ŻOMM AĠĠORNAT:

 

Ħal Safi

Introduzzjoni

Ħal Safi llum għandu popolazzjoni ta’ madwar 2,200. Bħall-bqija tal-lokalitajiet f’Malta, Ħal Safi għandu bosta ħtiġijiet lokali partikolari li joħolqu ċertu sfida lill-Kunsill Lokali u lill-kunsillieri li se jiġu eletti f’Mejju li ġej, biex tassew jintlaħqu l-aspettattivi tar-residenti u biex Ħal Safi jibqa’ jingħata l-attenzjoni li jixraqlu.

Il-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta proposti siewja, imfassla skond il-bżonnijiet ta’ din il-lokalità, u l-kunsillieri kollha eletti f’ismu qed jimpenjaw ruħhom li jmexxuhom ‘il quddiem matul il-leġislatura li jmiss tal-Kunsilli Lokali.

Barra minn hekk, dan il-Kunsill jeħtieġ iżomm relazzjoni tajba mal-Kunsilli Lokali tal-madwar, fosthom ta’ Ħal Kirkop, taż-Żurrieq, tal-Imqabba u l-Qrendi biex ikun jista’ jwettaq il-ħidma tiegħu li tkun teħtieġ il-koperazzjoni ta’ Kunsilli oħrajn. 

 

Bankini

Il-Kunsill ta’ Ħal Safi jissokta bil-programm ta’ tiswijiet tal-bankini biex ir-residenti jkollhom bankini ta’ kwalità li jagħtuhom is-sigurtà li jixtiequ u li jkunu aċċessibbli għall-anzjani, għall-persuni b’diżabilità jew b’mobilità mnaqqsa.

 

Toroq

Il-Kunsill jibqa’ jagħmel pressjoni fuq il-Gvern ċentrali biex iwettaq dak li wiegħed, jiġifieri li jiftaħ it-toroq ippjanati u titlesta Triq il-Kuċċard mill-iktar fis. Fl-istess waqt, il-Kunsill se jkompli għaddej bit-tiswija tat-toroq tal-lokalità biex ikunu evitati l-inċidenti u l-ħsarat fil-vetturi li jużawhom, filwaqt li li r-residenti nżommuhom informati dwar ix-xogħlijiet li jkunu se jsiru fit-triq tagħhom.

Nassiguraw li Ħal Safi jkun imdawwal, filwaqt li jitnehħħew bosta wajers żejda mit-toroq li qed ikerrhu l-ambjent fil-lokalità tagħna.

Nindirizzaw il-problema tal-għargħar fil-pjazza ewlenija tal-lokalità.

 

Playing fields, ġonna, pjazez u żoni miftuħa

Il-Kunsill Lokali jiżgura li tibqa’ ssir il-manutenzjoni tal-playing fields, tal-ġonna u tal-ispazji miftuħa biex jinżammu dejjem fi stat tajjeb għar-residenti.

Jitkompla r-restawr fuq Ġnien Sir Alexander Ball u nagħtu dehra ġdida lil Ġnien Dun Karm Vella.

Nagħtu importanza lit-tħaddir urban u lill-infrastruttura soċjali u ċivika li qegħda fir-responsabbiltà tal-Kunsill. 

Inżidu l-ispazji miftuħa fil-lokalità biex ir-residenti u l-familji ta’ Ħal Safi jkollhom żoni apposta għar-rikreazzjoni u dawn l-ispazji jkunu jinkludu żoni mdawrin bi lquh biex l-annimali jkollhom fejn jiltaqgħu.

Noħolqu  xelters żgħar għall-annimali f’post adakwat sabiex jistkennu, speċjalment fl-eqqel tal-istaġuni.

 

It-traffiku u l-parkeġġ

Nagħrfu li l-problema tal-parkeġġ qed kulma jmur jiżdied u għalhekk il-Kunsill jeħtieġ isib mezz biex jinħolqu spazji għal aktar parkeġġ.

 

It-trasport pubbliku

Il-Kunsill jibqa’ jaċċerta li r-rotta tat-trasport pubbliku tkun taqdi l-ħtiġijiet tat-trasport u tar-residenti ta’ Ħal Safi biex niżguraw li dawn jibqgħu moqdijin sew.

 

Is-sigurtà

Il-Kunsill jiżgura li f’ċertu żoni jitwaħħlu sistemi tas-CCTV ta’ kwalità biex jonqsu l-abbużi u l-atti vandali u biex ir-residenti jgħixu aktar b’moħħhom mistrieħ.

Nagħmlu pressjoni fuq l-awtoritajiet kompetenti biex tiżdied il-preżenza tal-Pulizija fit-toroq speċjalment fil-ħinijiet ta’ filgħaxija.

 

L-ambjent u l-indafa

Il-Kunsill jibda jaħdem qatigħ biex niżguraw li l-lokalità taghna ma tinħakimx minn bini għoli aktar milli suppost biex nibżgħu għall-patrimonju u l-ambjent.

Minbarra fejn jidħol id-dawl fit-toroq, inwettqu proġetti oħrajn tal-enerġija rinovabbli fiż-żoni pubbliċi, fosthom billi nesploraw il-possibbiltà ta’ enerġija alternattiva.

Il-Kunsill jeħtieġ juża l-ispazji tat-tħawwil bl-aħjar mod, u jara li jinżammu dejjem fi stat tajjeb. Infasslu pjan biex jinstabu żoni oħrajn li jistgħu jissebbħu bi xtieli u siġar. Naraw li s-siġar tal-lokalità jinżabru b’mod professjonali.

Flimkien mal-awtoritajiet kompetenti nagħtu prijorità lill-indafa tal-lokalità. Barra minn hekk, niżguraw li l-iskart jinħareġ u jinġabar fil-ħin u kif suppost u li l-kuntratt tal-knis tal-lokalità jitħaddem kif mistenni.

Ninkoraġġixxu inizijattivi siewja relatati mal-immaniġġjar tal-iskart.

 

L-edukazzjoni u l-kultura

Il-Kunsill jibqa’ jżomm relazzjoni tajba mal-iskola primarja tal-lokalità u jkun ta’ appoġġ għal diversi inizjattivi mittieħda fosthom sessjonijiet ta’ informazzjoni dwar l-iffrankar tal-enerġija, separazzjoni tal-iskart, tħawwil ta’ xtieli fost oħrajn għal ambjent aħjar.

Inkomplu nipprovdu korsijiet lill-komunità ta’ Ħal Safi fit-teknoloġija tal-informatika, fil-lingwi u fl-artiġġjanat biex jitjiebu l-ħiliet u l-kwalifiki tagħha.

 

Il-wirt storiku

Nirsistu għall-fondi mal-Gvern ċentrali u mal-awtoritajiet biex ix-xelter tal-pjazza jiġi restawrat u jinfetaħ għall-pubbliku.

Isir restawr kull fejn hu meħtieġ sabiex inżommu l-patrimonju u nħarsu l-identità ta’ Ħal Safi.

 

L-isport

Nibqgħu nkunu pjattaforma tajba għall-inizjattivi sportivi fil-lokalità u nkomplu norganizzaw attivitajiet relatati biex nagħtu sehemna fil-ġlieda kontra l-vizzji u l-obeżità u biex aktar tfal, adolexxenti u żgħażagħ jinvolvu ruħhom b’mod attiv fl-isports.

 

L-għaqdiet fil-lokalità

Il-Kunsill jimpenja ruħu li jkompli jkattar il-kuntatt mal-għaqdiet tal-lokalità għall-benefiċċju ta’ dawk kollha nvoluti.

Niżguraw li l-għaqdiet lokali jingħataw aktar involviment attiv fil-komunità ta’ Ħal Safi, mhux biss biex jiżdied l-għarfien dwarhom iżda anke biex ir-residenti jagħtu sehemhom fl-għaqdiet u fil-volontarjat.

Naħdmu id f’id u ngħinu lill-għaqdiet lokali b’kull mezz, kemm fil-promozzjoni tal-attivitajiet li jorganizzaw f’Ħal Safi u anke billi nipprovdulhom il-faċilitajiet tal-lokalità. 

Il-Kunsill Lokali jeħtieġ jibqa` jikkonsulta lir-residenti f’kull inizjattiva tiegħu li tkun tolqot direttament lir-residenti.

Nipprovdu servizz ta’ applikazzjonijiet online u nħaddmu l-vantaġġi li tipprovdi l-midja soċjali biex ir-residenti jibqgħu infurmati kontinwament bl-inizjattivi li jkunu qed jittieħdu.

Inżidu l-aċċess tal-wifi madwar Ħal Safi

Nagħtu aċċess lill-għaqdiet lokali għall-midja soċjali tal-Kunsill biex intejbu l-komunikazzjoni tagħhom u biex jippromwovu l-attivitajiet li jkunu qed jorganizzaw. Fl-istess waqt nibqgħu nippromovu dawn l-attivitajiet fuq il-kalendarju tal-Kunsill imħejji kull xahar.

 

Il-Fondi Ewropej

Ningaġġaw u ninvolvu lil persuni esperti fil-fondi Ewropej sabiex jiġu identifikati oqsma li jattiraw il-fondi tal-Unjoni Ewropea. Din l-inizjattiva għandha tinkludi wkoll lill-għaqdiet tal-lokalità biex anke huma jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-fondi tal-Unjoni Ewropea.

 

Il-lat soċjali

Bil-ħidma tiegħu, il-Kunsill jeħtieġ importanza kbira lil-lat soċjali tal-komunità. Għalhekk tul il-leġislatura nibqgħu nappoġġjaw bis-sħiħ il-proġetti ta’ fejda għall-komunità ta’ Ħal Safi, b’mod partikolari biex ir-residenti jħossuhom parti minn din il-komunità. 

Inkomplu l-ħidma għal Ċentru ta’ Matul il-Lejl għall-anzjani tagħna u servizzi oħrajn matul il-jum.

 

Attivitajiet Lokali

Inkomplu nħejju kalendarju ta’ kull xahar bl-attivitajiet tal-Kunsill Lokali u l-għaqdiet u nqassmuh lir-residenti biex kulħadd ikun infurmat.

Inkomplu norganizzaw aktar attivitajiet li jseddqu l-għaqda u l-parteċipazzjoni  fil-komunità tul is-sena kollha. Attivitajiet diversi li jolqtu lil kulħadd, fosthom dawk kulturali, avventurużi, edukattivi, u anke dawk li jżidu l-għarfien dwar Ħal Safi.