ŻOMM AĠĠORNAT:

 

Il-Qala

 

Introduzzjoni

Il-Qala llum għandha popolazzjoni ta’ aktar minn 1,800 persuna. Bħall-bqija tal-lokalitajiet f’Malta u Għawdex, il-Qala għandha bosta ħtiġijiet lokali partikolari li joħolqu ċertu sfida lill-Kunsill Lokali u lill-kunsillieri li se jiġu eletti f’Mejju li ġej, biex tassew jintlaħqu l-aspettattivi tar-residenti u biex il-Qala tibqa’ tingħata l-attenzjoni li jixirqilha.

Il-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta għadd ta’ proposti siewja, imfassla skont il-bżonnijiet ta’ din il-lokalità, u l-kunsillieri kollha eletti f’ismu qed jimpenjaw ruħhom li jmexxuhom ’il quddiem matul il-leġiżlatura li jmiss tal-Kunsilli Lokali.

Barra minn hekk, dan il-Kunsill jeħtieġ iżomm relazzjoni tajba mal-bqija tal-Kunsilli Lokali Għawdxin biex ikun jista’ jwettaq il-ħidma tiegħu li tkun teħtieġ il-koperazzjoni ta’ Kunsilli oħrajn.

 

L-infrastruttura

Bankini

Il-Kunsill tal-Qala jissokta bil-programm ta’ tiswijiet tal-bankini biex ir-residenti jkollhom bankini ta’ kwalità li jagħtuhom is-sigurtà li jixtiequ u li jkunu aċċessibbli għall-anzjani, għall-persuni b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa.

Niżguraw li nneħħu l-perikli li wħud mill-bankini qed joħolqu biex nevitaw l-inċidenti u li nibnu oħrajn ġodda skont il-bżonn.

Toroq

Il-Kunsill jibqa’ jagħmel pressjoni fuq il-gvern ċentrali biex iwettaq dak li wiegħed, jiġifieri li fis-snin li ġejjin jagħmel it-toroq kollha tal-Qala. 

Fl-istess waqt, il-Kunsill se jkompli għaddej bit-tiswija tat-toroq tal-lokalità biex ikunu evitati l-inċidenti u l-ħsarat fil-vetturi li jużawhom. Nagħtu prijorità lil Triq Papa Piju XII u toroq residenzjali u rurali oħra.

Ninvestu f’sinjali diġitali biex is-sewwieqa jkunu informati aħjar.

Naħdmu mal-gvern ċentrali u mal-awtoritajiet biex niżguraw li tiġi indirizzata mill-aktar fis il-problema tal-għargħar li qed iġġarrab il-Qala f’diversi nħawi tal-lokalità, fosthom fi Triq l-Imġarr. Insibu soluzzjoni wkoll għall-ilma li jinġabar fi Triq l-Isqof Mikiel Buttigieg ħdejn id-daħla tal-iskola primarja.

Nissoktaw bil-proġett tal-installazzjoni ta’ dawl ġdid fiċ-ċentru u nneħħu bosta wajers mit-toroq li qed ikerrhu wħud mill-isbaħ toroq antiki tal-lokalità.

Naħdmu biex nagħmlu belvedere ġdid, fil-parti ta’ isfel ta’ Triq iż-Żewwieqa.

Playing fields, ġonna, pjazez u żoni miftuħa

Il-Kunsill Lokali jiżgura li tibqa’ ssir il-manutenzjoni tal-playing fields, tal-ġonna u tal-ispazji miftuħa biex jinżammu dejjem fi stat tajjeb għar-residenti. Fost dawn hemm l-attrezzament tal-playing field imsemmi għall-Maġistrat Salvu Attard f’Ta’ Kassja, u nerġgħu nsebbħu l-Ġnien ta’ Grunju u Ġnien il-Ħajja.

Nagħtu importanza lit-tħaddir urban u lill-infrastruttura soċjali u ċivika li qiegħda fir-responsabbiltà tal-Kunsill u nżidu l-ispazji miftuħa madwar ir-raħal biex ir-residenti u l-familji jkollhom aktar żoni maħsuba għar-rikreazzjoni.

 

It-traffiku u l-parkeġġ

Nagħrfu li l-parkeġġ qed isir problema wkoll f’Għawdex u għalhekk il-Kunsill jeħtieġ isib mezz biex jinħolqu spazji għal aktar parkeġġ fil-qalba tal-irħula biex jilqa’ għal din il-problema.

Nidentifikaw u nimplimentaw mogħdijiet għar-roti biex nippromwovu u nħajru aktar residenti jużaw ir-roti għall-qadi u l-ħtiġijiet fil-lokalità.

 

It-trasport pubbliku

Naħdmu biex naraw li l-Qala tkun moqdija aħjar fejn jidħol it-trasport pubbliku billi naraw li dan it-trasport ikun jaqdi wkoll il-ħtiġijiet tar-residenti li jgħixu fl-inħawi tal-Kunċizzjoni u għall-viżitaturi tal-bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien.

Nieħdu ħsieb li titkompla l-ħidma fuq l-installazzjoni ta’ stejġijiet ta’ tal-linja madwar il-lokalità.

Il-Kunsill jieħu f’idejh ir-responsabbiltà li jipprovdi servizz ta’ minivan ċirkolari jew ta’ karozzi elettriċi li jkun jikkumplimenta s-servizz tat-trasport pubbliku biex ir-residenti jkunu jistgħu jaċċessaw aħjar is-servizzi taċ-ċentru tal-Qala u tal-lokalitajiet tal-madwar.

 

Is-sigurtà

Il-Kunsill jiżgura li f’ċertu żoni jitwaħħlu sistemi tas-CCTV ta’ kwalità biex jonqsu l-atti vandali, u biex ir-residenti jgħixu aktar b’moħħhom mistrieħ.

Nibqgħu nagħmlu pressjoni fuq l-awtoritajiet kompetenti biex l-għassa tal-Qala tkun dejjem miftuħa u biex tiżdied il-preżenza tal-pulizija fit-toroq speċjalment fil-ħinijiet ta’ billejl.

 

L-ambjent u l-indafa

Il-Kunsill ikompli jaħdem għall-ħarsien ta’ Ħondoq ir-Rummien u l-ambjent naturali tal-madwar. Naraw li dawn l-inħawi ma jisfawx mimsusa bl-iżvilupp tal-ispekulaturi. Naraw li l-proġett tal-ftuħ tad-distillatur li qed tagħmel il-Korporazzjoni tal-Ilma ma jagħmilx ħsara lill-ambjent naturali ta’ dawn in-naħat.

Nissoktaw bil-ħidma fuq proġetti ta’ enerġija alternattiva u rinnovabbli, speċjalment fit-toroq tal-lokalità. Infasslu programm ċar għat-toroq li jkun jimplimenta sistemi tad-dawl iġġenerat minn sorsi alternattivi tal-enerġija.

Inwettqu proġetti oħrajn tal-enerġija rinnovabbli fiż-żoni pubbliċi, fosthom billi nesploraw il-possibbiltà ta’ ħidma bi sħab mal-entitajiet lokali ħalli jitwaħħlu panelli solari fuq postijiet pubbliċi, u mezzi oħrajn għal enerġija alternattiva. Barra minn hekk, insewwu l-45 panella solari li hemm fi Ġnien il-Ħajja.

Il-Kunsill jeħtieġ juża l-ispazji tat-tħawwil bl-aħjar mod, u jara li jinżammu dejjem fi stat tajjeb. Infasslu pjan biex jinstabu żoni oħrajn li jistgħu jissebbħu bix-xtieli u bis-siġar.

Flimkien mal-awtoritajiet kompetenti, nagħtu prijorità lill-indafa tal-lokalità. Barra minn hekk, niżguraw li l-iskart jinħareġ u jinġabar fil-ħin u kif suppost, u li l-kuntratt tal-knis tal-lokalità jitħaddem kif mistenni.

Nissoktaw b’għadd ta’ inizjattivi siewja relatati mal-immaniġġjar tal-iskart.

Inkomplu nifirxu l-laned tal-iskart b’faċilità ta’ separazzjoni u nkomplu bl-installazzjoni tal-laned għall-ħmieġ tal-annimali madwar il-lokalità.

 

L-edukazzjoni u l-kultura

Il-Kunsill jibqa’ jżomm relazzjoni tajba mal-iskola primarja tal-lokalità u nissoktaw intejbu s-servizzi u l-għażla li toffri l-librerija.

Inżidu l-għadd ta’ korsijiet li noffru lill-komunità tal-Qala ħalli jkollha l-opportunità ttejjeb il-ħiliet tagħha. Fost dawn hemm korsijiet fl-informatika, sessjonijiet ta’ artiġjanat, u bosta taħditiet informattivi.

Minn żmien għal żmien, inqassmu materjal edukattiv biex ir-residenti tal-Qala jibqgħu infurmati dwar l-inizjattivi u l-attivitajiet li jkunu qed iseħħu fil-lokalità. Norganizzaw ukoll bosta wirjiet kulturali li juru talenti lokali u nazzjonali.

 

Il-wirt storiku

Nissoktaw bil-proġett ta’ tisbiħ tat-toroq antiki u nkomplu r-restawr ta’ wħud mill-attrazzjonijiet storiċi mifruxa madwar il-Qala. Ħdejn kull waħda ninstallaw tagħrif dwar dak is-sit partikolari.

B’ħidma mal-privat u mar-residenti tal-lokalità nerġgħu nagħtu l-ħajja lill-mużew tal-folklor, u flimkien ma’ grupp folkloristiku lokali nagħtu spinta lill-Qala International Folk Festival.

Nissoktaw bil-ħidma biex jitlesta x-xogħol fuq il-Fortizza Sant Antnin, u ntejbu l-aċċess għaliha mingħajr ma nkunu invażivi għall-ambjent tal-madwar.

Inwettqu tisbiħ fi Triq it-Tempju fejn tinsab il-Ġebla l-Wieqfa.

 

L-isport

Nippromwovu l-użu tar-roti fil-qalba tal-lokalità u nkomplu ninstallaw l-islottijiet għar-roti madwar il-lokalità.

Nibqgħu nagħtu appoġġ lil Qala Saints FC biex jitlesta l-grawnd tal-futbol u l-bqija tal-faċilitajiet sportivi.

Nibqgħu nkunu pjattaforma tajba għall-inizjattivi sportivi fil-lokalità biex nagħtu sehemna fil-ġlieda kontra l-vizzji u l-obeżità, u biex aktar tfal, adolexxenti u żgħażagħ jinvolvu ruħhom b’mod attiv fl-isports.

 

L-għaqdiet fil-lokalità

Il-Kunsill jimpenja ruħu li jtejjeb u jkattar il-kuntatt mal-għaqdiet tal-lokalità għall-benefiċċju ta’ dawk kollha involuti.

Niżguraw li l-għaqdiet lokali jingħataw aktar involviment attiv fil-komunità tal-Qala, mhux biss biex jiżdied l-għarfien dwarhom iżda anki biex ir-residenti jitħajru jagħtu sehemhom fl-għaqdiet u fil-volontarjat.

Ngħinu lill-għaqdiet lokali b’kull mezz, kemm bil-promozzjoni tal-attivitajiet li jorganizzaw fil-Qala u anki billi nipprovdulhom il-faċilitajiet tal-lokalità.

 

Komunikazzjoni u konsultazzjoni

Il-Kunsill Lokali jeħtieġ jibqa’ jikkonsulta lir-residenti f’kull inizjattiva tiegħu li tkun tolqot direttament lir-residenti. Nibqgħu viċin in-nies biex nibqgħu nagħrfu l-ħtiġijiet u l-aspettattivi tagħhom u biex nisimgħu l-ideat tagħhom għal lokalità aħjar.

Nipprovdu bosta servizzi ġodda online biex ir-residenti jinqdew minn djarhom, filwaqt li naraw li l-uffiċċju tal-Kunsill isir one-stop-shop għal ħafna mis-servizzi biex il-komunità tal-Qala tkun tista’ tinqeda fil-lokalità tagħha stess.

Inwettqu tibdil mill-qiegħ fis-sistema tar-relazzjonijiet pubbliċi tal-Kunsill Lokali tal-Qala. Inwaqqfu sistema aktar effiċjenti u effettiva tal-customer care biex ir-residenti jressqu d-diffikultajiet u l-ilmenti tagħhom lill-Kunsill u tittieħed azzjoni mill-aktar fis.

Nipprovdu informazzjoni aktar spissa lir-residenti permezz tal-fuljett li jippubblika l-Kunsill minn żmien għal żmien.

Inħaddmu l-vantaġġi li tipprovdi l-midja soċjali biex ir-residenti jibqgħu infurmati kontinwament bl-inizjattivi li jkunu qed jittieħdu. Nagħtu aċċess lill-għaqdiet lokali għall-midja soċjali tal-Kunsill biex itejbu l-komunikazzjoni tagħhom u biex jippromwovu l-attivitajiet li jkunu qed jorganizzaw.

 

Il-Fondi Ewropej

Nikkollaboraw ma’ Kunsilli Lokali Għawdxin oħrajn biex ningaġġaw u ninvolvu lil persuni esperti fil-fondi Ewropej biex jiġu identifikati oqsma li jattiraw il-fondi tal-Unjoni Ewropea. Din l-inizjattiva għandha tinkludi wkoll lill-għaqdiet tal-lokalità biex anki huma jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-fondi tal-Unjoni Ewropea.

Barra minn hekk, inġeddu l-ġemellaġġ u l-iskambji ma’ Canale Monterano, esperjenza li tħalli l-frott għaż-żewġ naħat.

 

Il-lat soċjali

Il-Kunsill jagħti importanza kbira lil-lat soċjali tal-komunità, u għaldaqstant tul il-leġiżlatura se nibqgħu nappoġġaw il-proġetti li jagħmlu l-ġid fil-ħajja ta’ kuljum tal-komunità tal-Qala.

Nibqgħu nesploraw il-possibbiltà ta’ Ċentru ta’ Matul il-Lejl għall-anzjani tal-lokalità, filwaqt li nibqgħu nagħtu l-appoġġ tagħna lill-attivitajiet li jittellgħu għall-anzjani fis-sala tal-komunità.

Permezz tal-esperti, inħejju programm ta’ ħidma soċjali li jkun ta’ fejda għal bosta familji u individwi li jeħtieġu l-appoġġ. Ikun programm li jinkludi lill-anzjani, lit-tfal, lis-single parents, lill-persuni b’ħiliet differenti, lill-persuni li jgħixu waħedhom u lil dawk li jgħaddu minn xi diffikultajiet partikolari.

 

Attivitajiet lokali

Il-Kunsill jieħu ħsieb jgħin fl-organizzazzjoni tal-avveniment annwali ta’ Ħondoq By Night, fejn l-attivitajiet fuq tmiem il-ġimgħa kollu u tiżdied il-parteċipazzjoni tar-residenti Qalin.

Niżguraw li jiġu organizzati aktar attivitajiet li jseddqu l-għaqda fil-komunità fi żminijiet partikolari, fosthom fil-Milied, fil-Karnival, fi żmien l-Għid u fil-ġimgħat tal-festa.

Norganizzaw ukoll attivitajiet li jżidu l-għarfien dwar il-Qala fost ir-residenti.