ŻOMM AĠĠORNAT:

 

San Lawrenz, Għawdex

Introduzzjoni

San Lawrenz illum għandu popolazzjoni ta’ ftit aktar minn 650 persuna. Minkejja li hu raħal ċkejken, San Lawrenz għandu bosta ħtiġijiet lokali partikolari li joħolqu ċertu sfida lill-Kunsill Lokali u lill-kunsillieri li se jiġu eletti f’Mejju li ġej, biex tassew jintlaħqu l-aspettattivi tar-residenti u biex San Lawrenz jibqa’ jingħata l-attenzjoni li jixraqlu.

Il-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta wkoll proposti siewja, imfassla skont il-bżonnijiet ta’ din il-lokalità, u l-kunsillieri kollha eletti f’ismu qed jimpenjaw ruħhom li jmexxuhom ’il quddiem matul il-leġiżlatura li jmiss tal-Kunsilli Lokali.

Barra minn hekk, dan il-Kunsill jeħtieġ iżomm relazzjoni tajba mal-bqija tal-Kunsilli Lokali Għawdxin biex ikun jista’ jwettaq il-ħidma tiegħu li tkun teħtieġ il-koperazzjoni ta’ Kunsilli oħrajn.

 

L-infrastruttura

Bankini

Il-Kunsill ta’ San Lawrenz jissokta bil-programm ta’ tiswijiet tal-bankini biex ir-residenti jkollhom bankini ta’ kwalità li jagħtuhom is-sigurtà li jixtiequ u li jkunu aċċessibbli għall-anzjani, għall-persuni b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa.

Niżguraw li nneħħu l-perikli li wħud mill-bankini qed joħolqu biex nevitaw l-inċidenti u li nibnu oħrajn ġodda skont il-bżonn.

Toroq

Il-Kunsill jibqa’ jagħmel pressjoni fuq il-gvern ċentrali biex iwettaq dak li wiegħed, jiġifieri li fis-snin li ġejjin jagħmel it-toroq kollha ta’ San Lawrenz.

Fl-istess waqt, il-Kunsill se jkompli għaddej bit-tiswija tat-toroq tal-lokalità biex ikunu evitati l-inċidenti u l-ħsarat fil-vetturi li jużawhom.

Nissoktaw bil-proġett tal-installazzjoni ta’ dawl ġdid, filwaqt li nneħħu bosta wajers mit-toroq li qed ikerrhu t-toroq antiki tal-lokalità.

Playing fields, ġonna, pjazez u żoni miftuħa

Il-Kunsill Lokali jiżgura li tibqa’ ssir il-manutenzjoni tal-playing fields, tal-ġonna u tal-ispazji miftuħa biex jinżammu dejjem fi stat tajjeb għar-residenti. Nagħtu importanza lit-tħaddir urban u lill-infrastruttura soċjali u ċivika li qiegħda fir-responsabbiltà tal-Kunsill.

Naraw li noħolqu spazju miftuħ ġdid għar-residenti tal-lokalità qrib iċ-Ċentru Ċiviku l-ġdid li se jinfetaħ fiż-żmien li ġej. Barra minn hekk, inżidu aktar spazji miftuħa fil-lokalità biex ir-residenti u l-familji ta’ San Lawrenz ikollhom żoni apposta għar-rikreazzjoni u dawn l-ispazji jkunu jinkludu żoni mdawrin bi lqugħ biex l-annimali jkollhom fejn jiltaqgħu.

Ninvestu mill-flus tal-Kunsill biex nibnu latrina pubblika ġdida taħt il-playing field tal-lokalità.

 

It-traffiku u l-parkeġġ

Nagħrfu li l-parkeġġ qed isir problema wkoll f’Għawdex u għalhekk il-Kunsill jeħtieġ isib mezz biex jinħolqu spazji għal aktar parkeġġ fil-qalba tal-irħula biex jilqa’ għal din il-problema.

Nissoktaw inħajru aktar residenti jużaw ir-roti għall-qadi u l-ħtiġijiet fil-lokalità.

 

It-trasport pubbliku

Nissoktaw bil-ħidma mal-gvern ċentrali u mal-awtoritajiet biex naraw li r-residenti ta’ San Lawrenz ikunu moqdijin sew fejn jidħol it-trasport pubbliku. Barra minn hekk, nieħdu ħsieb li l-istejġijiet ta’ tal-linja madwar il-lokalità jinżammu dejjem fi stat tajjeb.

Nipprovdu karozzi elettriċi għas-servizz tal-anzjani u tal-għaqdiet b’mod li jkunu jikkumplimentaw lis-servizz tat-trasport pubbliku.

 

Is-sigurtà

Il-Kunsill jiżgura li f’ċertu żoni jitwaħħlu sistemi tas-CCTV ta’ kwalità biex jonqsu l-atti vandali, u biex ir-residenti jgħixu aktar b’moħħhom mistrieħ.

Nagħmlu pressjoni fuq l-awtoritajiet kompetenti biex tiżdied il-preżenza tal-pulizija fit-toroq speċjalment fil-ħinijiet ta’ billejl.

 

L-ambjent u l-indafa

Il-Kunsill jissokta l-ħidma fuq proġetti ta’ enerġija alternattiva u rinnovabbli, speċjalment fit-toroq tal-lokalità. Ifassal programm ċar għat-toroq li jkun jimplimenta sistemi tad-dawl iġġenerat minn sorsi alternattivi tal-enerġija.

Inwettqu proġetti oħrajn tal-enerġija rinnovabbli fiż-żoni pubbliċi, fosthom billi nesploraw il-possibbiltà ta’ ħidma bi sħab mal-entitajiet lokali ħalli jitwaħħlu panelli solari fuq postijiet pubbliċi, u mezzi oħrajn għal enerġija alternattiva.

Il-Kunsill jeħtieġ juża l-ispazji tat-tħawwil bl-aħjar mod, u jara li jinżammu dejjem fi stat tajjeb. Infasslu pjan biex jinstabu żoni oħrajn li jistgħu jissebbħu bix-xtieli u bis-siġar.

Nagħtu importanza xierqa lill-ħitan tas-sejjieħ billi nippromwovu u ninċentivaw ir-restawr u l-konservazzjoni tagħhom.

Inkomplu nisħqu fuq l-importanza ta’ protezzjoni u manutenzjoni tal-Bajja tad-Dwejra. Mingħajr ħafna intervent, noħolqu mogħdijiet naturali għall-mixjiet.

Nissoktaw bil-ħidma id f’id mal-bdiewa biex nagħtuhom aktar aċċessibbiltà għall-għelieqi tagħhom u biex ikollhom ilma adattat għat-tisqija tal-uċuħ tar-raba’.

Naraw ukoll li s-sajjieda li jiffrekwentaw l-inħawi tad-Dwejra jkollhom aċċess għas-servizzi taċ-Ċentru Interpretattiv tad-Dwejra.

Flimkien mal-awtoritajiet kompetenti, nagħtu prijorità lill-indafa tal-lokalità. Barra minn hekk, niżguraw li l-iskart jinħareġ u jinġabar fil-ħin u kif suppost, u li l-kuntratt tal-knis tal-lokalità jitħaddem kif mistenni.

Nissoktaw b’għadd ta’ inizjattivi siewja relatati mal-immaniġġjar tal-iskart.

Nieħdu ħsieb l-installazzjoni tal-laned għall-ħmieġ tal-annimali madwar il-lokalità.

 

L-edukazzjoni u l-kultura

Nibqgħu nikkollaboraw bis-sħiħ mal-iskola tal-lokalità.

Inżidu l-għadd ta’ korsijiet li noffru lill-komunità ta’ San Lawrenz ħalli jkollha l-opportunità ttejjeb il-ħiliet tagħha. Fost dawn hemm korsijiet fl-informatika, sessjonijiet ta’ artiġjanat, u bosta taħditiet informattivi.

Minn żmien għal żmien, inqassmu materjal edukattiv biex ir-residenti ta’ San Lawrenz jibqgħu infurmati dwar l-inizjattivi u l-attivitajiet li jkunu qed iseħħu fil-lokalità.

 

L-isport

Nibqgħu nkunu pjattaforma tajba għall-inizjattivi sportivi fil-lokalità biex nagħtu sehemna fil-ġlieda kontra l-vizzji u l-obeżità, u biex aktar tfal, adolexxenti u żgħażagħ jinvolvu ruħhom b’mod attiv fl-isports.

 

L-għaqdiet fil-lokalità

Il-Kunsill jimpenja ruħu li jtejjeb u jkattar il-kuntatt mal-għaqdiet tal-lokalità għall-benefiċċju ta’ dawk kollha involuti.

Niżguraw li l-għaqdiet lokali jingħataw aktar involviment attiv fil-komunità ta’ San Lawrenz, mhux biss biex jiżdied l-għarfien dwarhom iżda anki biex ir-residenti jitħajru jagħtu sehemhom fl-għaqdiet u fil-volontarjat.

Ngħinu lill-għaqdiet lokali b’kull mezz, kemm bil-promozzjoni tal-attivitajiet li jorganizzaw f’San Lawrenz u anki billi nipprovdulhom il-faċilitajiet tal-lokalità.

 

Komunikazzjoni u konsultazzjoni

Il-Kunsill Lokali jeħtieġ jibqa’ jikkonsulta lir-residenti f’kull inizjattiva tiegħu li tkun tolqot direttament lir-residenti. Nibqgħu viċin in-nies biex nibqgħu nagħrfu l-ħtiġijiet u l-aspettattivi tagħhom u biex nisimgħu l-ideat tagħhom għal lokalità aħjar. Ninvolvu aktar liż-żgħażagħ fid-diskussjoni u fil-proċess ta’ konsultazzjoni qabel it-teħid tad-deċiżjonijiet.

Nipprovdu bosta servizzi ġodda online biex ir-residenti jinqdew minn djarhom, filwaqt li naraw li l-uffiċċju tal-Kunsill isir one-stop-shop għal ħafna mis-servizzi biex il-komunità ta’ San Lawrenz tkun tista’ tinqeda fil-lokalità tagħha stess.

Nipprovdu informazzjoni aktar spissa lir-residenti permezz tal-bulettin li jippubblika l-Kunsill minn żmien għal żmien.

Inħaddmu l-vantaġġi li tipprovdi l-midja soċjali biex ir-residenti jibqgħu infurmati kontinwament bl-inizjattivi li jkunu qed jittieħdu. Nagħtu aċċess lill-għaqdiet lokali għall-midja soċjali tal-Kunsill biex itejbu l-komunikazzjoni tagħhom u biex jippromwovu l-attivitajiet li jkunu qed jorganizzaw.

 

Il-Fondi Ewropej

San Lawrenz hu wieħed mill-aktar lokalitajiet li attiraw fondi tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, flimkien ma’ persuni esperti fil-fondi Ewropej, inkomplu nidentifikaw oqsma li jattiraw il-fondi tal-Unjoni Ewropea. Din l-inizjattiva għandha tinkludi wkoll lill-għaqdiet tal-lokalità biex anki huma jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-finanzjamenti tal-Unjoni Ewropea.

 

Il-lat soċjali

Il-Kunsill jagħti importanza kbira lil-lat soċjali tal-komunità, u għaldaqstant tul il-leġiżlatura se nibqgħu nappoġġaw il-proġetti li jagħmlu l-ġid fil-ħajja ta’ kuljum tal-komunità ta’ San Lawrenz.

Matul din il-leġiżlatura intemmu il-ħidma fuq iċ-Ċentru Ċiviku tal-lokalità li jkun jilqa’ fih uffiċini moderni għall-Kunsill Lokali, latrina pubblika, sala tal-komunità, għassa u ċentru tas-saħħa. Qrib dan iċ-Ċentru Ċiviku se jinħoloq ukoll spazju miftuħ għall-komunità.

Flimkien mal-professjonisti u ma’ Kunsilli Lokali Għawdxin oħrajn, inħejju programm ta’ ħidma soċjali li jkun ta’ fejda għal bosta familji u individwi li jeħtieġu l-appoġġ. Ikun programm li jinkludi lill-anzjani, lit-tfal, lis-single parents, lill-persuni b’ħiliet differenti, lill-persuni li jgħixu waħedhom u lil dawk li jgħaddu minn xi diffikultajiet partikolari.

 

Attivitajiet lokali

Inkomplu norganizzaw il-Festival San Lawrenz, u nħajru aktar parteċipazzjoni mir-residenti.

Niżguraw li jiġu organizzati aktar attivitajiet li jseddqu l-għaqda fil-komunità fi żminijiet partikolari, fosthom fil-Milied, fil-Karnival, fi żmien l-Għid u fil-ġimgħa tal-festa.

Norganizzaw ukoll attivitajiet li jżidu l-għarfien dwar il-lokalità ta’ San Lawrenz fost ir-residenti.