ŻOMM AĠĠORNAT:

 

Marsaxlokk

Introduzzjoni

Marsaxlokk llum għandha popolazzjoni ta’ madwar 3,500 persuna. Bħall-bqija tal-lokalitajiet f’Malta, Marsaxlokk għandha bosta ħtiġijiet lokali partikolari li joħolqu ċertu sfida lill-Kunsill Lokali u lill-kunsillieri li se jiġu eletti f’Mejju li ġej, biex tassew jintlaħqu l-aspettattivi tar-residenti u biex Marsaxlokk tibqa’ tingħata l-attenzjoni li jixirqilha.

Il-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta wkoll proposti siewja, imfassla skont il-bżonnijiet ta’ din il-lokalità, u l-kunsillieri kollha eletti f’ismu qed jimpenjaw ruħhom li jmexxuhom ’il quddiem matul il-leġiżlatura li jmiss tal-Kunsilli Lokali.

Barra minn hekk, dan il-Kunsill jeħtieġ iżomm relazzjoni tajba mal-Kunsilli Lokali tal-madwar, fosthom ta’ Marsaskala, ta’ Birżebbuġa u taż-Żejtun biex ikun jista’ jwettaq il-ħidma tiegħu li tkun teħtieġ il-koperazzjoni ta’ Kunsilli oħrajn.

 

L-infrastruttura

Bankini

Il-Kunsill ta’ Marsaxlokk jissokta bil-programm ta’ tiswijiet tal-bankini. Se nkomplu naħdmu biex ir-residenti jkollhom bankini ta’ kwalità li jagħtuhom is-sigurtà li jixtiequ u li jkunu aċċessibbli għall-anzjani, għall-persuni b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa.

Niżguraw li nneħħu l-perikli li wħud mill-bankini qed joħolqu biex nevitaw l-inċidenti u li nibnu oħrajn ġodda skont il-bżonn.

Toroq

Il-Kunsill jibqa’ jagħmel pressjoni fuq il-gvern ċentrali biex iwettaq dak li wiegħed, jiġifieri li fis-snin li ġejjin jagħmel it-toroq ewlenin tal-lokalità.

Fl-istess waqt, il-Kunsill se jkompli għaddej bit-tiswija tat-toroq tal-lokalità biex ikunu evitati l-inċidenti u l-ħsarat fil-vetturi li jużawhom. Se nkunu qed nagħtu importanza lit-toroq li jeħtieġu intervent mingħajr dewmien.

Playing fields, ġonna, pjazez u żoni miftuħa

Il-kunsillieri Nazzjonalisti fil-Kunsill Lokali jiżguraw li jitkompla x-xogħol ta’ manutenzjoni fil-ġonna u fl-ispazji miftuħa biex jibqgħu dejjem fi stat tajjeb għar-residenti. Nagħmlu manutenzjoni fuq il-bandli u ma nħallux perikli żejda għat-tfal.

Noħolqu gym fl-apert biex inħeġġu l-eżerċizzju fiżiku.

Intejbu l-qagħda tax-xatt għall-ġid tar-residenti, iżda mingħajr ma nxekklu lin-negozji.

Nissoktaw bid-diskussjonijiet mal-awtoritajiet u mal-entitajiet, u bil-konsultazzjonijiet man-negozji u mar-residenti dwar il-Pjan Ewlieni maħsub għax-xatt ta’ Marsaxlokk biex nisimgħu l-ideat u l-aspettattivi ta’ kull min hu milqut.

Nagħtu importanza wkoll lit-tħaddir urban tal-lokalità u lill-infrastruttura soċjali u ċivika li hi fir-responsabbiltà tal-Kunsill.

 

It-traffiku u l-parkeġġ

Nagħrfu li l-problema tal-parkeġġ qed kulma jmur tiżdied u għalhekk il-Kunsill jeħtieġ isib mezz biex jinħolqu spazji għal aktar parkeġġ, b’mod partikolari fiż-żoni ta’ Marsaxlokk li qed ibatu l-iżjed minn din il-problema.

 

It-trasport pubbliku

Filwaqt li jidher li Marsaxlokk hi moqdija sew fejn jidħol it-trasport pubbliku, naraw li s-servizz ta’ filgħodu ma jkunx ta’ inkonvenjent għall-ħaddiema.

 

Is-sigurtà

Il-Kunsill jiżgura li fiż-żoni magħrufa għall-abbużi jitwaħħlu sistemi tas-CCTV ta’ kwalità biex jonqsu l-abbużi u l-atti vandali, u biex ir-residenti jgħixu aktar b’moħħhom mistrieħ.

Nagħmlu pressjoni fuq l-awtoritajiet kompetenti biex tiżdied il-preżenza tal-pulizija fil-lokalità speċjalment fil-ħinijiet ta’ filgħaxija.

Niżguraw li Marsaxlokk ikollu għassa tal-Pulizija organizzata u miftuħa billejl u binhar.

 

L-ambjent u l-indafa

Il-Kunsill jibda jaħdem fuq proġetti ta’ enerġija alternattiva u rinnovabbli, speċjalment fit-toroq tal-lokalità. Ifassal programm ċar għat-toroq li jkun jimplimenta sistemi tad-dawl iġġenerat minn sorsi alternattivi tal-enerġija.

Inwettqu proġetti oħrajn tal-enerġija rinnovabbli fiż-żoni pubbliċi, fosthom billi nesploraw il-possibbiltà ta’ ħidma bi sħab mal-entitajiet lokali ħalli jitwaħħlu panelli solari fuq postijiet pubbliċi, u mezzi oħrajn għal enerġija alternattiva.

Il-Kunsill jeħtieġ juża l-ispazji tat-tħawwil bl-aħjar mod, u jara li jinżammu dejjem fi stat tajjeb. Infasslu pjan biex jinstabu żoni oħrajn li jistgħu jissebbħu bix-xtieli u bis-siġar.

Nibdew il-proċess biex fit-toroq tal-lokalità jiġu installati laned tal-iskart, u matul ix-xatt u f’żoni oħrajn jitwaħħlu għadd ta’ laned apposta għall-ħmieġ tal-annimali.

Flimkien mal-awtoritajiet kompetenti, nagħtu prijorità lill-indafa tal-lokalità. Barra minn hekk, niżguraw li l-iskart jinġabar fil-ħin u kif suppost, u li l-kuntratt tal-knis tal-lokalità jitħaddem kif mistenni.

Nissoktaw b’għadd ta’ inizjattivi siewja relatati mal-immaniġġjar tal-iskart.

 

L-edukazzjoni u l-kultura

Nipprovdu għadd ġmielu ta’ korsijiet, fosthom fl-informatika, għal min irid jitgħallem juża l-kompjuter u l-internet, u anki għal min irid jikseb ċertifikat fl-ECDL, biex b’hekk ir-residenti tax-Xgħajra jkollhom l-opportunità li jtejbu l-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom.

Minn żmien għal żmien, inqassmu materjal edukattiv biex ir-residenti ta’ Marsaxlokk jibqgħu infurmati dwar l-inizjattivi u l-attivitajiet li jkunu qed iseħħu fil-lokalità. Fil-binja tal-Kunsill norganizzaw ukoll bosta wirjiet kulturali li juru talenti lokali u nazzjonali.

 

Il-wirt storiku

Naħdmu mal-awtoritajiet konċernati fuq ir-restawr ta’ wħud mis-siti storiċi ta’ Marsaxlokk, fosthom it-Torri Vendom u oħrajn fl-inħawi ta’ Tas-Silġ, bl-għajnuna tal-fondi Ewropej u l-fondi tal-gvern ċentrali.

Flimkien mal-fondazzjonijiet u l-entitajiet kompetenti, norganizzaw għadd ta’ żjarat kulturali għar-residenti fil-postijiet storiċi ta’ Marsaxlokk.

 

L-isport

Il-Kunsill jissokta jtejjeb il-faċilitajiet sportivi għaż-żgħażagħ ta’ Marsaxlokk, fosthom bi proġett ta’ gym fl-apert għar-residenti kollha.

Nibqgħu nkunu pjattaforma tajba għall-inizjattivi sportivi fil-lokalità biex nagħtu sehemna fil-ġlieda kontra l-vizzji u l-obeżità, u biex aktar tfal, adolexxenti u żgħażagħ jinvolvu ruħhom b’mod attiv fl-isports.

 

L-għaqdiet fil-lokalità

Il-Kunsill jimpenja ruħu li jtejjeb u jkattar il-kuntatt mal-għaqdiet tal-lokalità għall-benefiċċju ta’ dawk kollha involuti.

Niżguraw li l-għaqdiet lokali jingħataw aktar involviment attiv fil-komunità ta’ Marsaxlokk, mhux biss biex jiżdied l-għarfien dwarhom iżda anki biex ir-residenti jitħajru jagħtu sehemhom fl-għaqdiet u fil-volontarjat.

Ngħinu lill-għaqdiet lokali b’kull mezz, kemm bil-promozzjoni tal-attivitajiet li jorganizzaw f’Marsaxlokk u anki billi nipprovdulhom il-faċilitajiet tal-lokalità.

 

Komunikazzjoni u konsultazzjoni

Il-Kunsill Lokali jeħtieġ jibqa’ jikkonsulta lir-residenti f’kull inizjattiva tiegħu li tkun tolqot direttament lir-residenti, u nħeġġuhom jattendu iżjed għal-laqgħat tal-Kunsill.

Nipprovdu informazzjoni aktar spissa lir-residenti permezz tal-bulettin li jippubblika l-Kunsill minn żmien għal żmien.

Inħaddmu l-vantaġġi li tipprovdi l-midja soċjali biex ir-residenti jibqgħu infurmati kontinwament bl-inizjattivi li jkunu qed jittieħdu. Nagħtu aċċess lill-għaqdiet lokali għall-midja soċjali tal-Kunsill biex itejbu l-komunikazzjoni tagħhom u biex jippromwovu l-attivitajiet li jkunu qed jorganizzaw.

 

Il-komunità kummerċjali

Il-Kunsill jeħtieġ iżomm kuntatt frekwenti mas-sidien tal-entitajiet kummerċjali lokali biex inwettqu ħidma li tgħin lir-residenti u lil dawk li għażlu li jinvestu n-negozju tagħhom f’Marsaxlokk.

 

Il-lat soċjali

Il-Kunsill jeħtieġ jagħti importanza xierqa lil-lat soċjali tal-komunità. Għaldaqstant tul il-leġiżlatura jeħtieġ nesploraw l-idea ta’ Ċentru ta’ Matul il-Jum u ta’ Matul il-Lejl għall-anzjani tal-lokalità biex ikollhom post fejn jistgħu jiltaqgħu għal rikreazzjoni u wens u biex jiksbu informazzjoni mingħand il-professjonisti.

Flimkien mal-professjonisti li jħaddem il-Kunsill Lokali, inħejju programm ta’ ħidma soċjali li jkun ta’ fejda għal bosta familji u individwi li jeħtieġu l-appoġġ. Ikun programm li jinkludi lill-anzjani, lit-tfal, lis-single parents, lill-persuni b’ħiliet differenti, lill-persuni li jgħixu waħedhom u lil dawk li jgħaddu minn xi diffikultajiet partikolari.

Naħdmu biex il-Kunsill Lokali jkollu lok ċentrali adegwat bi spazju biżżejjed biex iwettaq il-funzjonijiet tiegħu fil-lokalità.

 

Attivitajiet lokali

Niżguraw li jiġu organizzati aktar attivitajiet li jseddqu l-għaqda fil-komunità fi żminijiet partikolari, fosthom fil-Milied u fi żmien l-Għid.

Norganizzaw ukoll attivitajiet li jżidu l-għarfien dwar Marsaxlokk fost ir-residenti.