ŻOMM AĠĠORNAT:

 

Il-Munxar, Għawdex

Introduzzjoni

Il-Munxar illum għandu popolazzjoni ta’ ftit aktar minn 1,100 persuna. Minkejja ċ-ċokon tiegħu, il-Munxar għandu bosta ħtiġijiet lokali partikolari li joħolqu ċertu sfida lill-Kunsill Lokali u lill-kunsillieri li se jiġu eletti f’Mejju li ġej, biex tassew jintlaħqu l-aspettattivi tar-residenti u biex il-Munxar jibqa’ jingħata l-attenzjoni li jixraqlu.

Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta għadd ta’ proposti siewja, imfassla skont il-bżonnijiet ta’ din il-lokalità, u l-kunsillieri kollha eletti f’ismu qed jimpenjaw ruħhom li jmexxuhom ’il quddiem matul il-leġiżlatura li jmiss tal-Kunsilli Lokali.

Barra minn hekk, dan il-Kunsill jeħtieġ iżomm relazzjoni tajba mal-bqija tal-Kunsilli Lokali Għawdxin biex ikun jista’ jwettaq il-ħidma tiegħu li tkun teħtieġ il-koperazzjoni ta’ Kunsilli oħrajn.

 

L-infrastruttura

Bankini

Il-Kunsill tal-Munxar jissokta bil-programm ta’ tiswijiet tal-bankini biex ir-residenti jkollhom bankini ta’ kwalità li jagħtuhom is-sigurtà li jixtiequ u li jkunu aċċessibbli għall-anzjani, għall-persuni b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa.

Niżguraw li nneħħu l-perikli li wħud mill-bankini qed joħolqu biex nevitaw l-inċidenti u li nibnu oħrajn ġodda skont il-bżonn.

Toroq

Il-Kunsill jibqa’ jagħmel pressjoni fuq il-gvern ċentrali biex iwettaq dak li wiegħed, jiġifieri li fis-snin li ġejjin jagħmel it-toroq kollha tal-Munxar.

Naraw li meta jitlesta l-iżvilupp fl-inħawi ta’ Rinota, il-gvern ċentrali jara li jinbnew ukoll it-toroq tal-madwar, jingħataw is-servizzi meħtieġa u jsir l-asfaltar.

Nirsistu fuq il-bini ta’ cantilever fi Triq San Xmun, ix-Xlendi biex it-triq tkun aktar aċċessibbli.

Fl-istess waqt, il-Kunsill se jkompli għaddej bit-tiswija tat-toroq tal-lokalità biex ikunu evitati l-inċidenti u l-ħsarat fil-vetturi li jużawhom.

Nissoktaw bil-proġett tal-installazzjoni ta’ dawl ġdid fix-Xlendi, filwaqt li nneħħu bosta wajers mit-toroq li qed ikerrhu t-toroq antiki tal-lokalità. Nirrestawraw ukoll uħud min-niċeċ u l-istatwi mifruxa madwar il-Munxar.

Playing fields, ġonna, pjazez u żoni miftuħa

Il-Kunsill Lokali jiżgura li jsir tisbiħ fil-playing field tar-raħal, fi Triq it-12 ta’ Diċembru u fi Ġnien Ragalna. Nagħtu importanza lit-tħaddir urban u lill-infrastruttura soċjali u ċivika li qiegħda fir-responsabbiltà tal-Kunsill.

Nirrestawraw u niftħu x-xeltrijiet tal-pjazza tal-Munxar, filwaqt li niksbu fondi biex nissoktaw u nlestu l-proġett tal-pjazza. Dan jinkludi pavimentar, sistema tal-ġbir tal-ilma tax-xita, sistema ġdida tad-dawl u nżidu s-siġar endemiċi.

Inżidu l-għadd ta’ mogħdijiet fil-lokalità fosthom fl-inħawi ta’ Tal-Ponta.

Nirrestawraw it-Torri tax-Xlendi u naraw li jinfetaħ sikwit għar-residenti u l-viżitaturi, inwettqu manutenzjoni fil-Mitħna Sotterranja tax-Xlendi biex tinfetaħ għall-pubbliku, u nagħmlu restawr ukoll tal-istatwa ta’ San Xmun.

Barra minn hekk, inżidu l-ispazji miftuħa fil-lokalità biex ir-residenti u l-familji tal-Munxar u tax-Xlendi jkollhom żoni apposta għar-rikreazzjoni. Naraw li dawn l-ispazji jkunu jinkludu żoni mdawrin bi lqugħ biex l-annimali jkollhom fejn jiltaqgħu.

 

It-traffiku u l-parkeġġ

Nagħrfu li l-parkeġġ qed isir problema wkoll f’Għawdex u għalhekk il-Kunsill jeħtieġ isib mezz biex jinħolqu spazji għal aktar parkeġġ fil-qalba tal-irħula biex jilqa’ għal din il-problema.

Nikkonsultaw mal-gvern ċentrali u mal-awtoritajiet biex issir aktar koordinazzjoni tat-traffiku fl-inħawi tax-Xlendi tul ix-xhur tas-sajf, u nesploraw il-possibbiltà li jinħolqu spazji tal-parkeġġ għar-residenti tax-Xlendi u sistema ta’ park-and-ride għall-viżitaturi biex jonqsu l-flussi tal-karozzi u tittaffa l-problema tal-parkeġġ f’din iż-żona.

Barra minn hekk, nirrestawraw iż-żona tal-parkeġġ ta’ ħdejn il-belvedere tax-Xlendi.

Nissoktaw inħajru aktar residenti jużaw ir-roti għall-qadi u l-ħtiġijiet fil-lokalità.

 

It-trasport pubbliku

Nissoktaw bil-ħidma mal-gvern ċentrali u mal-awtoritajiet biex naraw li r-residenti tal-Munxar ikunu moqdijin sew fejn jidħol it-trasport pubbliku. Naraw li anke r-residenti tax-Xlendi jkunu moqdijin aħjar, u l-viżitaturi tul ix-xhur tas-sajf.

Barra minn hekk, nieħdu ħsieb li l-istejġijiet ta’ tal-linja madwar il-lokalità jinżammu dejjem fi stat tajjeb. Nirranġaw l-istejġ tal-pjazza u nżidu oħra fejn il-playing field tar-raħal.

 

Is-sigurtà

Il-Kunsill jiżgura li f’ċertu żoni tal-Munxar u tax-Xlendi jitwaħħlu sistemi tas-CCTV ta’ kwalità biex jonqsu l-abbużi u l-atti vandali, u biex ir-residenti jgħixu aktar b’moħħhom mistrieħ.

Nagħmlu pressjoni fuq l-awtoritajiet kompetenti biex l-għassa tal-lokalità jkollha preżenza tal-pulizija matul il-ġurnata.

 

L-ambjent u l-indafa

Il-Kunsill jibqa’ attent u viġilanti għall-iżvilupp possibbli ta’ demmiela fil-lokalità. Bħalma rnexxielna nsalvaw iż-Żgħawri, naraw li nħarsu l-lokalità minn żviluppi bħal dawn.

Nibqgħu nagħmlu l-isforzi tagħna biex inħarsu l-inħawi kollha al-lokalità li jinsabu ’l barra miż-żona tal-iżvilupp.

Ninvolvu lill-gvern ċentrali u lill-awtoritajiet biex insolvu l-problema tal-għargħar f’ċertu nħawi tax-Xlendi, u nwettqu ħidma biex nevitaw aktar żbroffi tad-drenaġġ li jniġġsu l-bajja tax-Xlendi. Flimkien mal-awtoritajiet, intejbu s-servizzi offruti lis-sajjieda li jiffrekwentaw din il-bajja.

Barra minn hekk, naraw li l-Kunsill Lokali tal-Munxar ikun involut bis-sħiħ fit-tfassil tal-Master Plan għax-Xlendi.

Nissoktaw bil-ħidma fuq proġetti ta’ enerġija alternattiva u rinnovabbli, speċjalment fit-toroq tal-lokalità. Infasslu programm ċar għat-toroq li jkun jimplimenta sistemi tad-dawl iġġenerat minn sorsi alternattivi tal-enerġija.

Inwettqu proġetti oħrajn tal-enerġija rinnovabbli fiż-żoni pubbliċi, fosthom billi nesploraw il-possibbiltà ta’ ħidma bi sħab mal-entitajiet lokali ħalli jitwaħħlu panelli solari fuq postijiet pubbliċi, u mezzi oħrajn għal enerġija alternattiva.

Il-Kunsill jeħtieġ juża l-ispazji tat-tħawwil bl-aħjar mod, u jara li jinżammu dejjem fi stat tajjeb. Infasslu pjan biex jinstabu żoni oħrajn li jistgħu jissebbħu bix-xtieli u bis-siġar filwaqt li nisħqu l-aktar suq is-siġar indiġeni.

Inwettqu tindif fil-Wied tax-Xlendi u nagħtu importanza xierqa lill-ħitan tas-sejjieħ billi nippromwovu u ninċentivaw ir-restawr u l-konservazzjoni tagħhom. Fost dawn nibnu l-ħitan tas-sejjieħ ta’ Triq Ras il-Bajjada u l-madwar.

Nissoktaw bil-ħidma id f’id mal-bdiewa biex nagħtuhom aktar aċċessibbiltà għall-għelieqi tagħhom u biex ikollhom ilma adattat għat-tisqija tal-uċuħ tar-raba’.

Flimkien mal-awtoritajiet kompetenti, nagħtu prijorità lill-indafa tal-lokalità. Barra minn hekk, niżguraw li l-iskart jinħareġ u jinġabar fil-ħin u kif suppost, u li l-kuntratt tal-knis tal-lokalità jitħaddem kif mistenni.

Nissoktaw b’għadd ta’ inizjattivi siewja relatati mal-immaniġġjar tal-iskart.

Nieħdu ħsieb l-installazzjoni tal-laned għall-ħmieġ tal-annimali madwar il-lokalità.

 

L-edukazzjoni u l-kultura

Inżidu l-għadd ta’ korsijiet li noffru lill-komunità tal-Munxar u tax-Xlendi ħalli jkollha l-opportunità ttejjeb il-ħiliet tagħha. Fost dawn hemm korsijiet fl-informatika, sessjonijiet ta’ artiġjanat, u bosta taħditiet informattivi.

Minn żmien għal żmien, inqassmu materjal edukattiv biex ir-residenti tal-Munxar jibqgħu infurmati dwar l-inizjattivi u l-attivitajiet li jkunu qed iseħħu fil-lokalità.

 

L-isport

Nidħlu f’diskussjonijiet ma’ Munxar Falcons FC biex nesploraw il-possibbiltà li niksbu fondi lokali jew Ewropej ħalli nimmodernizzaw il-faċilitajiet sportivi tal-lokalità.

Nibqgħu nkunu pjattaforma tajba għall-inizjattivi sportivi fil-lokalità biex nagħtu sehemna fil-ġlieda kontra l-vizzji u l-obeżità, u biex aktar tfal, adolexxenti u żgħażagħ jinvolvu ruħhom b’mod attiv fl-isports.

 

L-għaqdiet fil-lokalità

Il-Kunsill jimpenja ruħu li jtejjeb u jkattar il-kuntatt mal-għaqdiet tal-lokalità għall-benefiċċju ta’ dawk kollha involuti.

Niżguraw li l-għaqdiet lokali jingħataw aktar involviment attiv fil-komunità tal-Munxar, mhux biss biex jiżdied l-għarfien dwarhom iżda anki biex ir-residenti jitħajru jagħtu sehemhom fl-għaqdiet u fil-volontarjat.

Ngħinu lill-għaqdiet lokali b’kull mezz, kemm bil-promozzjoni tal-attivitajiet li jorganizzaw fil-Munxar u anki billi nipprovdulhom il-faċilitajiet tal-lokalità.

 

Komunikazzjoni u konsultazzjoni

Il-Kunsill Lokali jeħtieġ jibqa’ jikkonsulta lir-residenti f’kull inizjattiva tiegħu li tkun tolqot direttament lir-residenti. Nibqgħu viċin in-nies biex nibqgħu nagħrfu l-ħtiġijiet u l-aspettattivi tagħhom u biex nisimgħu l-ideat tagħhom għal lokalità aħjar. Ninvolvu aktar liż-żgħażagħ fid-diskussjoni u fil-proċess ta’ konsultazzjoni qabel it-teħid tad-deċiżjonijiet.

Nipprovdu informazzjoni aktar spissa lir-residenti permezz tal-bulettin li jippubblika l-Kunsill minn żmien għal żmien.

Inħaddmu l-vantaġġi li tipprovdi l-midja soċjali biex ir-residenti jibqgħu infurmati kontinwament bl-inizjattivi li jkunu qed jittieħdu. Nagħtu aċċess lill-għaqdiet lokali għall-midja soċjali tal-Kunsill biex itejbu l-komunikazzjoni tagħhom u biex jippromwovu l-attivitajiet li jkunu qed jorganizzaw.

 

Il-Fondi Ewropej

Nikkollaboraw ma’ Kunsilli Lokali Għawdxin oħrajn biex ningaġġaw u ninvolvu lil persuni esperti fil-fondi Ewropej biex jiġu identifikati oqsma li jattiraw il-fondi tal-Unjoni Ewropea. Din l-inizjattiva għandha tinkludi wkoll lill-għaqdiet tal-lokalità biex anki huma jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-fondi tal-Unjoni Ewropea.

 

Il-lat soċjali

Il-Kunsill jagħti importanza kbira lil-lat soċjali tal-komunità, u għaldaqstant tul il-leġiżlatura se nibqgħu nappoġġaw il-proġetti li jagħmlu l-ġid fil-ħajja ta’ kuljum tal-komunità tal-Munxar u tax-Xlendi.

Naħdmu biex nerġgħu niksbu lura l-garaxx ta’ taħt il-Kunsill biex inkabbru ċ-Ċentru Ċiviku.

Flimkien mal-professjonisti u ma’ Kunsilli Lokali Għawdxin oħrajn, inħejju programm ta’ ħidma soċjali li jkun ta’ fejda għal bosta familji u individwi li jeħtieġu l-appoġġ. Ikun programm li jinkludi lill-anzjani, lit-tfal, lis-single parents, lill-persuni b’ħiliet differenti, lill-persuni li jgħixu waħedhom u lil dawk li jgħaddu minn xi diffikultajiet partikolari.

 

Attivitajiet lokali

Norganizzaw ix-Xlendi Ceramics Festival li tant kien suċċess fil-passat.

Niżguraw li jiġu organizzati aktar attivitajiet li jseddqu l-għaqda fil-komunità fi żminijiet partikolari, fosthom fil-Karnival, fi żmien l-Għid u l-ġostra fil-ġimgħa tal-festa.

Norganizzaw ukoll attivitajiet li jżidu l-għarfien dwar il-Munxar fost ir-residenti.