ŻOMM AĠĠORNAT:

 

Ħal Luqa

Introduzzjoni

Ħal Luqa llum għandu popolazzjoni ta’ madwar 6,000 persuna. Bħall-bqija tal-lokalitajiet f’Malta, Ħal Luqa għandu bosta ħtiġijiet lokali partikolari li joħolqu ċertu sfida lill-Kunsill Lokali u lill-kunsillieri li se jiġu eletti f’Mejju li ġej, biex tassew jintlaħqu l-aspettattivi tar-residenti u biex Ħal Luqa jibqa’ jingħata l-attenzjoni li jixraqlu.

Il-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta wkoll proposti siewja, imfassla skont il-bżonnijiet ta’ din il-lokalità, u l-kunsillieri kollha eletti f’ismu qed jimpenjaw ruħhom li jmexxuhom ’il quddiem matul il-leġiżlatura li jmiss tal-Kunsilli Lokali.

Barra minn hekk, dan il-Kunsill jeħtieġ iżomm relazzjoni tajba mal-Kunsilli Lokali tal-madwar, fosthom ta’ Santa Luċija, tal-Gudja, ta’ Ħal Għaxaq, ta’ Ħal Kirkop u ta’ Ħal Qormi biex ikun jista’ jwettaq il-ħidma tiegħu li tkun teħtieġ il-koperazzjoni ta’ Kunsilli oħrajn.

 

L-infrastruttura

Bankini

Il-Kunsill ta’ Ħal Luqa jissokta bil-programm ta’ tiswijiet tal-bankini. Se nkomplu naħdmu biex ir-residenti jkollhom bankini ta’ kwalità li jagħtuhom is-sigurtà li jixtiequ u li jkunu aċċessibbli għall-anzjani, għall-persuni b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa.

Niżguraw li nneħħu l-perikli li wħud mill-bankini qed joħolqu biex nevitaw l-inċidenti u li nibnu oħrajn ġodda skont il-bżonn.

Toroq

Il-Kunsill jibqa’ jagħmel pressjoni fuq il-gvern ċentrali biex iwettaq dak li wiegħed, jiġifieri li fis-snin li ġejjin jagħmel it-toroq ewlenin ta’ Ħal Luqa.

Naħdmu biex issir il-manutenzjoni meħtieġa fi Triq Valletta, fi Triq ir-Rixtellu, fi Triq id-9 ta’ April u f’parti minn Triq il-Ġdida.

Fl-istess waqt, il-Kunsill se jkompli għaddej bit-tiswija tat-toroq tal-lokalità biex ikunu evitati l-inċidenti u l-ħsarat fil-vetturi li jużawhom.

Playing fields, ġonna, pjazez u żoni miftuħa

Bħala Kunsill, niżguraw li jitkompla x-xogħol ta’ manutenzjoni fil-ġonna u fl-ispazji miftuħa biex jibqgħu dejjem fi stat tajjeb għar-residenti.

Nagħtu importanza wkoll lit-tħaddir urban tal-lokalità u lill-infrastruttura soċjali u ċivika li hi fir-responsabbiltà tal-Kunsill.

 

It-traffiku u l-parkeġġ

Nagħrfu li l-problema tal-parkeġġ qed kulma jmur tiżdied u għalhekk il-Kunsill jeħtieġ isib mezz biex jinħolqu spazji għal aktar parkeġġ, b’mod partikolari fiż-żoni ta’ Ħal Luqa li qed ibatu l-iżjed minn din il-problema.

Nagħmlu studju u nimplimentaw sistema tal-immaniġġjar tat-traffiku fl-inħawi tal-iskola, b’mod partikolari fil-ħinijiet tad-dħul u l-ħruġ biex intejbu l-fluss tat-traffiku fl-inħawi u niżguraw is-sigurtà tat-tfal.

Inħeġġu b’kull mod l-użu tar-roti u ntejbu l-parkeġġ għar-roti fil-pjazza tar-raħal.

 

It-trasport pubbliku

Nibnu stejġijiet ta’ tal-linja fi Triq San Tumas, f’Wesgħet il-Vittmi tal-Gwerra u ħdejn id-Dar tal-anzjani San Vinċenz.

Issa li fetaħ iċ-ċentru tas-saħħa ta’ Ħal Kirkop, nibdew nipprovdu mezz tat-trasport ċirkolari lir-residenti ta’ Ħal Farruġ għal dan iċ-ċentru.

 

Is-sigurtà

Il-Kunsill jiżgura li fiż-żoni magħrufa għall-abbużi jitwaħħlu sistemi tas-CCTV ta’ kwalità biex jonqos l-abbuż u r-residenti jgħixu aktar b’moħħhom mistrieħ.

Nagħmlu pressjoni fuq l-awtoritajiet kompetenti biex tiżdied il-preżenza tal-pulizija fil-lokalità speċjalment fil-ħinijiet ta’ filgħaxija.

 

L-ambjent u l-indafa

Il-Kunsill jibda jaħdem fuq proġetti ta’ enerġija alternattiva u rinnovabbli, speċjalment fit-toroq tal-lokalità. Ifassal programm ċar għat-toroq li jkun jimplimenta sistemi tad-dawl iġġenerat minn sorsi alternattivi tal-enerġija.

Inwettqu proġetti oħrajn tal-enerġija rinnovabbli fiż-żoni pubbliċi, fosthom billi nesploraw il-possibbiltà ta’ ħidma bi sħab mal-entitajiet lokali ħalli jitwaħħlu panelli solari fuq postijiet pubbliċi, u mezzi oħrajn għal enerġija alternattiva.

Il-Kunsill jeħtieġ juża l-ispazji tat-tħawwil bl-aħjar mod, u jara li jinżammu dejjem fi stat tajjeb. Infasslu pjan biex jinstabu żoni oħrajn li jistgħu jissebbħu bix-xtieli u bis-siġar.

Nibdew il-proċess biex fit-toroq tal-lokalità jiġu installati laned tal-iskart.

Flimkien mal-awtoritajiet kompetenti, nagħtu prijorità lill-indafa tal-lokalità. Barra minn hekk, niżguraw li l-iskart jinġabar fil-ħin u kif suppost, u li l-kuntratt tal-knis tal-lokalità jitħaddem kif mistenni.

Nissoktaw b’għadd ta’ inizjattivi siewja relatati mal-immaniġġjar tal-iskart.

 

L-edukazzjoni u l-kultura

Nibqgħu ngħinu u nappoġġaw lill-iskola tal-lokalità u nagħmlu l-pressjoni meħtieġa mal-awtoritajiet biex isir titjib fil-faċilitajiet sanitarji tal-iskola primarja.

Nipprovdu għadd ġmielu ta’ korsijiet, fosthom fl-informatika, għal min irid jitgħallem juża l-kompjuter u l-internet, u anki għal min irid jikseb ċertifikat fl-ECDL, biex b’hekk ir-residenti ta’ Ħal Luqa jkollhom l-opportunità li jtejbu l-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom.

Minn żmien għal żmien, inqassmu materjal edukattiv biex ir-residenti ta’ Ħal Luqa jibqgħu infurmati dwar l-inizjattivi u l-attivitajiet li jkunu qed iseħħu fil-lokalità. Fil-binja tal-Kunsill norganizzaw ukoll bosta wirjiet kulturali li juru talenti lokali u nazzjonali.

Inwettqu programm ta’ integrazzjoni għall-barranin li jgħixu fil-lokalità.

 

Il-wirt storiku

Infasslu pjan għal numru ta’ snin biex il-binjiet u l-attrazzjonijiet storiċi tal-lokalità jsirilhom ir-restawr meħtieġ u jibqgħu jinżammu fi stat tajjeb. Għal dan il-għan, naħdmu biex niksbu l-għajnuna finanzjarja tal-fondi Ewropej u tal-gvern ċentrali.

 

L-isport

Il-Kunsill jissokta jtejjeb il-faċilitajiet sportivi għaż-żgħażagħ u r-residenti ta’ Ħal Luqa.

Nibqgħu nkunu pjattaforma tajba għall-inizjattivi sportivi fil-lokalità biex nagħtu sehemna fil-ġlieda kontra l-vizzji u l-obeżità, u biex aktar tfal, adolexxenti u żgħażagħ jinvolvu ruħhom b’mod attiv fl-isports.

 

L-għaqdiet fil-lokalità

Il-Kunsill iħeġġeġ lill-għaqdiet tal-lokalità biex jaħdmu u jikkoordinaw aktar flimkien u biex joħorġu b’inizjattivi ġodda u konġunti ta’ fejda għal-lokalità.

Il-Kunsill jimpenja ruħu li jtejjeb u jkattar il-kuntatt mal-għaqdiet tal-lokalità għall-benefiċċju ta’ dawk kollha involuti.

Niżguraw li l-għaqdiet lokali jingħataw aktar involviment attiv fil-komunità ta’ Ħal Luqa, mhux biss biex jiżdied l-għarfien dwarhom iżda anki biex ir-residenti jitħajru jagħtu sehemhom fl-għaqdiet u fil-volontarjat.

Ngħinu lill-għaqdiet lokali b’kull mezz, kemm bil-promozzjoni tal-attivitajiet li jorganizzaw fil-lokalità u anki billi nipprovdulhom il-faċilitajiet tal-lokalità.

 

Komunikazzjoni u konsultazzjoni

Il-Kunsill Lokali jeħtieġ jibqa’ jikkonsulta lir-residenti f’kull inizjattiva tiegħu li tkun tolqot direttament lir-residenti, u nħeġġuhom jattendu iżjed għal-laqgħat tal-Kunsill.

Nipprovdu informazzjoni aktar spissa lir-residenti permezz tal-bulettin li jippubblika l-Kunsill minn żmien għal żmien.

Inħaddmu l-vantaġġi li tipprovdi l-midja soċjali biex ir-residenti jibqgħu infurmati kontinwament bl-inizjattivi li jkunu qed jittieħdu. Nagħtu aċċess lill-għaqdiet lokali għall-midja soċjali tal-Kunsill biex itejbu l-komunikazzjoni tagħhom u biex jippromwovu l-attivitajiet li jkunu qed jorganizzaw.

 

Il-komunità kummerċjali

Il-Kunsill jeħtieġ iżomm kuntatt frekwenti mas-sidien tal-entitajiet kummerċjali lokali biex inwettqu ħidma li tgħin lir-residenti u lil dawk li għażlu li jinvestu n-negozju tagħhom f’Ħal Luqa. Naraw li s-sistema tal-ġbir tal-iskart tal-entitajiet kummerċjali tkun aktar effettiva u effiċjenti biex jonqos l-inkonvenjent għar-residenti.

 

Il-lat soċjali

Flimkien mal-professjonisti tal-Kunsill Lokali, inħejju programm ta’ ħidma soċjali li jkun ta’ fejda għal bosta familji u individwi li jeħtieġu l-appoġġ. Ikun programm li jinkludi lill-anzjani, lit-tfal, lis-single parents, lill-persuni b’ħiliet differenti, lill-persuni li jgħixu waħedhom u lil dawk li jgħaddu minn xi diffikultajiet partikolari.

 

Attivitajiet lokali u Jum Ħal Luqa

Il-Kunsill jibqa’ jorganizza Jum Ħal Luqa, u jżid l-involviment tar-residenti.

Niżguraw li jiġu organizzati aktar attivitajiet li jseddqu l-għaqda fil-komunità fi żminijiet partikolari, fosthom fil-Milied, fil-Karnival, fi żmien l-Għid u fil-ġimgħa tal-festa.

Norganizzaw ukoll attivitajiet li jżidu l-għarfien dwar Ħal Luqa fost ir-residenti.