ŻOMM AĠĠORNAT:

 

L-Imqabba

Introduzzjoni

L-Imqabba llum għandha popolazzjoni ta’ aktar minn 3,300 persuna. Bħall-bqija tal-lokalitajiet f’Malta, l-Imqabba għandha bosta ħtiġijiet lokali partikolari li joħolqu ċertu sfida lill-Kunsill Lokali u lill-kunsillieri li se jiġu eletti f’Mejju li ġej, biex tassew jintlaħqu l-aspettattivi tar-residenti u biex l-Imqabba tibqa’ tingħata l-attenzjoni li jixirqilha.

Il-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta wkoll proposti siewja, imfassla skont il-bżonnijiet ta’ din il-lokalità, u l-kunsillieri kollha eletti f’ismu qed jimpenjaw ruħhom li jmexxuhom ’il quddiem matul il-leġiżlatura li jmiss tal-Kunsilli Lokali.

Barra minn hekk, dan il-Kunsill jeħtieġ iżomm relazzjoni tajba mal-Kunsilli Lokali tal-madwar, fosthom tal-Qrendi, taż-Żurrieq, tas-Siġġiewi, ta’ Ħal Luqa u Ħal Kirkop biex ikun jista’ jwettaq il-ħidma tiegħu li tkun teħtieġ il-koperazzjoni ta’ Kunsilli oħrajn.

 

L-infrastruttura

Bankini

Il-Kunsill tal-Imqabba jissokta bil-programm ta’ tiswijiet tal-bankini biex ir-residenti jkollhom bankini ta’ kwalità li jagħtuhom is-sigurtà li jixtiequ u li jkunu aċċessibbli għall-anzjani, għall-persuni b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa.

Niżguraw li nneħħu l-perikli li wħud mill-bankini qed joħolqu biex nevitaw l-inċidenti u li nibnu oħrajn ġodda skont il-bżonn.

Toroq

Il-Kunsill jibqa’ jagħmel pressjoni fuq il-gvern ċentrali biex iwettaq dak li wiegħed, jiġifieri li fis-snin li ġejjin jagħmel it-toroq ewlenin tal-Imqabba, filwaqt li l-Kunsill jiffoka l-finanzi u l-isforzi tiegħu fuq għadd ta’ toroq oħrajn fosthom Triq George Martin, Triq Mons. Alfons Caruana u Triq Ġanni Darmanin. Dawn jeħtieġu xogħol u infrastruttura ta’ kwalità, inkluż wiċċ ġdid tat-tarmak. B’hekk inkunu qed niżguraw li tissokta t-tiswija tat-toroq tal-lokalità u li nevitaw l-inċidenti u l-ħsarat fil-vetturi li jużawhom.

Nikkonsultaw u nirsistu mal-gvern ċentrali u mal-awtoritajiet biex tinfetaħ triq ġdida ħalli l-vetturi jgħaqqdu minn Triq Sqaq Buħar u jaqbżu Triq Valletta, u b’hekk jiġi ddevjat ħafna mit-traffiku tat-trakkijiet u tal-inġenji huma u sejrin lejn il-barrieri.

Niżguraw li tissolva l-problema tal-għargħar li qed iġarrbu l-inħawi ta’ wara l-Ġibjun billi nibnu ġibjun ieħor fl-inħawi taċ-ċimiterju tal-Imqabba u jsir pjan għal sistema taħt l-art biex l-ilma jitmexxa lejn dan il-ġibjun ġdid. Nieħdu ħsieb ukoll nibnu ġwiebi oħrajn u nkabbru l-ġibjun ta’ Triq il-Konvoj.

Ngħaddu bosta kanali għall-għargħar, ngħidu aħna fi Triq il-Qattara u fi Triq San Bażilju.

Ninstallaw bosta punti tal-elettriku u tal-ilma, ngħidu aħna fi Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija.

Inwettqu manutenzjoni, rinovazzjoni u pavimentar f’għadd ta’ sqaqien madwar ir-raħal, fosthom fi Sqaq l-Isptar, biex nippriżervaw il-karatteristiċi arkitettoniċi u uniċi tagħhom.

Playing fields, ġonna, pjazez u żoni miftuħa

Il-Kunsill Lokali jiżgura li tibqa’ ssir il-manutenzjoni tal-playing fields, tal-ġonna u tal-ispazji miftuħa biex jinżammu dejjem fi stat tajjeb għar-residenti.

Ninsistu li d-Dar tal-Anzjani u ċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum jeħtieġu jinbnew f’sit alternattiv biex iż-żona tal-Ġibjun tinbidel fi ġnien u spazju rikreattiv għall-komunità.

Nagħtu importanza lit-tħaddir urban u lill-infrastruttura soċjali u ċivika li qiegħda fir-responsabbiltà tal-Kunsill.

Inniedu proġett li jagħti dehra moderna lill-pjazza tar-raħal u naraw li din tibqa’ tinżamm fi stat tajjeb, filwaqt li ntejbu s-servizz tal-latrina pubblika.

 

It-traffiku u l-parkeġġ

Flimkien mal-gvern ċentrali u mal-awtoritajiet inwettqu studju, konsultazzjoni u pjan biex isir immaniġġjar aħjar tal-fluss tat-traffiku fil-lokalità, biex il-lokalità tkun aktar sikura u biex tittaffa l-problema tat-tniġġis tal-ħoss u tal-arja li qed inġarrbu lkoll. Dan iħalli impatt pożittiv fuq il-kwalità tal-ħajja u s-saħħa tar-residenti, u jgħin għal toroq aktar sikuri.

Nagħrfu li l-problema tal-parkeġġ qed kulma jmur tiżdied u għalhekk il-Kunsill jistudja l-possibbiltà ta’ parkeġġ/i taħt l-art li jaqdu l-ħtiġijiet tar-residenti u l-viżitaturi, b’mod partikolari fiż-żoni tal-Imqabba li qed ibatu l-iżjed minn din il-problema.

 

It-trasport pubbliku

Il-Kunsill Lokali jaħdem mal-awtoritajiet biex fil-Imqabba niżguraw li r-residenti jibqgħu jkunu moqdijin sew fejn jidħol it-trasport pubbliku.

Nieħdu ħsieb li titkompla l-ħidma fuq l-installazzjoni ta’ stejġijiet ta’ tal-linja madwar il-lokalità.

 

Is-sigurtà

Il-Kunsill jiżgura li fiż-żoni magħrufa għall-abbużi jitwaħħlu sistemi tas-CCTV ta’ kwalità biex jonqsu l-abbużi u l-atti vandali u biex ir-residenti jgħixu aktar b’moħħhom mistrieħ.

Nagħmlu pressjoni fuq l-awtoritajiet kompetenti biex tiżdied il-preżenza tal-pulizija fit-toroq speċjalment fil-ħinijiet ta’ billejl, u li l-għassa tal-lokalità tkun miftuħa regolarment.

 

L-ambjent u l-indafa

Nagħtu importanza lill-kwalità tal-ambjent inġenerali tal-lokalità biex intejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti.

Il-Kunsill jibda jaħdem fuq proġetti ta’ enerġija alternattiva u rinnovabbli, speċjalment fit-toroq tal-lokalità. Ifassal programm ċar għat-toroq li jkun jimplimenta sistemi tad-dawl iġġenerat minn sorsi alternattivi tal-enerġija.

Inwettqu proġetti oħrajn tal-enerġija rinnovabbli fiż-żoni pubbliċi, fosthom billi nesploraw il-possibbiltà ta’ ħidma bi sħab mal-entitajiet lokali ħalli jitwaħħlu panelli solari fuq postijiet pubbliċi, u mezzi oħrajn għal enerġija alternattiva.

Il-Kunsill jinvesti kif meħtieġ biex iħares l-ambjent rurali, il-mogħdijiet u l-pajsaġġ, filwaqt li nwettqu ħidma biex norganizzaw il-wajers u l-kejbils fit-toroq tal-lokalità.

Nużaw l-ispazji tat-tħawwil bl-aħjar mod, u naraw li jinżammu dejjem fi stat tajjeb. Infasslu pjan biex jinstabu żoni oħrajn li jistgħu jissebbħu bix-xtieli u bis-siġar.

Flimkien mal-awtoritajiet kompetenti, nagħtu prijorità lill-indafa tal-lokalità. Barra minn hekk, niżguraw li l-iskart jinħareġ u jinġabar fil-ħin u kif suppost, u li l-kuntratt tal-knis tal-lokalità jitħaddem kif mistenni.

Ninvolvu lill-għaqdiet u lill-NGOs biex isiru attivitajiet ta’ tindif f’ċertu nħawi tal-lokalità, u flimkien mal-bdiewa Mqabbin inwettqu ħidma favur il-konservazzjoni u r-restawr tal-ħitan tas-sejjiegħ.

Ninsistu mal-gvern ċentrali u mal-LESA biex jiżdied l-infurzar ħalli jinqatgħu l-abbużi tar-rimi tal-iskart bl-addoċċ.

Nissoktaw b’għadd ta’ inizjattivi siewja relatati mal-immaniġġjar tal-iskart, kemm dak domestiku kif ukoll dak goff.

Nieħdu inizjattivi li jippromwovu t-trattament xieraq tal-annimali u nkomplu bl-installazzjoni tal-laned għall-ħmieġ tal-annimali madwar il-lokalità.

 

L-edukazzjoni u l-kultura

Il-Kunsill jibqa’ jżomm relazzjoni tajba mal-iskola primarja tal-lokalità u jappoġġa bis-sħiħ l-inizjattivi tagħhom fil-komunità tal-Imqabba. Nagħtu importanza lill-familja bħala l-benniena tas-soċjetà, u lit-trobbija tal-ulied bħala l-formazzjoni tas-soċjetà ta’ għada. Għaldaqstant norganizzaw u nappoġġaw attivitajiet edukattivi, sportivi u kulturali li jinvolvu lit-tfal, lill-adolexxenti u liż-żgħażagħ tal-Imqabba biex jitrawwem fihom sens ta’ impenn ċivili u solidarjetà. Insostnu wkoll l-attivitajiet li jagħtuhom l-opportunità jitħarrġu fi stili ta’ ħajja u mġiba ħalli jiżviluppaw b’mod sħiħ.

Inżidu l-għadd ta’ korsijiet li noffru lill-komunità tal-Imqabba ħalli din ikollha l-opportunità ttejjeb il-ħiliet u l-kwalifiki tagħha. Dawn jinkludu korsijiet fl-informatika, għal min irid jitgħallem juża l-kompjuter u l-internet, u għal min irid jikseb ċertifikat fl-ECDL, korsijiet fil-lingwi, fit-tisjir u fis-sħubija, tagħlim dwar l-istorja tal-Imqabba, u bosta taħditiet informattivi.

Barra minn hekk, inbiddlu l-Isptar il-Qadim f’ċentru modern u innovattiv għall-edukazzjoni, it-taħriġ u d-djalogu permezz ta’ korsijiet, seminars, sessjonijiet ta’ ħidma li jieħdu sehem fihom ir-residenti u l-esperti. Dawn ikunu jinkludu wkoll fieri jew wirjiet agrikoli bis-sehem tal-bdiewa Mqabbin, u esibizzjonijiet tas-snajja’ u l-artiġġjanat bl-involviment tan-nies tas-sengħa.

Insaħħu s-servizz tal-librerija lokali b’tagħmir modern u naħdmu ma’ min hu responsabbli biex nippromwovu l-qari.

Minn żmien għal żmien, inqassmu materjal edukattiv biex ir-residenti Mqabbin jibqgħu infurmati dwar l-inizjattivi u l-attivitajiet li jkunu qed iseħħu fil-lokalità. Fil-binja tal-Kunsill norganizzaw ukoll bosta wirjiet kulturali li juru talenti lokali u nazzjonali.

 

Il-wirt storiku

Tul din il-leġiżlatura, il-Kunsill iħares u jippromwovu l-wirt storiku u kulturali, ngħidu aħna b’attivitajiet li jipprovdu tagħrif storiku dwar ir-raħal tagħna, attivitajiet li jippromwovu l-ilsien u l-letteratura Maltin, inizjattivi li jippromwovu l-qari u l-użu tal-lingwi biex nitħabtu kontra l-illitteriżmu, inizjattivi li jsaħħu d-drawwiet u t-tradizzjonijiet u li jippromwovu s-snajja’ Maltin, u inizjattivi li jappoġġaw lis-soċjetajiet tal-Imqabba biex jagħtu sehemhom aħjar fil-komunità tagħna.

Inniedu proġetti li jikkonservaw u jirrestawraw il-wirt storiku tal-Imqabba, fosthom restawr tal-kappella ta’ Santa Katarina u monumenti oħrajn madwar ir-raħal. Nutilizzaw l-Isptar il-Qadim għall-ġid tal-komunità.

Naħdmu fuq heritage trail, mogħdija marbuta mal-proġett tal-Pjazza Ġublew tad-Djamanti. Ninkludu wkoll postijiet ta’ interess u attrazzjonijiet oħrajn, fosthom il-katakombi u l-kappelli.

 

L-isport

Flimkien ma’ bosta għaqdiet fil-lokalità, norganizzaw bosta attivitajiet sportivi matul is-sena li jħajru l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u l-familji. Fost l-oħrajn naħdmu fuq attivitajiet bi sħab ma’ skejjel jew soċjetajiet sportivi ta’ rħula viċin. Nużaw bis-sħiħ il-faċilitajiet taċ-Ċentru Sportiv Reġjonali ta’ Ħal Kirkop.

Nippromwovu l-mixjiet fl-inħawi rurali tal-lokalità, u l-użu tar-roti bi slottijiet apposta għall-ipparkjar tar-roti fiċ-ċentru.

Nibqgħu nkunu pjattaforma tajba għall-inizjattivi sportivi fil-lokalità biex nagħtu sehemna fil-ġlieda kontra l-vizzji u l-obeżità, u biex aktar tfal, adolexxenti u żgħażagħ jinvolvu ruħhom b’mod attiv fl-isports.

 

L-għaqdiet fil-lokalità

Il-Kunsill jimpenja ruħu li jtejjeb u jkattar il-kuntatt mal-għaqdiet tal-lokalità għall-benefiċċju ta’ dawk kollha involuti.

Naraw li s-sala tal-iskola primarja tintuża wkoll fil-ħinijiet oħrajn għal attivitajiet soċjokulturali u li tkun disponibbli wkoll għall-għaqdiet tal-Imqabba.

Niżguraw li l-għaqdiet lokali jingħataw aktar involviment attiv fil-komunità tal-Imqabba, mhux biss biex jiżdied l-għarfien dwarhom iżda anki biex ir-residenti jitħajru jagħtu sehemhom fl-għaqdiet u fil-volontarjat.

Ngħinu lill-għaqdiet lokali b’kull mezz, inkluż bil-promozzjoni tal-attivitajiet li jorganizzaw fl-Imqabba.

Ngħinu lill-għaqdiet bir-riżorsi tagħna biex jaħtfu l-opportunitajiet ta’ finanzjament min-naħa tal-gvern ċentrali jew tal-Unjoni Ewropea li jkunu disponibbli minn żmien għal żmien.

 

Komunikazzjoni u konsultazzjoni

Il-Kunsill Lokali jeħtieġ jibqa’ jikkonsulta lir-residenti f’kull inizjattiva tiegħu li tkun tolqot direttament lir-residenti.

Nipprovdu informazzjoni aktar spissa lir-residenti permezz tal-bulettin li jippubblika l-Kunsill minn żmien għal żmien. Naraw li s-servizz tal-customer care ikun qed jaħdem b’mod effettiv u effiċjenti.

Inħaddmu l-vantaġġi li tipprovdi l-midja soċjali biex ir-residenti jibqgħu infurmati kontinwament bl-inizjattivi li jkunu qed jittieħdu. Nagħtu aċċess lill-għaqdiet lokali għall-midja soċjali tal-Kunsill biex itejbu l-komunikazzjoni tagħhom u biex jippromwovu l-attivitajiet li jkunu qed jorganizzaw.

 

Il-komunità kummerċjali

Il-Kunsill jeħtieġ iżomm kuntatt frekwenti mas-sidien tal-entitajiet kummerċjali lokali, mal-bdiewa u mal-ħaddiema tas-sengħa biex nisimgħu mingħandhom it-tħassib u l-ideat tagħhom u nwettqu ħidma li tgħin lir-residenti u lil dawk li għażlu li jinvestu n-negozju tagħhom fl-Imqabba. Nikkoordinaw mal-esperti biex nanalizzaw il-bżonnijiet tagħhom ħalli jinstabu soluzzjonijiet u tittieħed azzjoni.

Inkunu one-stop-shop biex tonqos il-burokrazija u b’hekk ir-residenti u n-negozji jinqdew mil-lokalità.

 

Il-Fondi Ewropej

Ningaġġaw u ninvolvu lil persuni esperti fil-fondi Ewropej biex jiġu identifikati oqsma li jattiraw il-fondi tal-Unjoni Ewropea. Din l-inizjattiva għandha tinkludi wkoll lill-għaqdiet tal-lokalità biex anki huma jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-fondi tal-Unjoni Ewropea.

Barra minn hekk, nesploraw il-possibbiltà ta’ ġemellaġġi u skambji ma’ lokalitajiet oħrajn barra minn xtutna li jħallu l-frott tagħhom liż-żewġ naħat.

 

Il-lat soċjali

Il-Kunsill jagħti importanza kbira lil-lat soċjali tal-komunità. Għaldaqstant tul il-leġiżlatura nniedu inizjattivi biex inwieżnu lill-komunità tal-Imqabba fid-diffikultajiet li ġġarrab, ngħidu aħna fejn jidħlu mard, vizzji, faqar u problemi soċjali oħrajn.

Inniedu inizjattivi wkoll li jinvolvu lir-residenti, fosthom permezz ta’ ħarġiet informattivi u ta’ interess lill-anzjani tal-lokalità.

Nirrevedu l-ispazji tal-parkeġġ riżervat għall-persuni b’diżabbiltà u nżiduhom fejn hemm bżonn skont il-kriterji stabbiliti mill-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà.

Flimkien mal-professjonisti li jħaddem il-Kunsill Lokali, inħejju programm ta’ ħidma soċjali li jkun ta’ fejda għal bosta familji u individwi li jeħtieġu l-appoġġ. Ikun programm li jinkludi lill-anzjani, lit-tfal, lis-single parents, lill-persuni b’ħiliet differenti, lill-persuni li jgħixu waħedhom u lil dawk li jgħaddu minn xi diffikultajiet partikolari.

 

Attivitajiet lokali u Jum l-Imqabba

Il-Kunsill jissokta jorganizza Jum l-Imqabba fi spirtu ta’ għaqda u bi programm xieraq li jinvolvi lil kulħadd. Matulu nagħtu Ġieħ l-Imqabba lil persuna jew għaqda bħala rikonoxximent tal-kontribut distint tagħha lill-komunità tagħna.

Niżguraw li jiġu organizzati aktar attivitajiet li jseddqu l-għaqda fil-komunità fi żminijiet partikolari, fosthom fil-Karnival, fi żmien l-Għid u fil-ġimgħat tal-festi.

Norganizzaw ukoll attivitajiet li jżidu l-għarfien dwar l-Imqabba fost ir-residenti.