li jgħaddu minn xi diffikultajiet partikolari.

 

Attivitajiet lokali u Jum il-Ħamrun

Il-Kunsill jorganizza Jum il-Ħamrun, u jżid l-involviment tar-residenti.

Flimkien mal-gvern ċentrali nissoktaw norganizzaw l-avveniment tant magħruf The Ħamrun Chocolate Festival.

Niżguraw li jiġu organizzati aktar attivitajiet li jseddqu l-għaqda fil-komunità fi żminijiet partikolari, fosthom fil-Milied, fil-Karnival, fi żmien l-Għid u fil-ġimgħa tal-festa.

Norganizzaw ukoll attivitajiet li jżidu l-għarfien dwar il-Ħamrun fost ir-residenti.