ŻOMM AĠĠORNAT:

 

Il-Mellieħa

Introduzzjoni

Il-Mellieħa llum għandha popolazzjoni ta’ aktar minn 10,000 persuna. Bħall-bqija tal-lokalitajiet f’Malta, il-Mellieħa għandha bosta ħtiġijiet lokali partikolari li joħolqu ċertu sfida lill-Kunsill Lokali u lill-kunsillieri li se jiġu eletti f’Mejju li ġej, biex tassew jintlaħqu l-aspettattivi tar-residenti u biex il-Mellieħa tibqa’ tingħata l-attenzjoni li jixirqilha.

Il-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta wkoll proposti siewja, imfassla skont il-bżonnijiet ta’ din il-lokalità, u l-kunsillieri kollha eletti f’ismu qed jimpenjaw ruħhom li jmexxuhom ’il quddiem matul il-leġiżlatura li jmiss tal-Kunsilli Lokali.

Barra minn hekk, dan il-Kunsill jeħtieġ iżomm relazzjoni tajba mal-Kunsilli Lokali tal-madwar, fosthom tal-Mosta, tal-Imġarr, ta’ San Pawl il-Baħar u tan-Naxxar biex ikun jista’ jwettaq il-ħidma tiegħu li tkun teħtieġ il-koperazzjoni ta’ Kunsilli oħrajn.

 

L-infrastruttura

Bankini

Il-Kunsill tal-Mellieħa jissokta bil-programm ta’ tiswijiet tal-bankini biex ir-residenti jkollhom bankini ta’ kwalità li jagħtuhom is-sigurtà li jixtiequ u li jkunu aċċessibbli għall-anzjani, għall-persuni b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa.

Niżguraw li nneħħu l-perikli li wħud mill-bankini qed joħolqu biex nevitaw l-inċidenti u li nibnu oħrajn ġodda skont il-bżonn.

Toroq

Il-Kunsill jibqa’ jagħmel pressjoni fuq il-gvern ċentrali biex iwettaq dak li wiegħed, jiġifieri li fis-snin li ġejjin jagħmel it-toroq kollha tal-Mellieħa, filwaqt li nużaw il-mezzi kollha biex dak li seħħ fil-bypass tal-Mellieħa/fiż-żona Ta’ Masrija u fid-daħla tal-Mellieħa ma jirrepetix ruħu ħalli nippriżervaw il-karatteristiċi tal-lokalità.

Fl-istess waqt, il-Kunsill se jkompli għaddej bit-tiswija tat-toroq tal-lokalità biex ikunu evitati l-inċidenti u l-ħsarat fil-vetturi li jużawhom.

Playing fields, ġonna, pjazez u żoni miftuħa

Il-Kunsill Lokali jiżgura li tibqa’ ssir il-manutenzjoni tal-playing fields, tal-ġonna u tal-ispazji miftuħa biex jinżammu dejjem fi stat tajjeb għar-residenti.

Nagħtu importanza lit-tħaddir urban u lill-infrastruttura soċjali u ċivika li qiegħda fir-responsabbiltà tal-Kunsill.

Inżidu l-ispazji miftuħa fil-lokalità biex ir-residenti u l-familji Melliħin ikollhom żoni apposta għar-rikreazzjoni, fosthom belvedere fi Triq l-Assedju l-Kbir.

Inniedu proġett li jagħti dehra moderna lill-pjazza tar-raħal u naraw li din tibqa’ tinżamm fi stat tajjeb, filwaqt li nsibu lok għal latrina pubblika.

 

It-traffiku u l-parkeġġ

Inwettqu studju estensiv dwar l-impatt tat-traffiku fil-Mellieħa u proċess ta’ konsultazzjoni mar-residenti u n-negozji biex ikunu nistgħu nieħdu deċiżjonijiet fl-interess tal-lokalità u dawk kollha involuti.

Nagħrfu li l-problema tal-parkeġġ qed kulma jmur tiżdied u għalhekk il-Kunsill jeħtieġ isib mezz biex jinħolqu spazji għal aktar parkeġġ, b’mod partikolari fiż-żoni tal-Mellieħa li qed ibatu l-iżjed minn din il-problema.

 

It-trasport pubbliku

Il-Kunsill Lokali jaħdem mal-awtoritajiet biex fil-Mellieħa nesploraw il-possibbiltà li jonqos il-fluss ta’ karozzi tal-linja fiċ-ċentru tal-lokalità u biex fl-istess waqt niżguraw li r-residenti jkunu moqdijin sew.

Nieħdu ħsieb li titkompla l-ħidma fuq l-installazzjoni ta’ stejġijiet ta’ tal-linja madwar il-lokalità.

Naħdmu biex tittaffa l-problema tat-trasport pubbliku billi nistudjaw il-possibbiltà li jitħaddem servizz ta’ minivan li jikkumplimenta s-servizz tal-gvern, biex ir-residenti jkunu jistgħu jużaw aħjar is-servizzi taċ-ċentru tas-saħħa u tal-banek.

 

Is-sigurtà

Il-Kunsill jiżgura li fiż-żoni magħrufa għall-abbużi jitwaħħlu sistemi tas-CCTV ta’ kwalità biex jonqsu l-abbużi u l-atti vandali u biex ir-residenti jgħixu aktar b’moħħhom mistrieħ.

Nagħmlu pressjoni fuq l-awtoritajiet kompetenti biex tiżdied il-preżenza tal-pulizija fit-toroq speċjalment fil-ħinijiet ta’ billejl.

Naħdmu mal-awtoritajiet biex nesploraw il-kunċett tal-community policing bħala proġett pilota biex tonqos il-kriminalità u nserrħu moħħ ir-residenti.

Ninsistu li fil-ġranet tal-iskola, fil-ħin tad-dħul u l-ħruġ, ikun hemm il-preżenza ta’ pulizija jew uffiċjal tal-komunità quddiem l-iskola tal-Mellieħa.

 

L-ambjent u l-indafa

Il-Kunsill jibda jaħdem fuq proġetti ta’ enerġija alternattiva u rinnovabbli, speċjalment fit-toroq tal-lokalità. Ifassal programm ċar għat-toroq li jkun jimplimenta sistemi tad-dawl iġġenerat minn sorsi alternattivi tal-enerġija.

Inwettqu proġetti oħrajn tal-enerġija rinnovabbli fiż-żoni pubbliċi, fosthom billi nesploraw il-possibbiltà ta’ ħidma bi sħab mal-entitajiet lokali ħalli jitwaħħlu panelli solari fuq postijiet pubbliċi, u mezzi oħrajn għal enerġija alternattiva.

Il-Kunsill jeħtieġ juża l-ispazji tat-tħawwil bl-aħjar mod, u jara li jinżammu dejjem fi stat tajjeb. Infasslu pjan biex jinstabu żoni oħrajn li jistgħu jissebbħu bix-xtieli u bis-siġar.

Nidentifikaw aktar żoni pedonali fil-Mellieħa bħalma sar fil-passat f’Misraħ iż-Żjara tal-Papa.

Flimkien mal-awtoritajiet kompetenti, nagħtu prijorità lill-indafa tal-lokalità. Barra minn hekk, niżguraw li l-iskart jinħareġ u jinġabar fil-ħin u kif suppost, u li l-kuntratt tal-knis tal-lokalità jitħaddem kif mistenni.

Ninvolvu lill-għaqdiet u lill-NGOs biex isiru attivitajiet ta’ tindif f’ċertu nħawi tal-lokalità.

Ninsistu mal-gvern ċentrali u mal-LESA biex jiżdied l-infurzar ħalli jinqatgħu l-abbużi tar-rimi tal-iskart bl-addoċċ u biex jitħarsu kif xieraq is-siti ta’ valur ambjentali u ta’ Natura 2000.

Nissoktaw b’għadd ta’ inizjattivi siewja relatati mal-immaniġġjar tal-iskart.

Inniedu proġett biex jitneħħew il-kejbils madwar il-lokalità li m’għadx hemm bżonnhom.

Nieħdu inizjattivi li jippromwovu t-trattament xieraq tal-annimali u nkomplu bl-installazzjoni tal-laned għall-ħmieġ tal-annimali madwar il-lokalità.

 

L-edukazzjoni u l-kultura

Il-Kunsill jibqa’ jżomm relazzjoni tajba mal-iskola primarja tal-lokalità.

Inżidu l-għadd ta’ korsijiet li noffru lill-komunità Melliħija ħalli jkollha l-opportunità ttejjeb il-ħiliet u l-kwalifiki tagħha. Dawn jinkludu korsijiet fl-informatika, għal min irid jitgħallem juża l-kompjuter u l-internet, u għal min irid jikseb ċertifikat fl-ECDL, korsijiet fil-lingwi, it-tisjir u s-sħubija, tagħlim dwar l-istorja tal-Mellieħa, u bosta taħditiet informattivi.

Minn żmien għal żmien, inqassmu materjal edukattiv biex ir-residenti Melliħin jibqgħu infurmati dwar l-inizjattivi u l-attivitajiet li jkunu qed iseħħu fil-lokalità. Fil-binja tal-Kunsill norganizzaw ukoll bosta wirjiet kulturali li juru talenti lokali u nazzjonali.

 

Il-wirt storiku

Nissoktaw bil-proġett ta’ dawl permanenti mal-knisja u ninstallaw lift mas-sur li hemm biswit il-knisja.

Tul din il-leġiżlatura, il-Kunsill jaħdem qatigħ mal-awtoritajiet biex il-Forti Campbell jingħadda f’idejn il-Kunsill Lokali.

Inniedu proġett biex il-binja li tinsab fil-Park tal-Majjistral li kienet proprjetà tal-gvern ċentrali u għaddiet f’idejn il-Kunsill fl-2010, issir mużew dwar il-melħ u l-għasel, iż-żewġ prodotti li minnhom tnissel isem din il-lokalità.

Ninvolvu lill-artisti Melliħin biex insebbħu wħud mit-turġien ewlenin ta’ madwar ir-raħal.

 

L-isport

Naraw li s-serata għall-isportivi tal-lokalità, imsejħa “L-Isportivi Melliħin tas-Sena”, terġa’ ssib postha fil-kalendarju tal-attivitajiet tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa.

Nerġgħu nibdew norganizzaw il-Jum Sportiv ta’ kull sena bil-parteċipazzjoni tal-għaqdiet sportivi tal-lokalità, filwaqt li nerġgħu nibdew norganizzaw il-mixjiet li kienu tant popolari fil-kampanja Melliħija u nippromwovu l-użu tar-roti.

Inniedu proċess biex il-grawnd fil-Park tal-Familja jiġi msaqqaf b’tinda li tinfetaħ u tingħalaq permezz ta’ finanzjament tal-Unjoni Ewropea.

Nibqgħu nkunu pjattaforma tajba għall-inizjattivi sportivi fil-lokalità biex nagħtu sehemna fil-ġlieda kontra l-vizzji u l-obeżità, u biex aktar tfal, adolexxenti u żgħażagħ jinvolvu ruħhom b’mod attiv fl-isports.

 

L-għaqdiet fil-lokalità u ż-żgħażagħ

Il-Kunsill jimpenja ruħu li jtejjeb u jkattar il-kuntatt mal-għaqdiet tal-lokalità għall-benefiċċju ta’ dawk kollha involuti.

Nerġgħu nieħdu l-inizjattiva u nwaqqfu l-Kunsill Lokali taż-Żgħażagħ Melliħin biex iż-żgħażagħ ikollhom post madwar il-mejda tad-diskussjonijiet u fit-teħid tad-deċiżjonijiet.

Nibqgħu naħdmu biex jinsab sit għal Sala tal-Komunità li taqdi l-ħtiġijiet tal-Kunsill iżda li tkun disponibbli wkoll għall-għaqdiet Melliħin.

Niżguraw li l-għaqdiet lokali jingħataw aktar involviment attiv fil-komunità Melliħija, mhux biss biex jiżdied l-għarfien dwarhom iżda anki biex ir-residenti jitħajru jagħtu sehemhom fl-għaqdiet u fil-volontarjat.

Ngħinu lill-għaqdiet lokali b’kull mezz, inkluż bil-promozzjoni tal-attivitajiet li jorganizzaw fil-Mellieħa.

Filwaqt li nġeddu l-ftehim ta’ kollaborazzjoni mal-għaqdiet mużikali, nesploraw fejn jistgħu noħolqu ftehimiet ta’ kollaborazzjoni simili ma’ għaqdiet oħrajn.

Ngħinu lill-għaqdiet bir-riżorsi tagħna biex jaħtfu l-opportunitajiet ta’ finanzjament min-naħa tal-gvern ċentrali jew tal-Unjoni Ewropea li jkunu disponibbli minn żmien għal żmien.

 

Komunikazzjoni u konsultazzjoni

Il-Kunsill Lokali jeħtieġ jibqa’ jikkonsulta lir-residenti f’kull inizjattiva tiegħu li tkun tolqot direttament lir-residenti.

Nipprovdu informazzjoni aktar spissa lir-residenti permezz tal-bulettin li jippubblika l-Kunsill minn żmien għal żmien.

Inħaddmu l-vantaġġi li tipprovdi l-midja soċjali biex ir-residenti jibqgħu infurmati kontinwament bl-inizjattivi li jkunu qed jittieħdu. Nagħtu aċċess lill-għaqdiet lokali għall-midja soċjali tal-Kunsill biex itejbu l-komunikazzjoni tagħhom u biex jippromwovu l-attivitajiet li jkunu qed jorganizzaw.

 

Il-bdiewa u s-sajjieda

Nieħdu l-inizjattiva li nżommu lill-bdiewa u lis-sajjieda tal-lokalità tagħna informati bl-opportunitajiet ta’ finanzjament u bi skemi oħrajn rilevanti għalihom.

Naraw li ż-żona magħrufa bħala Tat-Tunnara terġa’ tingħata lura lis-sajjieda Melliħin biex jużawha għall-ħtiġijiet tas-sengħa tagħhom.

 

Il-komunità kummerċjali

Il-Kunsill jeħtieġ iżomm kuntatt frekwenti mas-sidien tal-entitajiet kummerċjali lokali biex nisimgħu mingħandhom it-tħassib u l-ideat tagħhom u nwettqu ħidma li tgħin lir-residenti u lil dawk li għażlu li jinvestu n-negozju tagħhom fil-Mellieħa.

Inkunu one-stop-shop biex tonqos il-burokrazija u r-residenti u n-negozji jinqdew mil-lokalità.

 

Il-Mellieħa bħala attrazzjoni turistika

Il-Kunsill Lokali jeħtieġ jesplora u jinkoraġġixxi niċeċ ġodda tat-turiżmu fil-Mellieħa fosthom dak sportiv, ambjentali u reliġjuż, biex il-Mellieħa terġa’ ssir Destinazzjoni ta’ Eċċellenza fl-UE bħalma kienet ingħatat l-unur fl-2009. Dawn huma inizjattivi siewja wkoll għall-komunità kummerċjali tal-lokalità.

Nerġgħu nikkollaboraw mal-lukandi fil-Mellieħa biex l-impjegati Maltin u barranin li jaħdmu fihom jingħataw taħriġ u informazzjoni rigward l-attrazzjonijiet li toffri l-Mellieħa lil min iżurha.

Nistudjaw il-possibbiltà li jinħoloq servizz ta’ minivan bejn iċ-ċentru tal-Mellieħa u l-lukandi li jinsabu fil-periferija tal-Mellieħa.

Nippubblikaw ktejjeb informattiv bl-Ingliż dwar il-lokalità u l-postijiet ta’ interess.

 

Il-Fondi Ewropej u l-qasam internazzjonali

Ningaġġaw u ninvolvu lil persuni esperti fil-fondi Ewropej biex jiġu identifikati oqsma li jattiraw il-fondi tal-Unjoni Ewropea. Din l-inizjattiva għandha tinkludi wkoll lill-għaqdiet tal-lokalità biex anki huma jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-fondi tal-Unjoni Ewropea.

Barra minn hekk, inġeddu l-ġemellaġġi u l-iskambji ma’ lokalitajiet oħrajn barra minn xtutna li jħallu l-frott tagħhom liż-żewġ naħat.

 

Il-lat soċjali

Il-Kunsill jeħtieġ jagħti importanza kbira lil-lat soċjali tal-komunità. Għaldaqstant tul il-leġiżlatura niżguraw li wieħed mill-kunsillieri jiddedika ruħu għal dan il-qasam u naraw li fid-deċiżjonijiet li jkunu se jittieħdu jitqies l-impatt soċjali tagħhom.

Nappoġġaw bis-sħiħ lill-gvern ċentrali fl-inizjattivi siewja li jittieħdu fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum u ta’ Matul il-Lejl.

Nikkoordinaw mad-Dipartiment tas-Saħħa biex iċ-ċentru tas-saħħa li hemm f’Dar il-Madonna tal-Mellieħa iżid is-servizzi li joffri lir-residenti Melliħin. Nesploraw ukoll il-possibbiltà li matul ix-xhur tas-sajf ikun offrut is-servizz ta’ ambulanza stazzjonata fl-istess post.

Nirrevedu l-ispazji tal-parkeġġ riżervat għall-persuni b’diżabbiltà u nżiduhom fejn hemm bżonn skont il-kriterji stabbiliti mill-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà.

Flimkien mal-professjonisti li jħaddem il-Kunsill Lokali, inħejju programm ta’ ħidma soċjali li jkun ta’ fejda għal bosta familji u individwi li jeħtieġu l-appoġġ. Ikun programm li jinkludi lill-anzjani, lit-tfal, lis-single parents, lill-persuni b’ħiliet differenti, lill-persuni li jgħixu waħedhom u lil dawk li jgħaddu minn xi diffikultajiet partikolari.

 

Il-komunità tal-Manikata

Mingħajr dewmien inniedu studju dwar l-impatt tat-traffiku fil-Manikata, filwaqt li nikkonsultaw lir-residenti qabel ma nieħdu xi deċiżjonijiet li jistgħu jaffettwawhom direttament.

Bi qbil mar-residenti, nerġgħu nikkunsidraw l-idea li quddiem il-knisja tal-Manikata ssir żona pedonali biex il-Manikata jkollha pjazza bħal irħula u bliet oħrajn.

Noħolqu avveniment annwali fil-Manikata li jservi ta’ vetrina għal dak li toffri din iż-żona rurali.

 

Attivitajiet lokali u L-Iljieli Melliħin

Il-Kunsill jerġa’ jibda jorganizza l-attivitajiet popolari ta’ L-Iljieli Melliħin u Il-Milied Mellieħi li kienu jattiraw eluf ta’ Maltin u turisti.

Nerġgħu nibdew norganizzaw l-avveniment popolari ta’ Animal Fest, l-avveniment imsejjaħ Mellieħa Gardens by Night li kien jagħti opportunità oħra lill-artisti tal-lokalità biex jesprimu l-kapaċitajiet tagħhom.

Nippromwovu t-tisbiħ li sar f’Selmun u naraw li din iż-żona tintuża regolarment għal attivitajiet popolari, fosthom il-Festa Biedja u l-esibizzjonijiet tal-karozzi antiki, filwaqt li ċ-Ċentru tal-Viżitaturi nerġgħu nagħtuh il-ħajja biex jintuża għall-iskop oriġinali.

Niżguraw li jiġu organizzati aktar attivitajiet li jseddqu l-għaqda fil-komunità fi żminijiet partikolari, fosthom fil-Karnival, fi żmien l-Għid u fil-ġimgħa tal-festa.

Norganizzaw ukoll attivitajiet li jżidu l-għarfien dwar il-Mellieħa fost ir-residenti.