ŻOMM AĠĠORNAT:

 

Pembroke

Introduzzjoni

Pembroke illum għandha popolazzjoni ta’ kważi 3,800 persuna. Bħall-bqija tal-lokalitajiet f’Malta, Pembroke għandha bosta ħtiġijiet lokali partikolari li joħolqu ċertu sfida lill-Kunsill Lokali u lill-kunsillieri li se jiġu eletti f’Mejju li ġej, biex tassew jintlaħqu l-aspettattivi tar-residenti u biex Pembroke tibqa’ tingħata l-attenzjoni li jixirqilha.

Il-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta wkoll proposti siewja, imfassla skont il-bżonnijiet ta’ din il-lokalità, u l-kunsillieri kollha eletti f’ismu qed jimpenjaw ruħhom li jmexxuhom ’il quddiem matul il-leġiżlatura li jmiss tal-Kunsilli Lokali.

Il-Kunsill ta’ Pembroke jibqa’ jżomm relazzjoni tajba mal-Kunsilli Lokali tal-madwar, fosthom ta’ San Ġiljan, tas-Swieqi, tal-Għargħur, tan-Naxxar u ta’ San Pawl il-Baħar biex ikun jista’ jwettaq il-ħidma tiegħu li tkun teħtieġ il-koperazzjoni ta’ Kunsilli oħrajn.

 

L-infrastruttura

Bankini

Il-Kunsill ta’ Pembroke jissokta bil-programm ta’ tiswijiet tal-bankini biex ir-residenti jkollhom bankini ta’ kwalità li jagħtuhom is-sigurtà li jixtiequ u li jkunu aċċessibbli għall-anzjani, għall-persuni b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa.

Niżguraw li nneħħu l-perikli li wħud mill-bankini qed joħolqu biex nevitaw l-inċidenti u li nibnu oħrajn ġodda skont il-bżonn.

Toroq

Il-Kunsill jibqa’ jagħmel pressjoni fuq il-gvern ċentrali biex iwettaq dak li wiegħed, jiġifieri li fis-snin li ġejjin jagħmel it-toroq kollha ta’ Pembroke.

Fl-istess waqt, il-Kunsill se jkompli għaddej bit-tiswija tat-toroq tal-lokalità biex ikunu evitati l-inċidenti u l-ħsarat fil-vetturi li jużawhom, fost dawn hemm ippjanati Triq Burma u Triq Gabriel Henin.

Infasslu u nimplimentaw pjan għall-immaniġġjar tat-traffiku li jikkunsidra l-bżonnijiet partikolari tal-lokalità tagħna, fosthom il-fatt li l-lokalità għandha biss tliet żbokki għall-ħruġ tat-traffiku. Nieħdu għadd ta’ miżuri li jikkalmaw it-traffiku madwar il-lokalità.

Nissoktaw id-diskussjonijiet mal-awtoritajiet dwar il-Master Plan ta’ Paceville, u naraw li s-sistema tat-toroq tkun waħda moderna, adegwata u aċċettabbli.

Nissoktaw ukoll bil-proġett tal-installazzjoni ta’ dawl ġdid, filwaqt li nneħħu bosta wajers mit-toroq li qed ikerrhu l-ambjent fil-lokalità tagħna.

Playing fields, ġonna, pjazez u żoni miftuħa

Il-Kunsill Lokali jiżgura li tibqa’ ssir il-manutenzjoni tal-ġonna u l-ispazji miftuħa biex jinżammu dejjem fi stat tajjeb għar-residenti.

Nagħtu importanza lit-tħaddir urban u lill-infrastruttura soċjali u ċivika li qiegħda fir-responsabbiltà tal-Kunsill.

Inżidu l-ispazji miftuħa fil-lokalità biex ir-residenti u l-familji ta’ Pembroke ikollhom żoni apposta għar-rikreazzjoni u dawn l-ispazji jkunu jinkludu żoni mdawrin bi lqugħ biex l-annimali jkollhom fejn jiltaqgħu.

 

It-traffiku u l-parkeġġ

Inniedu App apposta biex ir-residenti u s-sewwieqa jkunu informati minnufih jew minn qabel dwar ix-xogħlijiet ta’ manutenzjoni u tiswijiet li jkunu se jsiru fit-toroq u biex jingħataw tagħrif ieħor utli għall-evitar tat-traffiku.

Nagħrfu li l-problema tal-parkeġġ qed kulma jmur tiżdied u tiggrava u għalhekk il-Kunsill jeħtieġ isib mezz biex jinħolqu spazji għal aktar parkeġġ, b’mod partikolari meta wieħed iqis li ħafna miż-żoni ewlenin ta’ Pembroke qed ibatu minn din il-problema.

Nidentifikaw u nimplimentaw mogħdijiet għar-roti biex nippromwovu u nħajru aktar residenti jużaw ir-roti għall-qadi u l-ħtiġijiet fil-lokalità. Inżidu l-għadd ta’ slottijiet għar-roti madwar il-lokalità u nippromwovu l-użu tar-roti kondiviżi li jistgħu jintużaw mill-komunità lokali.

 

It-trasport pubbliku

Nibqgħu naraw li s-servizz tat-trasport pubbliku jibqa’ jissodisfa l-ħtiġijiet tar-residenti fil-lokalità.

Nieħdu ħsieb li titkompla l-ħidma fuq l-installazzjoni ta’ stejġijiet ta’ tal-linja madwar il-lokalità.

 

Is-sigurtà

Il-Kunsill jiżgura li fiż-żoni magħrufa għall-abbużi tkompli għaddejja l-ħidma biex jitwaħħlu aktar sistemi tas-CCTV ta’ kwalità biex jonqsu l-abbużi u l-atti vandali, u biex ir-residenti jgħixu aktar b’moħħhom mistrieħ. Dan speċjalment tul ix-xhur tas-sajf meta l-lokalità timtela studenti barranin.

Nesploraw ukoll il-possibbiltà ta’ neighbourhood watch f’xi nħawi madwar il-lokalità.

 

L-ambjent u l-indafa

Nissoktaw nikkollaboraw bis-sħiħ mal-Kunsilli Lokali tal-madwar biex nitħabtu kontra l-iżvilupp bla rażan li qed isir fl-inħawi tagħna; żvilupp li mhux biss qed jeqred l-ambjent tal-lokalità iżda qed ikun ta’ dannu għar-residenti u għal saħħitna. Flimkien ma’ Kunsilli Lokali oħrajn nissoktaw bid-diskussjonijiet dwar il-Master Plan ta’ Paceville biex naraw li l-ambjent jingħata l-importanza li jixraqlu.

Nissoktaw bl-appell b’rabta mal-iżvilupp propost fis-sit tal-ITS fil-viċinanza tagħna; għax aħna tal-fehma li dan il-proġett enormi se jħalli impatt ħażin ħafna fuq il-kwalità tal-ħajja u s-saħħa tar-residenti tas-Swieqi u ta’ Pembroke. Nibqgħu nuru wkoll solidarjetà mar-residenti ta’ San Ġiljan li anki huma se jintlaqtu ħażin ħafna jekk dan l-iżvilupp jitħalla jsir.

Nibqgħu nsegwu kontinwament il-pjanijiet tal-proġett fis-sit tal-lukandi Corinthia u nibqgħu nisħqu li għandna nkunu involuti fid-diskussjonijiet, għax mill-ġdid aħna tal-fehma li jekk jitħalla jsir, dan il-proġett enormi se jħalli impatt ħażin ħafna fuq il-kwalità tal-ħajja u s-saħħa tar-residenti tas-Swieqi u ta’ Pembroke.

Il-Kunsill jibqa’ jagħti importanza lill-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli u għaldaqstant permezz tal-periti impjegati mal-Kunsill, insegwu kull applikazzjoni li tasal għand il-Kunsill biex naraw li din tkun konformi mal-liġijiet tal-ippjanar, ħalli jekk ma tkunx nieħdu l-passi meħtieġa minnufih. Nibqgħu nippreżentaw l-oġġezzjonijiet tagħna kontra l-iżviluppi illegali.

Naħdmu wkoll fuq proġetti ta’ enerġija alternattiva u rinnovabbli, speċjalment fit-toroq tal-lokalità. Ifassal programm ċar għat-toroq li jkun jimplimenta sistemi tad-dawl iġġenerat minn sorsi alternattivi tal-enerġija.

Inwettqu proġetti oħrajn tal-enerġija rinnovabbli fiż-żoni pubbliċi, fosthom billi nesploraw il-possibbiltà ta’ ħidma bi sħab mal-entitajiet lokali ħalli jitwaħħlu panelli solari fuq postijiet pubbliċi, u mezzi oħrajn għal enerġija alternattiva.

Il-Kunsill jeħtieġ juża l-ispazji tat-tħawwil bl-aħjar mod, u jara li jinżammu dejjem fi stat tajjeb. Infasslu pjan biex jinstabu żoni oħrajn li jistgħu jissebbħu bix-xtieli u bis-siġar.

Flimkien mal-awtoritajiet kompetenti, nagħtu prijorità lill-indafa tal-lokalità. Barra minn hekk, niżguraw li l-iskart jinħareġ u jinġabar fil-ħin u kif suppost, u li l-kuntratt tal-knis tal-lokalità jitħaddem kif mistenni.

Nissoktaw b’għadd ta’ inizjattivi siewja relatati mal-immaniġġjar tal-iskart u inkomplu l-installazzjoni tal-laned għall-ħmieġ tal-annimali madwar il-lokalità.

 

L-edukazzjoni u l-kultura

Inkomplu nżidu l-għadd ta’ korsijiet li noffru lill-komunità ta’ Pembroke ħalli jkollha l-opportunità ttejjeb il-ħiliet u l-għarfien tagħha. Fost dawn hemm korsijiet fl-informatika, korsijiet fil-lingwi, fl-istili ta’ ħajja sana, u fit-tisjir, u bosta taħditiet informattivi.

Minn żmien għal żmien, inqassmu materjal edukattiv biex ir-residenti ta’ Pembroke jibqgħu infurmati dwar l-inizjattivi u l-attivitajiet li jkunu qed iseħħu fil-lokalità.

 

L-isport

Nippromwovu l-użu tar-roti madwar Pembroke u ninstallaw slottijiet għar-roti madwar il-lokalità.

Nibqgħu nkunu pjattaforma tajba għall-inizjattivi sportivi fil-lokalità biex nagħtu sehemna fil-ġlieda kontra l-vizzji u l-obeżità, u biex aktar tfal, adolexxenti u żgħażagħ jinvolvu ruħhom b’mod attiv fl-isports.

 

L-għaqdiet fil-lokalità u ż-żgħażagħ

Il-Kunsill jimpenja ruħu li jtejjeb u jkattar il-kuntatt mal-għaqdiet tal-lokalità għall-benefiċċju ta’ dawk kollha involuti.

Niżguraw li l-għaqdiet lokali jingħataw aktar involviment attiv fil-komunità, mhux biss biex jiżdied l-għarfien dwarhom iżda anki biex ir-residenti jitħajru jagħtu sehemhom fl-għaqdiet u fil-volontarjat.

 

Komunikazzjoni u konsultazzjoni

Il-Kunsill Lokali jeħtieġ jibqa’ jikkonsulta lir-residenti f’kull inizjattiva tiegħu li tkun tolqot direttament lir-residenti. Nibqgħu viċin in-nies biex nibqgħu nagħrfu l-ħtiġijiet u l-aspettattivi tagħhom u biex nisimgħu l-ideat tagħhom għal lokalità aħjar.

Nipprovdu bosta servizzi ġodda online biex ir-residenti jinqdew minn djarhom, fosthom biex japplikaw għall-permessi, filwaqt li naraw li l-uffiċċju tal-Kunsill isir one-stop-shop għal ħafna mis-servizzi biex il-komunità ta’ Pembroke tkun tista’ tinqeda fil-lokalità tagħha stess.

Norganizzaw ukoll attivitajiet li jżidu l-għarfien dwar Pembroke fost ir-residenti. Barra minn hekk nipprovdu informazzjoni aktar spissa lir-residenti permezz tal-bulettin li jippubblika l-Kunsill minn żmien għal żmien.

Inħaddmu l-vantaġġi li tipprovdi l-midja soċjali biex ir-residenti jibqgħu infurmati kontinwament bl-inizjattivi li jkunu qed jittieħdu. Nagħtu aċċess lill-għaqdiet lokali għall-midja soċjali tal-Kunsill biex itejbu l-komunikazzjoni tagħhom u biex jippromwovu l-attivitajiet li jkunu qed jorganizzaw.

 

Il-Fondi Ewropej

Ningaġġaw u ninvolvu lil persuni esperti fil-fondi Ewropej biex jiġu identifikati oqsma li jattiraw il-fondi tal-Unjoni Ewropea. Din l-inizjattiva għandha tinkludi wkoll lill-għaqdiet tal-lokalità biex anki huma jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-fondi tal-Unjoni Ewropea.

 

Il-lat soċjali

Il-Kunsill jagħti importanza kbira lil-lat soċjali tal-komunità, u għaldaqstant tul il-leġiżlatura se nibqgħu nappoġġaw il-proġetti li jagħmlu l-ġid fil-ħajja ta’ kuljum tal-komunità ta’ Pembroke.

Intejbu l-politika tagħna b’rabta mal-persuni b’diżabbiltà, il-familji u t-trobbija tal-ulied, il-ġlieda kontra l-vizzji, il-faqar, l-illitteriżmu u l-obeżità. Flimkien mal-professjonisti nħejju programm ta’ ħidma soċjali li jkun ta’ fejda għal bosta familji u individwi li jeħtieġu l-appoġġ. Ikun programm li jinkludi lill-anzjani, lit-tfal, lis-single parents, lill-persuni b’ħiliet differenti, lill-persuni li jgħixu waħedhom u lil dawk li jgħaddu minn xi diffikultajiet partikolari.

 

Attivitajiet lokali

Niżguraw li jiġu organizzati aktar attivitajiet li jseddqu l-għaqda fil-komunità fi żminijiet partikolari, fosthom fil-Milied u fi żmien l-Għid.

Norganizzaw ukoll attivitajiet li jżidu l-għarfien dwar Pembroke fost ir-residenti.