ŻOMM AĠĠORNAT:

 

L-Imtarfa

Introduzzjoni

L-Imtarfa għandha popolazzjoni ta’ madwar 2,600 persuna. Bħall-bqija tal-lokalitajiet f’Malta, l-Imtarfa għandha bosta ħtiġijiet lokali partikolari li joħolqu sfida ta’ kuljum lill-Kunsill Lokali u lill-kunsillieri li se jiġu eletti f’Mejju li ġej, biex tassew jintlaħqu l-aspettattivi tar-residenti u biex l-Imtarfa tibqa’ tingħata l-attenzjoni li jixirqilha.

Il-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta wkoll proposti siewja, imfassla skont il-bżonnijiet ta’ din il-lokalità, u l-kunsillieri kollha eletti f’ismu qed jimpenjaw ruħhom li jmexxuhom ’il quddiem matul il-leġiżlatura li jmiss tal-Kunsilli Lokali.

Barra minn hekk, dan il-Kunsill jeħtieġ iżomm relazzjoni tajba mal-Kunsilli Lokali tal-madwar, fosthom tal-Imdina, tar-Rabat, tal-Imġarr, u ta’ Ħad-Dingli biex ikun jista’ jwettaq il-ħidma tiegħu li tkun teħtieġ il-koperazzjoni ta’ Kunsilli oħrajn.

 

L-infrastruttura

Bankini

Il-Kunsill tal-Imtarfa jissokta bil-programm ta’ tiswijiet tal-bankini biex ir-residenti jkollhom bankini ta’ kwalità li jagħtuhom is-sigurtà li jixtiequ u li jkunu aċċessibbli għall-anzjani, għall-persuni b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa.

Niżguraw li nneħħu l-perikli li wħud mill-bankini qed joħolqu biex nevitaw l-inċidenti u li nibnu oħrajn ġodda skont il-bżonn.

Nieħdu ħsieb il-manutenzjoni taż-żebgħa mad-dawriet tar-roundabouts u matul is-centre strips fit-toroq tal-lokalità biex ikunu ta’ għajnuna għas-sewwieqa.

Toroq

Il-Kunsill jibqa’ jagħmel pressjoni fuq il-gvern ċentrali biex iwettaq dak li wiegħed, jiġifieri li fis-snin li ġejjin jagħmel it-toroq kollha tal-Imtarfa.

Fl-istess waqt, il-Kunsill se jkompli għaddej bit-tiswija tat-toroq tal-lokalità, fosthom fi Triq Vincenzo Bonello u fiż-żoni rurali biex ikunu evitati l-inċidenti u l-ħsarat fil-vetturi li jużawhom.

Naħdmu biex inżommu manutenzjoni kontinwa tas-sinjali tat-traffiku u tat-tabelli fit-toroq, filwaqt li nkomplu l-ħidma fuq il-bini tal-ħitan tas-sejjiegħ f’ċertu nħawi.

Playing fields, ġonna, pjazez u żoni miftuħa

Il-Kunsill Lokali jiżgura li tibqa’ ssir il-manutenzjoni tal-playing fields, tal-ġonna u tal-ispazji miftuħa biex jinżammu dejjem fi stat tajjeb għar-residenti. Nagħtu importanza lit-tħaddir urban u lill-infrastruttura soċjali u ċivika li qiegħda fir-responsabbiltà tal-Kunsill.

 

It-traffiku u l-parkeġġ

Nagħrfu li l-problema tal-parkeġġ qed kulma jmur tiżdied u għalhekk il-Kunsill jeħtieġ isib mezz biex jinħolqu spazji għal aktar parkeġġ, b’mod partikolari fiż-żoni tal-Imtarfa li qed ibatu l-iżjed minn din il-problema. Nesploraw il-possibbiltà ta’ parkeġġ f’Ħażniet l-Ilma.

 

It-trasport pubbliku

Filwaqt li naraw li l-Imtarfa tkun moqdija sew fejn jidħol it-trasport pubbliku, nesploraw il-possibbiltà li noħolqu servizz ċirkolari tat-trasport mal-lokalitajiet tal-madwar, li jkun maħsub skont il-ħtiġijiet lokali tar-residenti, b’mod speċjali għal dawk b’inqas aċċessibbiltà.

 

L-ambjent u l-indafa

Il-Kunsill jibda jaħdem fuq proġetti ta’ enerġija alternattiva u rinnovabbli fiż-żoni pubbliċi, fosthom billi nesploraw il-possibbiltà ta’ ħidma bi sħab mal-entitajiet lokali ħalli jitwaħħlu panelli solari fuq postijiet pubbliċi, u mezzi oħrajn għal enerġija alternattiva.

Il-Kunsill jeħtieġ juża l-ispazji tat-tħawwil bl-aħjar mod, u jara li jinżammu dejjem fi stat tajjeb. Infasslu pjan biex jinstabu żoni oħrajn li jistgħu jissebbħu bix-xtieli u bis-siġar.

Flimkien mal-awtoritajiet kompetenti, nagħtu prijorità lill-indafa tal-lokalità. Barra minn hekk, niżguraw li l-iskart jinħareġ u jinġabar fil-ħin u kif suppost, u li l-kuntratt tal-knis tal-lokalità jitħaddem kif mistenni.

Nesploraw il-possibbiltà ta’ għadd ta’ inizjattivi siewja relatati mal-immaniġġjar tal-iskart fosthom il-ġbir tal-ħwejjeġ bieb bieb biex nibqgħu viċin ir-residenti u nippromwovu l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ; il-ħruġ tal-kalendarju tal-iskart; u l-ġbir tal-iskart mill-ġonna kull nhar ta’ Sibt.

 

L-edukazzjoni u l-kultura

Nipprovdu għadd ġmielu ta’ korsijiet, fosthom fl-informatika u r-robotika, kemm għal min irid jibda jitgħallem il-kompjuter, għal min irid jikseb ċertifikat fl-ECDL, min irid jitgħallem juża l-internet, is-servizz e-Citizen, u Learn IT, biex b’hekk ir-residenti tal-Imtarfa jkollhom l-opportunità li jtejbu l-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom.

Minn żmien għal żmien, inqassmu materjal edukattiv biex ir-residenti tal-Imtarfa jibqgħu infurmati dwar l-inizjattivi u l-attivitajiet li jkunu qed iseħħu fil-lokalità. Fil-binja tal-Kunsill norganizzaw ukoll bosta wirjiet kulturali li juru talenti lokali u nazzjonali.

 

L-isport

Nibqgħu nkunu pjattaforma tajba għall-inizjattivi sportivi fil-lokalità biex nagħtu sehemna fil-ġlieda kontra l-vizzji u l-obeżità, u biex aktar tfal, adolexxenti u żgħażagħ jinvolvu ruħhom b’mod attiv fl-isports.

 

L-għaqdiet fil-lokalità

Il-Kunsill jimpenja ruħu li jtejjeb u jkattar il-kuntatt mal-għaqdiet tal-lokalità u mal-parroċċa għall-benefiċċju ta’ dawk kollha involuti.

Niżguraw li l-għaqdiet lokali jingħataw aktar involviment attiv fil-komunità tal-Imtarfa, mhux biss biex jiżdied l-għarfien dwarhom iżda anki biex ir-residenti jitħajru jagħtu sehemhom fl-għaqdiet u fil-volontarjat.

 

Attivitajiet lokali

Niżguraw li jibqgħu jiġu organizzati aktar attivitajiet li jseddqu l-għaqda fil-komunità fosthom il-Military Imtarfa, il-Christmas Market u Jum l-Imtarfa.

Norganizzaw ukoll attivitajiet li jżidu l-għarfien dwar l-Imtarfa fost ir-residenti.