ŻOMM AĠĠORNAT:

 

In-Nadur, Għawdex

Introduzzjoni

In-Nadur illum għandu popolazzjoni ta’ madwar 4,000 persuna. Bħall-bqija tal-lokalitajiet f’Malta u Għawdex, in-Nadur għandu bosta ħtiġijiet lokali partikolari li joħolqu ċertu sfida lill-Kunsill Lokali u lill-kunsillieri li se jiġu eletti f’Mejju li ġej, biex tassew jintlaħqu l-aspettattivi tar-residenti u biex in-Nadur jibqa’ jingħata l-attenzjoni li jixraqlu.

Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta għadd ta’ proposti siewja, imfassla skont il-bżonnijiet ta’ din il-lokalità, u l-kunsillieri kollha eletti f’ismu qed jimpenjaw ruħhom li jmexxuhom ’il quddiem matul il-leġiżlatura li jmiss tal-Kunsilli Lokali.

Barra minn hekk, dan il-Kunsill jeħtieġ iżomm relazzjoni tajba mal-bqija tal-Kunsilli Lokali Għawdxin biex ikun jista’ jwettaq il-ħidma tiegħu li tkun teħtieġ il-koperazzjoni ta’ Kunsilli oħrajn.

 

L-infrastruttura

Bankini

Il-Kunsill tan-Nadur jissokta bil-programm ta’ tiswijiet tal-bankini biex ir-residenti jkollhom bankini ta’ kwalità li jagħtuhom is-sigurtà li jixtiequ u li jkunu aċċessibbli għall-anzjani, għall-persuni b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa.

Niżguraw li nneħħu l-perikli li wħud mill-bankini qed joħolqu biex nevitaw l-inċidenti u li nibnu oħrajn ġodda skont il-bżonn.

Toroq

Il-Kunsill jibqa’ jagħmel pressjoni fuq il-gvern ċentrali biex iwettaq dak li wiegħed, jiġifieri li fis-snin li ġejjin jagħmel it-toroq kollha tan-Nadur. Fl-istess waqt, il-Kunsill se jkompli għaddej bit-tiswija tat-toroq tal-lokalità biex ikunu evitati l-inċidenti u l-ħsarat fil-vetturi li jużawhom.

Nisħqu u nagħtu importanza lil Triq it-Torri ta’ Kenuna li qed taqa’, Triq ir-Ramla l-Ħamra l-Qadima u toroq oħrajn fil-lokalità bħal Triq it-Tiġrija u Triq il-Qala. Permezz tal-fondi Ewropej, nagħtu prijorità lit-triq u l-bajja ta’ Daħlet Qorrot, u nfasslu u nwettqu pjan għal restawr tal-moll ta’ din il-bajja biex ngħadduh lill-awtoritajiet.

Naħdmu mal-artisti biex inwettqu tisbiħ fid-daħla tan-Nadur ta’ Xħajma.

Nissoktaw bil-proġett tal-installazzjoni ta’ dawl ġdid fil-lokalità, filwaqt li nneħħu bosta wajers mit-toroq li qed ikerrhu t-toroq antiki. Nirrestawraw ukoll uħud min-niċeċ u l-istatwi mifruxa madwar in-Nadur.

Playing fields, ġonna, pjazez u żoni miftuħa

Il-Kunsill Lokali jiżgura li tibqa’ ssir il-manutenzjoni tal-playing fields, tal-ġonna u tal-ispazji miftuħa biex jinżammu dejjem fi stat tajjeb għar-residenti. Fost dawn hemm il-ħidma għal devoluzzjoni u tisbiħ tal-ispazju rikreattiv Rock Garden fi Triq ir-Ramla.

Nagħtu importanza lit-tħaddir urban u lill-infrastruttura soċjali u ċivika li qiegħda fir-responsabbiltà tal-Kunsill. Fost l-oħrajn, naħdmu mal-iskola primarja biex jingħata wiċċ ġdid lill-grawnd tal-futbol tal-iskola.

Barra minn hekk, inżidu l-ispazji miftuħa fil-lokalità biex ir-residenti u l-familji tan-Nadur ikollhom żoni apposta għar-rikreazzjoni. Naraw li dawn l-ispazji jkunu jinkludu żoni mdawrin bi lqugħ biex l-annimali jkollhom fejn jiltaqgħu.

 

It-traffiku u l-parkeġġ

Nagħrfu li l-parkeġġ qed isir problema wkoll f’Għawdex u għalhekk il-Kunsill jeħtieġ isib mezz biex jinħolqu spazji għal aktar parkeġġ fil-qalba tal-irħula biex jilqa’ għal din il-problema.

Nissoktaw inħajru aktar residenti jużaw ir-roti għall-qadi u l-ħtiġijiet fil-lokalità.

 

It-trasport pubbliku

Nissoktaw bil-ħidma mal-gvern ċentrali u mal-awtoritajiet biex naraw li r-residenti tan-Nadur ikunu moqdijin sew fejn jidħol it-trasport pubbliku. Nieħdu ħsieb li l-istejġijiet ta’ tal-linja madwar il-lokalità jinżammu dejjem fi stat tajjeb.

 

Is-sigurtà

Il-Kunsill jiżgura li f’ċertu żoni tan-Nadur jitwaħħlu sistemi tas-CCTV ta’ kwalità biex jonqsu l-atti vandali, u biex ir-residenti jgħixu aktar b’moħħhom mistrieħ.

Nagħmlu pressjoni fuq l-awtoritajiet kompetenti biex l-għassa tal-lokalità jkollha preżenza tal-pulizija matul il-ġurnata.

 

L-ambjent u l-indafa

Il-Kunsill jibqa’ jikkollabora ma’ Nadur Nadif u naraw li tiżdied il-parteċipazzjoni tagħhom fl-inizjattivi tal-indafa u ambjentali fil-lokalità. Barra minn hekk, nibqgħu nagħmlu l-isforzi tagħna biex inħarsu l-inħawi kollha tal-lokalità li jinsabu ’l barra miż-żona tal-iżvilupp.

Ninvolvu lill-gvern ċentrali u lill-awtoritajiet biex insolvu l-problema tal-għargħar f’ċertu nħawi tan-Nadur, fosthom fl-ewwel parti ta’ Triq San Blas.

Nissoktaw bil-ħidma fuq proġetti ta’ enerġija alternattiva u rinnovabbli, speċjalment fit-toroq tal-lokalità. Infasslu programm ċar għat-toroq li jkun jimplimenta sistemi tad-dawl iġġenerat minn sorsi alternattivi tal-enerġija.

Inwettqu proġetti oħrajn tal-enerġija rinnovabbli fiż-żoni pubbliċi, fosthom billi nesploraw il-possibbiltà ta’ ħidma bi sħab mal-entitajiet lokali ħalli jitwaħħlu panelli solari fuq postijiet pubbliċi, u mezzi oħrajn għal enerġija alternattiva.

Il-Kunsill jeħtieġ juża l-ispazji tat-tħawwil bl-aħjar mod, u jara li jinżammu dejjem fi stat tajjeb. Infasslu pjan biex jinstabu żoni oħrajn li jistgħu jissebbħu bix-xtieli u bis-siġar filwaqt li nisħqu l-aktar suq is-siġar indiġeni.

Nagħtu importanza xierqa lill-ħitan tas-sejjieħ tal-lokalità billi nippromwovu u ninċentivaw ir-restawr u l-konservazzjoni tagħhom. Nissoktaw bil-ħidma id f’id mal-bdiewa biex nagħtuhom aktar aċċessibbiltà għall-għelieqi tagħhom u biex ikollhom ilma adattat għat-tisqija tal-uċuħ tar-raba’.

Flimkien mal-awtoritajiet kompetenti, nagħtu prijorità lill-indafa tal-lokalità. Barra minn hekk, niżguraw li l-iskart jinħareġ u jinġabar fil-ħin u kif suppost, u li l-kuntratt tal-knis tal-lokalità jitħaddem kif mistenni.

Nissoktaw b’għadd ta’ inizjattivi siewja relatati mal-immaniġġjar tal-iskart.

Nieħdu ħsieb l-installazzjoni tal-laned għall-ħmieġ tal-annimali madwar il-lokalità.

 

L-edukazzjoni u l-kultura

Nibqgħu nikkollaboraw mal-iskola primarja tal-lokalità biex flimkien inkomplu nieħdu inizjattivi favur it-tfal tal-lokalità.

Inżidu l-għadd ta’ korsijiet li noffru lill-komunità tan-Nadur ħalli jkollha l-opportunità ttejjeb il-ħiliet tagħha. Fost dawn hemm korsijiet fl-informatika, sessjonijiet ta’ artiġjanat, u bosta taħditiet informattivi.

Minn żmien għal żmien, inqassmu materjal edukattiv biex ir-residenti tan-Nadur jibqgħu infurmati dwar l-inizjattivi u l-attivitajiet li jkunu qed iseħħu fil-lokalità.

 

L-isport

Nibqgħu nkunu pjattaforma tajba għall-inizjattivi sportivi fil-lokalità biex nagħtu sehemna fil-ġlieda kontra l-vizzji u l-obeżità, u biex aktar tfal, adolexxenti u żgħażagħ jinvolvu ruħhom b’mod attiv fl-isports.

 

L-għaqdiet fil-lokalità

Il-Kunsill jimpenja ruħu li jtejjeb u jkattar il-kuntatt mal-għaqdiet tal-lokalità għall-benefiċċju ta’ dawk kollha involuti.

Niżguraw li l-għaqdiet lokali jingħataw aktar involviment attiv fil-komunità tan-Nadur, mhux biss biex jiżdied l-għarfien dwarhom iżda anki biex ir-residenti jitħajru jagħtu sehemhom fl-għaqdiet u fil-volontarjat.

Ngħinu lill-għaqdiet lokali b’kull mezz, kemm bil-promozzjoni tal-attivitajiet li jorganizzaw fin-Nadur u anki billi nipprovdulhom il-faċilitajiet tal-lokalità.

 

Komunikazzjoni u konsultazzjoni

Il-Kunsill Lokali jeħtieġ jibqa’ jikkonsulta lir-residenti f’kull inizjattiva tiegħu li tkun tolqot direttament lir-residenti. Nibqgħu viċin in-nies biex nibqgħu nagħrfu l-ħtiġijiet u l-aspettattivi tagħhom u biex nisimgħu l-ideat tagħhom għal lokalità aħjar.

Permezz ta’ Kunsill tat-Tfal u Kunsill taż-Żgħażagħ ninvolvu aktar lit-tfal u liż-żgħażagħ fid-diskussjoni u fil-proċess ta’ konsultazzjoni qabel it-teħid tad-deċiżjonijiet.

Nipprovdu informazzjoni aktar spissa lir-residenti permezz tal-bulettin li jippubblika l-Kunsill minn żmien għal żmien.

Inħaddmu l-vantaġġi li tipprovdi l-midja soċjali biex ir-residenti jibqgħu infurmati kontinwament bl-inizjattivi li jkunu qed jittieħdu. Nagħtu aċċess lill-għaqdiet lokali għall-midja soċjali tal-Kunsill biex itejbu l-komunikazzjoni tagħhom u biex jippromwovu l-attivitajiet li jkunu qed jorganizzaw.

 

Il-Fondi Ewropej

Nikkollaboraw ma’ Kunsilli Lokali Għawdxin oħrajn biex ningaġġaw u ninvolvu lil persuni esperti fil-fondi Ewropej biex jiġu identifikati oqsma li jattiraw il-fondi tal-Unjoni Ewropea. Din l-inizjattiva għandha tinkludi wkoll lill-għaqdiet tal-lokalità biex anki huma jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-fondi tal-Unjoni Ewropea.

Barra minn hekk, inġeddu it-tliet ġemellaġġi tan-Nadur ma’ lokalitajiet barra minn xtutna li jħallu l-frott tagħhom liż-żewġ naħat u li jiftħu l-opportunitajiet ta’ skambji għall-artisti, l-isportivi, l-edukaturi u l-għaqdiet tan-Nadur.

 

Il-lat soċjali

Il-Kunsill jagħti importanza kbira lil-lat soċjali tal-komunità, u għaldaqstant tul il-leġiżlatura se nibqgħu nappoġġaw il-proġetti li jagħmlu l-ġid fil-ħajja ta’ kuljum tal-komunità tan-Nadur.

Naħdmu mal-parroċċa biex jinfetaħ Ċentru ta’ Matul il-Lejl għall-anzjani tal-lokalità u għal persuni oħrajn mingħajr saqaf fuq rashom. Nippjanaw u niftħu wkoll Ċentru għall-Komunità fi Triq Binġemma.

Barra minn hekk, nesploraw il-possibbiltà ta’ ċentru ta’ matul il-jum għat-tfal biex jiġu organizzati aktar attivitajiet immirati għalihom fir-raħal tagħna.

Flimkien mal-professjonisti u ma’ Kunsilli Lokali Għawdxin oħrajn, inħejju programm ta’ ħidma soċjali li jkun ta’ fejda għal bosta familji u individwi li jeħtieġu l-appoġġ. Ikun programm li jinkludi lill-anzjani, lit-tfal, lis-single parents, lill-persuni b’ħiliet differenti, lill-persuni li jgħixu waħedhom u lil dawk li jgħaddu minn xi diffikultajiet partikolari.

 

Attivitajiet lokali u l-Karnival tan-Nadur

Inkomplu nagħtu importanza lill-avveniment annwali tal-Karnival tan-Nadur biex nattiraw aktar turiżmu lejn il-gżira Għawdxija f’dawk iż-żminijiet. Naraw li jibqgħu jitjiebu s-sigurtà u l-organizzazzjoni ta’ dan l-avveniment, u matul is-sena nipprovdu tagħlim u għarfien dwar il-maskarat tradizzjonali.

Barra minn hekk, niżguraw li jiġu organizzati aktar attivitajiet li jseddqu l-għaqda fil-komunità fi żminijiet partikolari, fosthom fil-Milied, fi żmien l-Għid u fil-ġimgħa tal-festa.

Norganizzaw ukoll attivitajiet li jżidu l-għarfien dwar in-Nadur fost ir-residenti.