ŻOMM AĠĠORNAT:

 

Il-Mosta

Introduzzjoni

Il-Mosta llum għandha popolazzjoni ta’ aktar minn 20,000 persuna, u allura hi meqjusa t-tielet l-akbar lokalità f’Malta. Bħall-bqija tal-lokalitajiet f’Malta, il-Mosta għandha bosta ħtiġijiet lokali partikolari li joħolqu ċertu sfida lill-Kunsill Lokali u lill-kunsillieri li se jiġu eletti f’Mejju li ġej, biex tassew jintlaħqu l-aspettattivi tar-residenti u biex il-Mosta tibqa’ tingħata l-attenzjoni li jixirqilha.

Il-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta wkoll proposti siewja, imfassla skont il-bżonnijiet ta’ din il-lokalità, u l-kunsillieri kollha eletti f’ismu qed jimpenjaw ruħhom li jmexxuhom ’il quddiem matul il-leġiżlatura li jmiss tal-Kunsilli Lokali.

Barra minn hekk, dan il-Kunsill jeħtieġ iżomm relazzjoni tajba mal-Kunsilli Lokali tal-madwar, fosthom tar-Rabat, ta’ Ħal Lija u Ħ’Attard, ta’ San Pawl il-Baħar, tal-Iklin u ta’ Birkirkara biex ikun jista’ jwettaq il-ħidma tiegħu li tkun teħtieġ il-koperazzjoni ta’ Kunsilli oħrajn.

 

L-infrastruttura

Bankini

Il-Kunsill tal-Mosta jissokta bil-programm ta’ tiswijiet tal-bankini. Se ninvestu €200,000 biex ir-residenti jkollhom bankini ta’ kwalità li jagħtuhom is-sigurtà li jixtiequ u li jkunu aċċessibbli għall-anzjani, għall-persuni b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa.

Niżguraw li nneħħu l-perikli li wħud mill-bankini qed joħolqu biex nevitaw l-inċidenti u li nibnu oħrajn ġodda skont il-bżonn.

Toroq

Il-Kunsill jibqa’ jagħmel pressjoni fuq il-gvern ċentrali biex iwettaq dak li wiegħed, jiġifieri li fis-snin li ġejjin jagħmel it-toroq kollha tal-Mosta.

Fl-istess waqt, il-Kunsill se jkompli għaddej bit-tiswija tat-toroq tal-lokalità biex ikunu evitati l-inċidenti u l-ħsarat fil-vetturi li jużawhom. Għal dan il-għan, il-Kunsill qed jalloka €400,000 mill-Fond tal-Iżvilupp tal-Awtorità tal-Ippjanar biex jagħti wiċċ ġdid lil diversi toroq u sqaqien fil-qalba tal-Mosta, fosthom lil Triq il-Ġnejna, Triq Charles J. Vassallo, Triq Dun Mikiel Xerri, Sqaq Sant’Anton Abbati Nru 3, u Sqaq Xorxa.

Playing fields, ġonna, pjazez u żoni miftuħa

Il-Kunsill Lokali jiżgura li tibqa’ ssir il-manutenzjoni tal-playing fields, tal-ġonna u tal-ispazji miftuħa biex jinżammu dejjem fi stat tajjeb għar-residenti.

Nagħtu importanza lit-tħaddir urban u lill-infrastruttura soċjali u ċivika li qiegħda fir-responsabbiltà tal-Kunsill.

Inżidu l-ispazji miftuħa fil-lokalità biex ir-residenti u l-familji Mostin ikollhom żoni apposta għar-rikreazzjoni, fosthom fil-Bidnija li sal-lum għadha mingħajr żona rikreattiva.

Nissoktaw bil-manutenzjoni tal-proġett tal-pjazza biex jibqa’ jinżamm fi stat tajjeb.

 

It-traffiku u l-parkeġġ

Nagħrfu li l-problema tal-parkeġġ qed kulma jmur tiżdied u għalhekk il-Kunsill jeħtieġ isib mezz biex jinħolqu spazji għal aktar parkeġġ, b’mod partikolari fiż-żoni tal-Mosta li qed ibatu l-iżjed minn din il-problema.

Nibqgħu nimbuttaw ’il quddiem l-idea ta’ parkeġġ kbir fil-lokalità għal dawk kollha li jużaw is-servizzi li hemm fiċ-ċentru u fil-pjazza tal-Mosta. Għaldaqstant nibdew minnufih id-diskussjonijiet mal-gvern ċentrali biex tinstab soluzzjoni mingħajr dewmien għal din il-problema.

 

It-trasport pubbliku

Il-Kunsill Lokali jitlob u jeżiġi mal-awtoritajiet biex fil-Mosta tiġi introdotta rotta ġdida tat-transport pubbliku li taqdi l-ħtiġijiet tat-trasport tal-Mostin biex niżguraw li r-residenti jkunu moqdijin sew.

Nieħdu ħsieb li titkompla l-ħidma fuq l-installazzjoni ta’ stejġijiet ta’ tal-linja madwar il-lokalità.

Naħdmu biex tittaffa l-problema tat-trasport pubbliku billi nistudjaw il-possibbiltà li jitħaddem servizz ta’ minivan li jikkumplimenta s-servizz tal-gvern, biex ir-residenti jkunu jistgħu jużaw aħjar is-servizzi taċ-ċentru tas-saħħa u tal-banek.

 

Is-sigurtà

Il-Kunsill jiżgura li fiż-żoni magħrufa għall-abbużi jitwaħħlu sistemi tas-CCTV ta’ kwalità biex jonqos l-abbuż u r-residenti jgħixu aktar b’moħħhom mistrieħ.

Nagħmlu pressjoni fuq l-awtoritajiet kompetenti biex tiżdied il-preżenza tal-pulizija fit-toroq speċjalment fil-ħinijiet ta’ billejl.

 

L-ambjent u l-indafa

Il-Kunsill jibda jaħdem fuq proġetti ta’ enerġija alternattiva u rinnovabbli, speċjalment fit-toroq tal-lokalità. Ifassal programm ċar għat-toroq li jkun jimplimenta sistemi tad-dawl iġġenerat minn sorsi alternattivi tal-enerġija.

Inwettqu proġetti oħrajn tal-enerġija rinnovabbli fiż-żoni pubbliċi, fosthom billi nesploraw il-possibbiltà ta’ ħidma bi sħab mal-entitajiet lokali ħalli jitwaħħlu panelli solari fuq postijiet pubbliċi, u mezzi oħrajn għal enerġija alternattiva.

Il-Kunsill jeħtieġ juża l-ispazji tat-tħawwil bl-aħjar mod, u jara li jinżammu dejjem fi stat tajjeb. Infasslu pjan biex jinstabu żoni oħrajn li jistgħu jissebbħu bix-xtieli u bis-siġar.

Flimkien mal-awtoritajiet kompetenti, nagħtu prijorità lill-indafa tal-lokalità. Barra minn hekk, niżguraw li l-iskart jinġabar fil-ħin u kif suppost, u li l-kuntratt tal-knis tal-lokalità jitħaddem kif mistenni.

Nissoktaw b’għadd ta’ inizjattivi siewja relatati mal-immaniġġjar tal-iskart.

Nirrestawraw Wied il-Għasel u nissoktaw ir-restawr ta’ Wied l-Isperanza biex jibqgħu ġawhra naturali u pulmun fil-qalba tal-gżira.

Inkomplu l-installazzjoni tal-laned għall-ħmieġ tal-annimali madwar il-lokalità, filwaqt li nistudjaw ideat u kunċetti oħrajn relatati mal-annimali domestiċi, fosthom il-Cat Café.

 

L-edukazzjoni u l-kultura

Il-Kunsill jibqa’ jżomm relazzjoni tajba mal-iskola primarja tal-lokalità.

Nibqgħu ninvestu fil-librerija reġjonali biex taqdi aħjar il-ħtiġijiet tar-residenti.

Ninvestu wkoll fiċ-ċentru taż-żgħażagħ tal-lokalità biex ikollu aktar riżorsi moderni u innovattivi ħalli jattira lejh aktar żgħażagħ Mostin.

Inkomplu nikkollaboraw ma’ Mosta Solidali, mar-Russian Maltese Cultural Association, mad-Diviżjoni tal-Promozzjoni tas-Saħħa, mar-Richmond Foundation, mal-Malta Red Cross u ma’ oħrajn biex nibqgħu nżidu l-għadd ta’ korsijiet li noffru lill-komunità Mostija ħalli jkollha l-opportunità ttejjeb il-ħiliet u l-kwalifiki tagħha. Dawn jinkludu korsijiet fl-informatika, għal min irid jitgħallem juża l-kompjuter u l-internet, u anki għal min irid jikseb ċertifikat fl-ECDL, korsijiet dwar is-saħħa mentali u l-ewwel għajnuna, u bosta taħditiet informattivi.

Nibqgħu norganizzaw l-attività ta’ Jum il-Karrieri għax fil-passat dejjem kienet suċċess.

Minn żmien għal żmien, inqassmu materjal edukattiv biex ir-residenti Mostin jibqgħu infurmati dwar l-inizjattivi u l-attivitajiet li jkunu qed iseħħu fil-lokalità. Fil-binja tal-Kunsill norganizzaw ukoll bosta wirjiet kulturali li juru talenti lokali u nazzjonali.

Nagħtu importanza lit-taħriġ tal-impjegati tal-Kunsill Lokali u nżidu l-impjegati fejn meħtieġ.

 

Il-wirt storiku

Naħdmu fuq heritage trail biex it-turisti u dawk kollha interessati jkunu jistgħu jsegwu mogħdija li tkun tiġbor bosta postijiet u attrazzjonijiet storiċi madwar il-Mosta.

Nissoktaw bil-proġett ta’ restawr ta’ ħames niċeċ ewlenin fil-lokalità filwaqt li bl-għajnuna tal-Mosta Scouts Group inkomplu nirrestawraw il-Batterija li hemm f’Tat-Tarġa.

Tul din il-leġiżlatura, il-Kunsill jaħdem qatigħ mal-awtoritajiet biex il-mitħna ta’ Triq il-Mitħna li hija proprjetà tal-gvern ċentrali, tingħadda f’idejn il-Kunsill Lokali biex tintuża għall-organizzazzjoni tal-attivitajiet u għall-esibizzjonijiet tal-arti.

 

L-isport

Inwaqqfu ċ-Ċentru Sportiv tal-Mosta biex inlaqqgħu flimkien bosta dixxiplini sportivi, u nieħdu ħsieb il-manutenzjoni tal-faċilitajiet sportivi eżistenti.

Ninstallaw għadd ta’ slottijiet għar-roti madwar il-lokalità.

Nibqgħu norganizzaw it-tiġrijiet tal-għaxar kilometri, u l-Fun Run b’kollaborazzjoni mal-A.S. Libertas.

Nibqgħu nkunu pjattaforma tajba għall-inizjattivi sportivi fil-lokalità biex nagħtu sehemna fil-ġlieda kontra l-vizzji u l-obeżità, u biex aktar tfal, adolexxenti u żgħażagħ jinvolvu ruħhom b’mod attiv fl-isports.

 

L-għaqdiet fil-lokalità

Il-Kunsill jimpenja ruħu li jtejjeb u jkattar il-kuntatt mal-għaqdiet tal-lokalità għall-benefiċċju ta’ dawk kollha involuti.

Niżguraw li l-għaqdiet lokali jingħataw aktar involviment attiv fil-komunità Mostija, mhux biss biex jiżdied l-għarfien dwarhom iżda anki biex ir-residenti jitħajru jagħtu sehemhom fl-għaqdiet u fil-volontarjat.

Ngħinu lill-għaqdiet lokali b’kull mezz, kemm bil-promozzjoni tal-attivitajiet li jorganizzaw fil-Mosta u anki billi nipprovdulhom il-faċilitajiet tal-lokalità, fosthom taċ-Ċentru Ċiviku.

 

Komunikazzjoni u konsultazzjoni

Il-Kunsill Lokali jeħtieġ jibqa’ jikkonsulta lir-residenti f’kull inizjattiva tiegħu li tkun tolqot direttament lir-residenti.

Nipprovdu servizz ta’ applikazzjonijiet online fil-każ ta’ permessi għal krejnijiet jew skipps.

Nipprovdu informazzjoni aktar spissa lir-residenti permezz tal-bulettin li jippubblika l-Kunsill minn żmien għal żmien.

Inħaddmu l-vantaġġi li tipprovdi l-midja soċjali biex ir-residenti jibqgħu infurmati kontinwament bl-inizjattivi li jkunu qed jittieħdu. Nagħtu aċċess lill-għaqdiet lokali għall-midja soċjali tal-Kunsill biex itejbu l-komunikazzjoni tagħhom u biex jippromwovu l-attivitajiet li jkunu qed jorganizzaw.

 

Il-komunità kummerċjali

Permezz tal-Mosta Business Community Committee, il-Kunsill jibqa’ jżomm kuntatt frekwenti mas-sidien tal-entitajiet kummerċjali lokali biex inwettqu ħidma li tgħin lir-residenti u lil dawk li għażlu li jinvestu n-negozju tagħhom fil-Mosta.

 

Il-Fondi Ewropej u l-qasam internazzjonali

Ningaġġaw u ninvolvu lil persuni esperti fil-fondi Ewropej biex jiġu identifikati oqsma li jattiraw il-fondi tal-Unjoni Ewropea. Din l-inizjattiva għandha tinkludi wkoll lill-għaqdiet tal-lokalità biex anki huma jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-fondi tal-Unjoni Ewropea.

Barra minn hekk, inġeddu l-ġemellaġġi u l-iskambji ma’ lokalitajiet oħrajn barra minn xtutna li jħallu l-frott tagħhom liż-żewġ naħat. Fost dawn hemm il-bliet ta’ Millbrae fl-Amerka u Ragusa fi Sqallija.

 

Il-lat soċjali

Il-Kunsill jeħtieġ jagħti importanza kbira lil-lat soċjali tal-komunità. Għaldaqstant tul il-leġiżlatura nibqgħu nappoġġaw il-proġett ta’ Mosta Solidali ħalli nkunu ta’ għajnuna għal min iħossu mwarrab.

Naħdmu biex iċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-anzjani tal-lokalità jiġi rilokat għal post aktar aċċessibbli u modern biex jibqa’ jkun post ta’ rikreazzjoni u wens u biex jiksbu informazzjoni mingħand il-professjonisti.

Flimkien mal-professjonisti li jħaddem il-Kunsill Lokali, inħejju programm ta’ ħidma soċjali li jkun ta’ fejda għal bosta familji u individwi li jeħtieġu l-appoġġ. Ikun programm li jinkludi lill-anzjani, lit-tfal, lis-single parents, lill-persuni b’ħiliet differenti, lill-persuni li jgħixu waħedhom u lil dawk li jgħaddu minn xi diffikultajiet partikolari.

 

Attivitajiet lokali u Jum il-Mosta

Il-Kunsill jibqa’ jorganizza Jum il-Mosta u jżid l-involviment tar-residenti. Nibqgħu norganizzaw ukoll il-festa Qargħasel.

Niżguraw li jiġu organizzati aktar attivitajiet li jseddqu l-għaqda fil-komunità fi żminijiet partikolari, fosthom fil-Milied, fil-Karnival, fi żmien l-Għid u fil-ġimgħa tal-festa.

Norganizzaw ukoll attivitajiet li jżidu l-għarfien dwar il-Mosta fost ir-residenti.