ŻOMM AĠĠORNAT:

 

San Ġwann

Introduzzjoni

San Ġwann illum għandu popolazzjoni ta’ madwar 13,500 persuna. Bħall-bqija tal-lokalitajiet f’Malta, San Ġwann għandu bosta ħtiġijiet lokali partikolari li joħolqu ċertu sfida lill-Kunsill Lokali u lill-kunsillieri li se jiġu eletti f’Mejju li ġej, biex tassew jintlaħqu l-aspettattivi tar-residenti u biex San Ġwann jibqa’ jingħata l-attenzjoni li jixraqlu.

Il-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta wkoll proposti siewja, imfassla skont il-bżonnijiet ta’ din il-lokalità, u l-kunsillieri kollha eletti f’ismu qed jimpenjaw ruħhom li jmexxuhom ’il quddiem matul il-leġiżlatura li jmiss tal-Kunsilli Lokali.

Il-Kunsill ta’ San Ġwann jibqa’ jżomm relazzjoni tajba mal-Kunsilli Lokali tal-madwar, fosthom tal-Imsida, tas-Swieqi, ta’ San Ġiljan, tal-Għargħur u tan-Naxxar biex ikun jista’ jwettaq il-ħidma tiegħu li tkun teħtieġ il-koperazzjoni ta’ Kunsilli oħrajn.

 

L-infrastruttura

Bankini

Il-Kunsill ta’ San Ġwann jissokta bil-programm ta’ tiswijiet tal-bankini biex ir-residenti jkollhom bankini ta’ kwalità li jagħtuhom is-sigurtà li jixtiequ u li jkunu aċċessibbli għall-anzjani, għall-persuni b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa.

Niżguraw li nneħħu l-perikli li wħud mill-bankini qed joħolqu biex nevitaw l-inċidenti u li nibnu oħrajn ġodda skont il-bżonn.

Toroq

Il-Kunsill jibqa’ jagħmel pressjoni fuq il-gvern ċentrali biex iwettaq dak li wiegħed, jiġifieri li fis-snin li ġejjin jagħmel it-toroq kollha ta’ San Ġwann. Naħdmu mal-awtoritajiet fuq tiswijiet fi Triq il-Mensija.

Fl-istess waqt, il-Kunsill se jkompli għaddej bit-tiswija tat-toroq tal-lokalità biex ikunu evitati l-inċidenti u l-ħsarat fil-vetturi li jużawhom.

Infasslu u nimplimentaw pjan għall-immaniġġjar tat-traffiku li jikkunsidra l-bżonnijiet partikolari tal-lokalità tagħna li matul il-jum tkun maħnuqa bil-vetturi u bl-inġenji tal-kostruzzjoni. Nieħdu għadd ta’ miżuri li jikkalmaw it-traffiku madwar il-lokalità.

Nissoktaw ukoll bil-proġett tal-installazzjoni ta’ dawl ġdid, filwaqt li nneħħu bosta wajers mit-toroq li qed ikerrhu l-ambjent fil-lokalità tagħna.

Playing fields, ġonna, pjazez u żoni miftuħa

Il-Kunsill Lokali jiżgura li tibqa’ ssir il-manutenzjoni tal-playing fields, tal-ġonna u tal-ispazji miftuħa biex jinżammu dejjem fi stat tajjeb għar-residenti.

Nagħtu importanza lit-tħaddir urban u lill-infrastruttura soċjali u ċivika li qiegħda fir-responsabbiltà tal-Kunsill.

Inżidu l-ispazji miftuħa fil-lokalità biex ir-residenti u l-familji ta’ San Ġwann ikollhom żoni apposta għar-rikreazzjoni u dawn l-ispazji jkunu jinkludu żoni mdawrin bi lqugħ biex l-annimali jkollhom fejn jiltaqgħu.

 

It-traffiku u l-parkeġġ

Inniedu App apposta biex ir-residenti u s-sewwieqa jkunu informati minnufih jew minn qabel dwar ix-xogħlijiet ta’ manutenzjoni u tiswijiet li jkunu se jsiru fit-toroq u biex jingħataw tagħrif ieħor utli għall-evitar tat-traffiku.

Nagħrfu li l-problema tal-parkeġġ qed kulma jmur tiżdied u tiggrava u għalhekk il-Kunsill jeħtieġ isib mezz biex jinħolqu spazji għal aktar parkeġġ, b’mod partikolari meta wieħed iqis li ż-żoni kollha ta’ San Ġwann qed ibatu minn din il-problema.

Nidentifikaw u nimplimentaw mogħdijiet għar-roti biex nippromwovu u nħajru aktar residenti jużaw ir-roti għall-qadi u l-ħtiġijiet fil-lokalità. Inżidu l-għadd ta’ slottijiet għar-roti madwar il-lokalità u nippromwovu l-użu tar-roti kondiviżi li jistgħu jintużaw mill-komunità lokali.

 

It-trasport pubbliku

Nibqgħu naraw li s-servizz tat-trasport pubbliku jibqa’ jissodisfa l-ħtiġijiet tar-residenti fil-lokalità, filwaqt li nissoktaw il-ħidma fuq is-servizz ta’ minivan ċirkolari mingħajr ħlas li jikkumplimenta lis-servizz tat-trasport pubbliku, biex ir-residenti jkunu jistgħu jużaw aħjar is-servizzi taċ-ċentru ta’ San Ġwann.

Nieħdu ħsieb li titkompla l-ħidma fuq l-installazzjoni ta’ stejġijiet ta’ tal-linja madwar il-lokalità.

 

Is-sigurtà

Il-Kunsill jiżgura li fiż-żoni magħrufa għall-abbużi tkompli għaddejja l-ħidma biex jitwaħħlu aktar sistemi tas-CCTV ta’ kwalità biex jonqsu l-abbużi u l-atti vandali, u biex ir-residenti jgħixu aktar b’moħħhom mistrieħ.

Nagħmlu pressjoni fuq l-awtoritajiet kompetenti biex tiżdied il-preżenza tal-pulizija fit-toroq b’mod partikolari billejl.

Nesploraw ukoll il-possibbiltà ta’ neighbourhood watch fi nħawi madwar il-lokalità.

 

L-ambjent u l-indafa

Il-Kunsill ikompli jistinka biex isalva lil Wied Għomor u lil Wied Għollieqa mill-iżvilupp.

Naħdmu wkoll fuq proġetti ta’ enerġija alternattiva u rinnovabbli, speċjalment fit-toroq tal-lokalità. Ifassal programm ċar għat-toroq li jkun jimplimenta sistemi tad-dawl iġġenerat minn sorsi alternattivi tal-enerġija.

Inwettqu proġetti oħrajn tal-enerġija rinnovabbli fiż-żoni pubbliċi, fosthom billi nesploraw il-possibbiltà ta’ ħidma bi sħab mal-entitajiet lokali ħalli jitwaħħlu panelli solari fuq postijiet pubbliċi, u mezzi oħrajn għal enerġija alternattiva.

Il-Kunsill jeħtieġ juża l-ispazji tat-tħawwil bl-aħjar mod, u jara li jinżammu dejjem fi stat tajjeb. Infasslu pjan biex jinstabu żoni oħrajn li jistgħu jissebbħu bix-xtieli u bis-siġar taż-żebbuġ. Nieħdu inizjattivi biex inħeġġu aktar djar isebbħu l-gallariji u l-bjut tagħhom bil-fjuri.

Flimkien mal-awtoritajiet kompetenti, nagħtu prijorità lill-indafa tal-lokalità. Barra minn hekk, niżguraw li l-iskart jinħareġ u jinġabar fil-ħin u kif suppost, u li l-kuntratt tal-knis tal-lokalità jitħaddem kif mistenni.

Nissoktaw b’għadd ta’ inizjattivi siewja relatati mal-immaniġġjar tal-iskart.

Inniedu kampanja kontra l-użu tal-plastik li jintuża darba biss biex aktar residenti jkunu konxji mill-ħsara li dan jikkawża lill-ambjent.

Nesploraw il-possibbiltà ta’ skipps taħt l-art biex nagħtu prijorità lill-indafa u nneħħu ħafna mill-irwejjaħ u l-inkonvenjent li l-iskipps fl-apert qed jikkawżaw.

Inkomplu l-installazzjoni tal-laned għall-ħmieġ tal-annimali madwar il-lokalità.

 

L-edukazzjoni u l-kultura

Inkomplu nżidu l-għadd ta’ korsijiet li noffru lill-komunità ta’ San Ġwann ħalli jkollha l-opportunità ttejjeb il-ħiliet u l-għarfien tagħha. Fost dawn hemm korsijiet fl-informatika, għal min irid jitgħallem juża l-kompjuter u l-internet, u għal min irid jikseb ċertifikat fl-ECDL, sessjonijiet ta’ artiġjanat, korsijiet fil-lingwi, fl-istili ta’ ħajja sana, u fit-tisjir, u bosta taħditiet informattivi.

Minn żmien għal żmien, inqassmu materjal edukattiv biex ir-residenti ta’ San Ġwann jibqgħu infurmati dwar l-inizjattivi u l-attivitajiet li jkunu qed iseħħu fil-lokalità.

 

Il-wirt storiku

Nikkoperaw bis-sħiħ mal-NGO Wirt San Ġwann, u nissoktaw bil-proġett ta’ manutenzjoni tal-erba’ kappelli tal-lokalità, bil-proġett tar-raded, u bir-restawr tal-mitħna ta’ taħt l-art.

 

L-isport

Nippromwovu l-użu tar-roti fil-qalba ta’ San Ġwann u nkomplu ninstallaw l-islottijiet għar-roti madwar il-lokalità.

Nibqgħu nkunu pjattaforma tajba għall-inizjattivi sportivi fil-lokalità biex nagħtu sehemna fil-ġlieda kontra l-vizzji u l-obeżità, u biex aktar tfal, adolexxenti u żgħażagħ jinvolvu ruħhom b’mod attiv fl-isports.

 

L-għaqdiet fil-lokalità u ż-żgħażagħ

Il-Kunsill jimpenja ruħu li jtejjeb u jkattar il-kuntatt mal-għaqdiet tal-lokalità għall-benefiċċju ta’ dawk kollha involuti.

Flimkien mal-għaqdiet tal-komunità, niftħu ċentru għaż-żgħażagħ tal-lokalità.

Niżguraw li l-għaqdiet lokali jingħataw aktar involviment attiv fil-komunità, mhux biss biex jiżdied l-għarfien dwarhom iżda anki biex ir-residenti jitħajru jagħtu sehemhom fl-għaqdiet u fil-volontarjat.

Ngħinu lill-għaqdiet lokali b’kull mezz, kemm bil-promozzjoni tal-attivitajiet li jorganizzaw f’San Ġwann u anki billi nipprovdulhom il-faċilitajiet tal-lokalità.

 

Komunikazzjoni u konsultazzjoni

Il-Kunsill Lokali jeħtieġ jibqa’ jikkonsulta lir-residenti f’kull inizjattiva tiegħu li tkun tolqot direttament lir-residenti. Nibqgħu viċin in-nies biex nibqgħu nagħrfu l-ħtiġijiet u l-aspettattivi tagħhom u biex nisimgħu l-ideat tagħhom għal lokalità aħjar.

Nipprovdu bosta servizzi ġodda online biex ir-residenti jinqdew minn djarhom, fosthom biex japplikaw għall-permessi, filwaqt li naraw li l-uffiċċju tal-Kunsill isir one-stop-shop għal ħafna mis-servizzi biex il-komunità ta’ San Ġwann tkun tista’ tinqeda fil-lokalità tagħha stess.

Inwaqqfu sistema aktar effiċjenti u effettiva tal-customer care biex ir-residenti jressqu d-diffikultajiet u l-ilmenti tagħhom lill-Kunsill u tittieħed azzjoni mill-aktar fis.

Norganizzaw ukoll attivitajiet li jżidu l-għarfien dwar San Ġwann fost ir-residenti. Barra minn hekk nipprovdu informazzjoni aktar spissa lir-residenti permezz tal-bulettin li jippubblika l-Kunsill minn żmien għal żmien.

Inħaddmu l-vantaġġi li tipprovdi l-midja soċjali biex ir-residenti jibqgħu infurmati kontinwament bl-inizjattivi li jkunu qed jittieħdu. Nagħtu aċċess lill-għaqdiet lokali għall-midja soċjali tal-Kunsill biex itejbu l-komunikazzjoni tagħhom u biex jippromwovu l-attivitajiet li jkunu qed jorganizzaw.

 

Il-komunità kummerċjali

Il-Kunsill jibqa’ jżomm kuntatt frekwenti mas-sidien tal-entitajiet kummerċjali lokali biex inwettqu ħidma li tgħin lir-residenti u lil dawk li għażlu li jinvestu n-negozju tagħhom f’San Ġwann.

Nirsistu biex indaħħlu l-mentalità u l-kultura ta’ ħwienet u ristoranti pet-friendly.

 

Il-Fondi Ewropej

Ningaġġaw u ninvolvu lil persuni esperti fil-fondi Ewropej biex jiġu identifikati oqsma li jattiraw il-fondi tal-Unjoni Ewropea. Din l-inizjattiva għandha tinkludi wkoll lill-għaqdiet tal-lokalità biex anki huma jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-fondi tal-Unjoni Ewropea.

 

Il-lat soċjali

Il-Kunsill jagħti importanza kbira lil-lat soċjali tal-komunità, u għaldaqstant tul il-leġiżlatura se nibqgħu nappoġġaw il-proġetti li jagħmlu l-ġid fil-ħajja ta’ kuljum tal-komunità ta’ San Ġwann.

Nissoktaw bil-ħidma b’rabta maċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-anzjani tal-lokalità biex dawn ikollhom post ta’ rikreazzjoni u wens u jingħataw informazzjoni mingħand il-professjonisti.

Intejbu l-politika tagħna b’rabta mal-persuni b’diżabbiltà, il-familji u t-trobbija tal-ulied, il-ġlieda kontra l-vizzji, il-faqar, l-illitteriżmu u l-obeżità. Flimkien mal-professjonisti nħejju programm ta’ ħidma soċjali li jkun ta’ fejda għal bosta familji u individwi li jeħtieġu l-appoġġ. Ikun programm li jinkludi lill-anzjani, lit-tfal, lis-single parents, lill-persuni b’ħiliet differenti, lill-persuni li jgħixu waħedhom u lil dawk li jgħaddu minn xi diffikultajiet partikolari.

 

Attivitajiet lokali

Niżguraw li jiġu organizzati aktar attivitajiet li jseddqu l-għaqda fil-komunità fi żminijiet partikolari, fosthom fil-Milied, fil-Karnival, fi żmien l-Għid u fil-ġimgħa tal-festa.

Norganizzaw ukoll attivitajiet li jżidu l-għarfien dwar San Ġwann fost ir-residenti.