ŻOMM AĠĠORNAT:

 

Ħal Lija

Introduzzjoni

Ħal Lija llum għandu popolazzjoni li taqbeż it-3,000 persuna. Bħall-bqija tal-lokalitajiet f’Malta, Ħal Lija għandu bosta ħtiġijiet lokali partikolari li joħolqu ċertu sfida lill-Kunsill Lokali u lill-kunsillieri li se jiġu eletti f’Mejju li ġej, biex tassew jintlaħqu l-aspettattivi tar-residenti u biex Ħal Lija jibqa’ jingħata l-attenzjoni li jixraqlu.

Il-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta wkoll proposti siewja, imfassla skont il-bżonnijiet ta’ din il-lokalità, u l-kunsillieri kollha eletti f’ismu qed jimpenjaw ruħhom li jmexxuhom ’il quddiem matul il-leġiżlatura li jmiss tal-Kunsilli Lokali.

Barra minn hekk, dan il-Kunsill jeħtieġ iżomm relazzjoni tajba mal-Kunsilli Lokali tal-madwar, fosthom tal-Mosta, ta’ Ħal Balzan u Ħ’Attard, tal-Iklin u ta’ Birkirkara biex ikun jista’ jwettaq il-ħidma tiegħu li tkun teħtieġ il-koperazzjoni ta’ Kunsilli oħrajn.

 

L-infrastruttura

Bankini

Il-Kunsill ta’ Ħal Lija jissokta bil-programm ta’ tiswijiet tal-bankini biex ir-residenti jkollhom bankini ta’ kwalità li jagħtuhom is-sigurtà li jixtiequ u li jkunu aċċessibbli għall-anzjani, għall-persuni b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa.

Niżguraw li nneħħu l-perikli li wħud mill-bankini qed joħolqu biex nevitaw l-inċidenti u li nibnu oħrajn ġodda skont il-bżonn.

Toroq

Il-Kunsill jibqa’ jagħmel pressjoni fuq il-gvern ċentrali biex iwettaq dak li wiegħed, jiġifieri li fis-snin li ġejjin jagħmel it-toroq ewlenin kollha ta’ Ħal Lija. Nitħabtu biex fix-xhur li ġejjin jinbeda x-xogħol fi Triq Ferdinand Grech u jitkompla fl-inħawi Ta’ Sejduna.

Fl-istess waqt, il-Kunsill se jkompli għaddej bit-tiswija tat-toroq tal-lokalità biex ikunu evitati l-inċidenti u l-ħsarat fil-vetturi li jużawhom. Se nkunu qed naħdmu wkoll fuq Sqaq Nru 2 Triq Preziosi u nissoktaw bi sqaqien oħrajn madwar il-lokalità.

Inniedu proġett biex niżguraw li t-toroq tal-lokalità jkunu mdawla kif xieraq u li d-dawl ikun effiċjenti fl-użu tal-enerġija.

Playing fields, ġonna, pjazez u żoni miftuħa

Il-Kunsill Lokali jiżgura li tibqa’ ssir il-manutenzjoni tal-playing fields, tal-ġonna u tal-ispazji miftuħa biex jinżammu dejjem fi stat tajjeb għar-residenti.

Nagħtu importanza lit-tħaddir urban u lill-infrastruttura soċjali u ċivika li qiegħda fir-responsabbiltà tal-Kunsill.

Inżidu l-ispazji miftuħa fil-lokalità biex ir-residenti u l-familji ta’ Ħal Lija jkollhom żoni apposta għar-rikreazzjoni.

 

It-traffiku u l-parkeġġ

Il-Kunsill jeħtieġ jidħol f’diskussjonijiet mal-awtoritajiet mingħajr dewmien biex tinstab soluzzjoni għall-fluss tal-karozzi li qed jgħaddu minn Ħal Lija f’ċertu ħinijiet tal-ġurnata. Dan hu ta’ inkonvenjent għar-residenti u sors qawwi ta’ tniġġis.

Nagħrfu li l-problema tal-parkeġġ qed kulma jmur tiżdied u għalhekk il-Kunsill jeħtieġ isib mezz biex jinħolqu spazji għal aktar parkeġġ, b’mod partikolari fiż-żoni ta’ Ħal Lija li qed ibatu l-iżjed minn din il-problema.

 

It-trasport pubbliku

Il-Kunsill jibqa’ jaċċerta li r-rotta tat-transport pubbliku tkun taqdi l-ħtiġijiet tat-trasport tar-residenti ta’ Ħal Lija biex niżguraw li dawn jibqgħu moqdijin sew.

Nissoktaw bil-ħidma fuq l-installazzjoni ta’ stejġijiet ta’ tal-linja madwar il-lokalità.

 

Is-sigurtà

Il-Kunsill jiżgura li f’ċertu żoni jitwaħħlu sistemi tas-CCTV ta’ kwalità biex jonqsu l-abbużi u l-atti vandali u biex ir-residenti jgħixu aktar b’moħħhom mistrieħ.

Nagħmlu pressjoni fuq l-awtoritajiet kompetenti biex tiżdied il-preżenza tal-pulizija fit-toroq speċjalment fil-ħinijiet ta’ filgħaxija.

 

L-ambjent u l-indafa

Il-Kunsill jibda jaħdem qatigħ biex niżguraw li l-lokalità tagħna ma tinħakimx minn bini għoli aktar milli suppost biex nibżgħu għall-patrimonju u l-ambjent.

Minbarra fejn jidħol id-dawl fit-toroq, inwettqu proġetti oħrajn tal-enerġija rinnovabbli fiż-żoni pubbliċi, fosthom billi nesploraw il-possibbiltà ta’ ħidma bi sħab mal-entitajiet lokali ħalli jitwaħħlu panelli solari fuq postijiet pubbliċi, u mezzi oħrajn għal enerġija alternattiva.

Il-Kunsill jeħtieġ juża l-ispazji tat-tħawwil bl-aħjar mod, u jara li jinżammu dejjem fi stat tajjeb. Infasslu pjan biex jinstabu żoni oħrajn li jistgħu jissebbħu bix-xtieli u bis-siġar.

Flimkien mal-awtoritajiet kompetenti, nagħtu prijorità lill-indafa tal-lokalità. Barra minn hekk, niżguraw li l-iskart jinħareġ u jinġabar fil-ħin u kif suppost, u li l-kuntratt tal-knis tal-lokalità jitħaddem kif mistenni.

Nissoktaw b’għadd ta’ inizjattivi siewja relatati mal-immaniġġjar tal-iskart u nkomplu l-installazzjoni tal-laned għall-ħmieġ tal-annimali madwar il-lokalità.

 

L-edukazzjoni u l-kultura

Il-Kunsill jibqa’ jżomm relazzjoni tajba mal-iskola primarja tal-lokalità, fost l-oħrajn b’sessjonijiet dwar l-iffrankar tal-enerġija, it-tħawwil tax-xtieli u s-separazzjoni tal-iskart.

Inkomplu nipprovdu korsijiet lill-komunità ta’ Ħal Lija biex ittejjeb il-ħiliet u l-kwalifiki tagħha, u minn żmien għal żmien inqassmu materjal edukattiv biex ir-residenti jibqgħu infurmati dwar l-inizjattivi u l-attivitajiet li jkunu qed iseħħu fil-lokalità.

 

Il-wirt storiku

Il-Kunsill jaħdem mal-gvern ċentrali u mal-awtoritajiet biex isir restawr tat-torri filwaqt li jissokta bil-proġett ta’ restawr tal-mitħna biex tingħata s-sura li jixirqilha.

Flimkien ma’ Ħ’Attard u Ħal Balzan, Ħal Lija hu parti mit-tliet irħula u għaldaqstant jeħtieġ nikkollaboraw bejnietna biex inżommu ħajja u nmantnu l-mogħdija storika li konna ħloqna flimkien mal-awtoritajiet.

 

L-isport

Naħdmu mal-għaqdiet sportivi biex il-faċilitajiet sportivi eżistenti tal-lokalità tibqa’ ssirilhom il-manutenzjoni meħtieġa ħalli jibqgħu dejjem fi stat tajjeb, u minn żmien għal żmien nibqgħu norganizzaw attivitajiet sportivi li jattiraw bosta interess.

Ninstallaw għadd ta’ slottijiet għar-roti madwar il-lokalità.

Nibqgħu nkunu pjattaforma tajba għall-inizjattivi sportivi fil-lokalità biex nagħtu sehemna fil-ġlieda kontra l-vizzji u l-obeżità, u biex aktar tfal, adolexxenti u żgħażagħ jinvolvu ruħhom b’mod attiv fl-isports.

 

L-għaqdiet fil-lokalità

Il-Kunsill jimpenja ruħu li jtejjeb u jkattar il-kuntatt mal-għaqdiet tal-lokalità għall-benefiċċju ta’ dawk kollha involuti.

Niżguraw li l-għaqdiet lokali jingħataw aktar involviment attiv fil-komunità ta’ Ħal Lija, mhux biss biex jiżdied l-għarfien dwarhom iżda anki biex ir-residenti jitħajru jagħtu sehemhom fl-għaqdiet u fil-volontarjat.

Ngħinu lill-għaqdiet lokali b’kull mezz, kemm bil-promozzjoni tal-attivitajiet li jorganizzaw f’Ħal Lija u anki billi nipprovdulhom il-faċilitajiet tal-lokalità.

 

Komunikazzjoni u konsultazzjoni

Il-Kunsill Lokali jeħtieġ jibqa’ jikkonsulta lir-residenti f’kull inizjattiva tiegħu li tkun tolqot direttament lir-residenti.

Nipprovdu servizz ta’ applikazzjonijiet online u nħaddmu l-vantaġġi li tipprovdi l-midja soċjali biex ir-residenti jibqgħu infurmati kontinwament bl-inizjattivi li jkunu qed jittieħdu.

Nagħtu aċċess lill-għaqdiet lokali għall-midja soċjali tal-Kunsill biex itejbu l-komunikazzjoni tagħhom u biex jippromwovu l-attivitajiet li jkunu qed jorganizzaw.

Nipprovdu informazzjoni lir-residenti permezz tal-bulettin li jippubblika l-Kunsill minn żmien għal żmien.

 

Il-komunità kummerċjali

Il-Kunsill jibqa’ jżomm kuntatt frekwenti mas-sidien tal-entitajiet kummerċjali lokali biex inwettqu ħidma li tgħin lir-residenti u lil dawk li għażlu li jinvestu n-negozju tagħhom f’Ħal Lija.

 

Il-Fondi Ewropej

Ningaġġaw u ninvolvu lil persuni esperti fil-fondi Ewropej biex jiġu identifikati oqsma li jattiraw il-fondi tal-Unjoni Ewropea. Din l-inizjattiva għandha tinkludi wkoll lill-għaqdiet tal-lokalità biex anki huma jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-fondi tal-Unjoni Ewropea.

 

Il-lat soċjali

Bil-ħidma tiegħu, il-Kunsill jeħtieġ jagħti importanza kbira lil-lat soċjali tal-komunità. Għalhekk, tul il-leġiżlatura nibqgħu nappoġġaw bis-sħiħ il-proġetti ta’ fejda għall-komunità ta’ Ħal Lija, b’mod partikolari biex ir-residenti jħossuhom parti minn din il-komunità.

 

Attivitajiet lokali u Jum Ħal Lija

Il-Kunsill jibqa’ jorganizza Jum Ħal Lija u jżid l-involviment tar-residenti.

Barra minn hekk, niżguraw li jiġu organizzati aktar attivitajiet li jseddqu l-għaqda fil-komunità fi żminijiet partikolari, fosthom fi żmien il-Milied u fi żmien l-Għid, u fil-ġimgħa tal-festa.

Norganizzaw ukoll attivitajiet li jżidu l-għarfien dwar Ħal Lija fost ir-residenti.