ŻOMM AĠĠORNAT:

 

Ħal Qormi

Introduzzjoni

Ħal Qormi llum għandu popolazzjoni ta’ madwar 16,300 persuna. Bħall-bqija tal-lokalitajiet f’Malta, Ħal Qormi għandu bosta ħtiġijiet lokali partikolari li joħolqu ċertu sfida lill-Kunsill Lokali u lill-kunsillieri li se jiġu eletti f’Mejju li ġej, biex tassew jintlaħqu l-aspettattivi tar-residenti u biex Ħal Qormi jibqa’ jingħata l-attenzjoni li jixraqlu.

Il-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta wkoll proposti siewja, imfassla skont il-bżonnijiet ta’ din il-lokalità, u l-kunsillieri kollha eletti f’ismu qed jimpenjaw ruħhom li jmexxuhom ’il quddiem matul il-leġiżlatura li jmiss tal-Kunsilli Lokali.

Barra minn hekk, dan il-Kunsill jeħtieġ iżomm relazzjoni tajba mal-Kunsilli Lokali tal-madwar fosthom ta’ Ħal Luqa, ta’ Ħaż-Żebbuġ u ta’ Santa Venera biex ikun jista’ jwettaq il-ħidma tiegħu li tkun teħtieġ il-koperazzjoni ta’ Kunsilli oħrajn.

 

L-infrastruttura

Bankini

Il-Kunsill ta’ Ħal Qormi jissokta bil-programm ta’ tiswijiet tal-bankini. Se nkomplu naħdmu biex ir-residenti jkollhom bankini ta’ kwalità li jagħtuhom is-sigurtà li jixtiequ u li jkunu aċċessibbli għall-anzjani, għall-persuni b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa.

Niżguraw li nneħħu l-perikli li wħud mill-bankini qed joħolqu biex nevitaw l-inċidenti u li nibnu oħrajn ġodda skont il-bżonn.

Toroq

Il-Kunsill jibqa’ jagħmel pressjoni fuq il-gvern ċentrali biex iwettaq dak li wiegħed, jiġifieri li fis-snin li ġejjin jagħmel it-toroq ewlenin ta’ Ħal Qormi.

Fl-istess waqt, il-Kunsill se jkompli għaddej bit-tiswija tat-toroq tal-lokalità biex ikunu evitati l-inċidenti u l-ħsarat fil-vetturi li jużawhom.

Inkomplu l-ħidma biex intaffu l-problema tal-għargħar bi programm tal-bini tal-culverts madwar Ħal Qormi.

Playing fields, ġonna, pjazez u żoni miftuħa

Niżguraw li jitkompla x-xogħol ta’ manutenzjoni fil-ġonna u fl-ispazji miftuħa biex jibqgħu dejjem fi stat tajjeb għar-residenti. Nipproponu proġett ġdid ta’ tisbiħ fi Triq il-Kbira, li jgħaqqad Pjazza San Franġisk mal-Knisja ta’ San Ġorġ u proġett ieħor fil-pjazza tal-Gran Mastru u madwar il-Knisja ta’ San Bastjan.

Nagħtu importanza wkoll lit-tħaddir urban tal-lokalità u lill-infrastruttura soċjali u ċivika li hi fir-responsabbiltà tal-Kunsill.

 

It-traffiku u l-parkeġġ

Flimkien mal-gvern ċentrali u mal-awtoritajiet naħdmu fuq pjan serju tal-immaniġġjar tat-traffiku għal-lokalità. B’hekk nesploraw il-possibbiltà ta’ toroq alternattivi u nevitaw il-flussi kbar tat-traffiku fit-toroq residenzjali.

Nagħrfu li l-problema tal-parkeġġ qed kulma jmur tiżdied u għalhekk il-Kunsill jeħtieġ isib mezz biex jinħolqu spazji għal aktar parkeġġ, b’mod partikolari fiż-żoni li qed ibatu l-iżjed minn din il-problema.

Nibqgħu nimbuttaw ’il quddiem l-idea ta’ parkeġġi kbar fil-lokalità għal dawk kollha li jużaw is-servizzi li hemm fiċ-ċentri tal-lokalità. Għaldaqstant nibdew minnufih id-diskussjonijiet mal-gvern ċentrali biex tinstab soluzzjoni mingħajr dewmien għal din il-problema.

 

It-trasport pubbliku

B’kollaborazzjoni mal-gvern ċentrali u mal-awtoritajiet nikkunsidraw il-possibbiltà li jitħaddem servizz tat-trasport ċirkolari madwar Ħal Qormi biex ir-residenti jkollhom iżjed aċċess għas-servizzi fil-lokalità.

 

Is-sigurtà

Il-Kunsill jiżgura li fiż-żoni magħrufa għall-abbużi jitwaħħlu sistemi tas-CCTV ta’ kwalità biex jonqsu l-abbużi u l-atti vandali u biex ir-residenti jgħixu aktar b’moħħhom mistrieħ.

Nagħmlu pressjoni fuq l-awtoritajiet kompetenti biex tiżdied il-preżenza tal-pulizija fil-lokalità speċjalment fil-ħinijiet ta’ filgħaxija.

 

L-ambjent u l-indafa

Il-Kunsill jibda jaħdem fuq proġetti ta’ enerġija alternattiva u rinnovabbli, speċjalment fit-toroq tal-lokalità. Ifassal programm ċar għat-toroq li jkun jimplimenta sistemi tad-dawl iġġenerat minn sorsi alternattivi tal-enerġija.

Inwettqu proġetti oħrajn tal-enerġija rinnovabbli fiż-żoni pubbliċi, fosthom billi nesploraw il-possibbiltà ta’ ħidma bi sħab mal-entitajiet lokali ħalli jitwaħħlu panelli solari fuq postijiet pubbliċi, u mezzi oħrajn għal enerġija alternattiva.

Il-Kunsill jeħtieġ juża l-ispazji tat-tħawwil bl-aħjar mod, u jara li jinżammu dejjem fi stat tajjeb. Infasslu pjan biex jinstabu żoni oħrajn li jistgħu jissebbħu bix-xtieli u bis-siġar.

Flimkien ma’ organizzazzjonijiet mhux governattivi nagħtu importanza xierqa lit-tindif tal-widien.

Nesploraw il-possibbiltà ta’ skipps taħt l-art biex nagħtu prijorità lill-indafa u nneħħu ħafna mill-irwejjaħ u l-inkonvenjent li l-iskipps fl-apert qed jikkawżaw.

Nibdew il-proċess biex fit-toroq tal-lokalità jiġu installati laned tal-iskart.

Flimkien mal-awtoritajiet kompetenti, nagħtu prijorità lill-indafa tal-lokalità għax Ħal Qormi għandu sfidi kbar f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, niżguraw li l-iskart jinħareġ u jinġabar fil-ħin u kif suppost, u li l-kuntratt tal-knis tal-lokalità jitħaddem kif mistenni.

Nissoktaw b’għadd ta’ inizjattivi siewja relatati mal-immaniġġjar tal-iskart.

 

L-edukazzjoni u l-kultura

Nappoġġaw il-libreriji pubbliċi tal-lokalità biex nippromwovu l-qari, speċjalment fost il-ġenerazzjonijiet żgħar u ż-żgħażagħ.

Nipprovdu għadd ġmielu ta’ korsijiet, fosthom fl-informatika, għal min irid jitgħallem juża l-kompjuter u l-internet, u anki għal min irid jikseb ċertifikat fl-ECDL, biex b’hekk ir-residenti ta’ Ħal Qormi jkollhom l-opportunità li jtejbu l-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom.

Minn żmien għal żmien, inqassmu materjal edukattiv biex ir-residenti ta’ Ħal Qormi jibqgħu infurmati dwar l-inizjattivi u l-attivitajiet li jkunu qed iseħħu fil-lokalità. Fil-binja tal-Kunsill norganizzaw ukoll bosta wirjiet kulturali li juru talenti lokali u nazzjonali.

 

Il-wirt storiku

Nissoktaw bil-ħidma mal-gvern ċentrali u mal-awtoritajiet biex jinkisbu fondi tal-gvern jew tal-Unjoni Ewropea għar-restawr ta’ monumenti u binjiet storiċi tal-lokalità.

Nieħdu ħsieb li l-proġetti ta’ restawr li saru f’Ħal Qormi, fosthom il-knisja ż-żgħira ta’ San Bastjan, il-knisja tal-Vitorja, u l-pavimentar fuq iz-zuntier taż-żewġ knejjes parrokkjali jibqgħu jinżammu fi stat tajjeb.

Inħeġġu aktar riċerka u pubblikazzjonijiet dwar il-ġrajja storika tal-lokalità.

 

L-isport

Nippromwovu l-użu tar-roti fil-qalba tal-lokalità u nkomplu ninstallaw l-islottijiet għar-roti madwar il-lokalità.

Nibqgħu nkunu pjattaforma tajba għall-inizjattivi sportivi fil-lokalità biex nagħtu sehemna fil-ġlieda kontra l-vizzji u l-obeżità, u biex aktar tfal, adolexxenti u żgħażagħ jinvolvu ruħhom b’mod attiv fl-isports.

Nissoktaw bil-ħidma fuq il-proġett tal-Adventure & Fitness Park li kien maħsub għal Ħal Qormi biex żona abbandunata tinbidel fi spazju rikreattiv għar-residenti Qriema.

 

L-għaqdiet fil-lokalità

Il-Kunsill jimpenja ruħu li jtejjeb u jkattar il-kuntatt mal-għaqdiet tal-lokalità għall-benefiċċju ta’ dawk kollha involuti.

Niżguraw li l-għaqdiet lokali jingħataw aktar involviment attiv fil-komunità ta’ Ħal Qormi, mhux biss biex jiżdied l-għarfien dwarhom iżda anki biex ir-residenti jitħajru jagħtu sehemhom fl-għaqdiet u fil-volontarjat.

Ngħinu lill-għaqdiet lokali b’kull mezz, kemm bil-promozzjoni tal-attivitajiet li jorganizzaw f’Ħal Qormi u anki billi nipprovdulhom il-faċilitajiet tal-lokalità.

 

Komunikazzjoni u konsultazzjoni

Il-Kunsill Lokali jeħtieġ jibqa’ jikkonsulta lir-residenti f’kull inizjattiva tiegħu li tkun tolqot direttament lir-residenti, u nħeġġuhom jattendu iżjed għal-laqgħat tal-Kunsill.

Nipprovdu informazzjoni aktar spissa lir-residenti permezz tal-bulettin li jippubblika l-Kunsill minn żmien għal żmien.

Inħaddmu l-vantaġġi li tipprovdi l-midja soċjali biex ir-residenti jibqgħu infurmati kontinwament bl-inizjattivi li jkunu qed jittieħdu. Nagħtu aċċess lill-għaqdiet lokali għall-midja soċjali tal-Kunsill biex itejbu l-komunikazzjoni tagħhom u biex jippromwovu l-attivitajiet li jkunu qed jorganizzaw.

 

Il-komunità kummerċjali

Il-Kunsill jeħtieġ iżomm kuntatt frekwenti mas-sidien tal-entitajiet kummerċjali lokali biex inwettqu ħidma li tgħin lir-residenti u lil dawk li għażlu li jinvestu n-negozju tagħhom f’Ħal Qormi.

 

Il-lat soċjali

Il-Kunsill jagħti importanza kbira lil-lat soċjali tal-komunità, u għaldaqstant tul il-leġiżlatura se nibqgħu nappoġġaw il-proġetti li jagħmlu l-ġid fil-ħajja ta’ kuljum tal-komunità ta’ Ħal Qormi.

Sa tmiem l-2020 nippubblikaw studju dwar il-qagħda soċjali fil-lokalità tagħna biex il-Kunsill ikun jista’ jaġġorna l-politika tiegħu fejn jidħlu l-persuni b’diżabbiltà, il-familji u t-trobbija tal-ulied, il-ġlieda kontra l-vizzji, il-faqar, l-illitteriżmu u l-obeżità. Flimkien mal-professjonisti li jħaddem il-Kunsill Lokali, inħejju programm ta’ ħidma soċjali li jkun ta’ fejda għal bosta familji u individwi li jeħtieġu l-appoġġ. Ikun programm li jinkludi lill-anzjani, lit-tfal, lis-single parents, lill-persuni b’ħiliet differenti, lill-persuni li jgħixu waħedhom u lil dawk li jgħaddu minn xi diffikultajiet partikolari.

 

Attivitajiet lokali u Jum Ħal Qormi

Il-Kunsill jibqa’ jorganizza Jum Ħal Qormi, u jżid l-involviment tar-residenti.

Niżguraw li jiġu organizzati aktar attivitajiet li jseddqu l-għaqda fil-komunità fi żminijiet partikolari, fosthom fil-Milied, fil-Karnival, fi żmien l-Għid u fil-ġimgħat tal-festi.

Norganizzaw ukoll attivitajiet li jżidu l-għarfien dwar Ħal Qormi fost ir-residenti.