ŻOMM AĠĠORNAT:

 

Is-Siġġiewi

Introduzzjoni

Is-Siġġiewi llum għandha popolazzjoni ta’aktar minn 8,500 persuna. Bħall-bqija tal-lokalitajiet f’Malta, is-Siġġiewi għandha bosta ħtiġijiet lokali partikolari li joħolqu ċertu sfida lill-Kunsill Lokali u lill-kunsillieri li se jiġu eletti f’Mejju li ġej, biex tassew jintlaħqu l-aspettattivi tar-residenti u biex is-Siġġiewi tibqa’ tingħata l-attenzjoni li jixirqilha.

Il-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta wkoll proposti siewja, imfassla skont il-bżonnijiet ta’ din il-lokalità, u l-kunsillieri kollha eletti f’ismu qed jimpenjaw ruħhom li jmexxuhom ’il quddiem matul il-leġiżlatura li jmiss tal-Kunsilli Lokali.

Barra minn hekk, dan il-Kunsill jeħtieġ iżomm relazzjoni tajba mal-Kunsilli Lokali tal-madwar, fosthom tar-Rabat, ta’ Ħal Luqa, ta’ Ħal Qormi, tal-Qrendi u tal-Imqabba biex ikun jista’ jwettaq il-ħidma tiegħu li tkun teħtieġ il-koperazzjoni ta’ Kunsilli oħrajn.

 

Infrastruttura u Toroq

Insaħħu l-investiment fit-Toroq Rurali  u Residenzjali b’fondi tal-UE u fondi lokali waqt li jibqa’ jsir investiment kontinwu matul is-sena kollha fil-manutenzjoni ta’ toroq, bankini, mirja, tabelli u f’miżuri ta’ sigurtà. Insaħħu l-investiment biex intejbu l-aċċessibilità fl-sqaqien tal-bdiewa u għal xogħolijiet fuq ħitan tas-sejjieħ f’toroq u sqaqien pubbliċi.

Il-Kunsill Lokali iwettaq investiment ko-finanzajat mill-UE ta’ Eur800,000 fit-toroq rurali. Jibqa’ jżomm kuntatt kontinwu mal-awtoritajiet biex jitwettaq investiment li jixraq lis-Siġġiewi, b’mod partikolari fiż-żona rurali. Il-Kunsill Lokali diġa’ għamel talbiet lill-awtoritajiet u appoġġja applikazzjoni għall-fondi Ewropew biex ġie kkonfermat li fiż-żmien fil-qarib se jsir investiment fi Triq tal-Fawwara, Triq Wied Xkora, Triq ta’ Karlozzu, Triq tax-Xama, Triq Bur ix-Xewk, Triq fiż-żona tal-Lawrenti, Triq Nikol Azzopardi, fost oħrajn. Il-Kunsill Lokali jibqa’ jwettaq investiment regolari anke fit-toroq residenzjali waqt li jsaħħaħ investiment fil-manutenzjoni ta’ bankini, patching tat-toroq, tabelli u mirja, kif jagħmel kull sena.

 

Wara li fl-aħħar snin, il-Kunsill Lokali investa biex jassisti l-bdiewa itejbu l-aċċessibilità tal-isqaqien tagħhom, il-Kunsill Lokali jalloka fondi kull sena biex jibqa’ jinvesti fl-isqaqien tal-bdiewa. Il-Kunsill Lokali diġa’ beda jwettaq investiment f’ħitan tas-sejjieħ b’investiment ko-finanzjat mill-UE ta’ Eur33,000 u qed japplika għall-aktar fondi biex ikompli l-investiment fit-ħitan tas-sejjieħ, fis-snin li ġejjin.

 

Investiment fi Pjan ħolistiku ta’ Immaniġġjar tat-Traffiku u Parkeġġ għaż-żoni kollha tas-Siġġiewi waqt li nkomplu nimplimentaw miżuri għal aktar sigurtà fil-bypass, Triq Dun Manuel Zammit u oħrajn. Il-Kunsill Lokali rrsista mal-awtoritajiet għall-wiċċ ġdid fi Triq Lapsi, organizza diversi laqgħat fl-aħħar snin fuq din it-triq u għandu konferma li Triq Lapsi se jsir investiment fiha mill-awtoritajiet tal-infrastruttura, wara xogħolijiet b’fondi mill-UE mill-WSC. Kunsill mmexxi mill-PN jibqa’ jinsisti li jsir dan l-investiment tant bżonnjuż fi Triq Lapsi bla dewmien.

Il-Kunsill Lokali jinvesti fi studju biex isir pjan ta’ mmaniġġjar tat-traffiku, parkeġġ u sistemi ta’ one ways fejn huma bżonnjużi.  Dan il-pjan għandu jagħti priorità liż-żoni ċentrali tas-Siġġiewi, fosthom l-pjazza u toroq tal-madwar kif ukoll iż-żona madwar l-Iskola Primarja tas-Siġġiewi. Madankollu, l-istudju għandu jinfirex ukoll għall-żoni oħra u dan biex jiġi mmaniġġjat bl-aħjar mod it-traffiku u parkeġġ madwar is-Siġġiewi kollu.

 

Il-Kunsill Lokali diġa’ ressaq għall-approvazzjoni tal-awtoritajiet l-pjanti għar-roundabout fil-bidu tas-Siġġiewi. Il-Kunsill Lokali jibqa’ jinsisti għall-approvazzjoni tal-awtoritajiet fuq din r-roundabout għall-immanniġġjar aħjar tat-traffiku u aktar sigurtà anke bħala miżura li tnaqqas sewqan eċċessiv fil-bypass. Wara li l-Kunsill Lokali rsista biex saret speed camera fil-bypass tas-Siġġiewi, ħejja pjan li wkoll tressaq lill-Awtorità tat-Trasport u qed jistenna permessi għall-pedestrian lights u crossing viċin iż-żona ta’ Kirċippu. Jiġu nstallati tabelli elettroniċi li jfakkru lis-sewwieqa fl-speed li jkunu għaddejjin bih biex ifakkar is-sewwieqa ma jtellgħux speed anke meta jaqbżu l-speed camera. Ninsistu li b’approvazzjoni tal-Awtorità tat-Trasport isiru miżuri oħra ta’ sigurtà waqt li ninsistu ukoll mal-awtoritajiet għall-investiment u tiswijiet tant meħtieġa fil-bypass, li jammontaw għal aktar minn miljun ewro u nofs. Il-Kunsill Lokali diġa’ beda diskussjonijiet mal-awtoritajiet biex isiru raised pedestrian crossings fi Triq Dun Manuel Zammit u miżuri oħra ta’ sigurtà f’din it-triq, inkluż  raised pedestrian crossing fiż-żona ‘l aktar viċin l-ground tal-football u ground tal-basketball.

 

Tkompli l-konsultazzjoni għall-immanniġġjar aħjar tat-traffiku u tisbiħ ta’ Pjazza San Nikola sabiex jitwettqu dawn l-proġetti fis-snin li ġejjin.

Sal-2020, il-Kunsill Lokali jwettaq pjan ta’ mmaniġġjar tat-traffiku fil-Pjazza li diġa’ prepara pjanti għalih u li dwaru għaddej proċess ta’ konsultazzjoni mar-residenti, għaqdiet, negozji u d-diversi servizzi differenti li jagħmlu użu mill-Pjazza. Dawn jinkludu sinjali tat-traffiku, line markings u gwida aħjar għat-traffiku u parkeġġ. Il-Kunsill Lokali diġa’ ħejja wkoll pjanti u beda proċess ta’ konsultazzjoni biex iressaq proposta lill-awtoritajiet biex flimkien mal-Kunsill Lokali jsir investiment għal tisbiħ ta’ Pjazza San Nikola.

 

Proġetti Kapitali

Proġett ta’ Night Shelter, Dementia Day Centre u Multi-Purpose Hall biex l-anzjani jibqgħu jgħixu fil-komunità. Jiżdiedu l-ġranet u sessjonijiet taċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-Anzjani.

Il-Kunsill Lokali beda l-proġett għall-bini tal-ewwel sular f’parti taċ-Ċentru Ċiviku fejn se jsir Night Shelter. Diġa’ tħejjew ukoll pjanti u se ssir applikazzjoni għall-permessi ta’ Multi-Purpose Hall u Dementia Day Centre għall-Anzjani. Il-Kunsill Lokali diġa’ beda jaħdem biex iżid sessjonijiet għall-anzjani fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum u biex joffri programm għall-anzjani li jolqot passatempi u nteressi ta’ anzjani differenti. Il-Kunsill Lokali jibqa’ jinsisti li l-binja okkupata b’mod abbussiv mill-Partit Laburista għall-Kazin politiku u nteressi partiġġjani tiegħu, tingħata lill-komunità Siġġiwija għall-librerija, spazju edukattiv u spazju għall-għaqdiet.

 

Aktar spazji miftuħa għat-tgawdija tal-familji Siġġiwin viċin l-outdoor gym, fiż-żona ta’ Kirċippu, f’Għar Lapsi u f’żoni rurali. Nimmodernizzaw spazji pubbliċi eżistenti.

Inwettqu proġett ta’ tisbiħ quddiem il-Kappella ta’ San Niklaw u kappelli oħra fiż-żona rurali. Diġa’ ġew mħejjija pjanti għall-spazju miftuħ biswit l-outdoor gym kif ukoll dog park, skate park, cat cafe’ u post ta’ rikreazzjoni għaż-żgħażagħ u familji fiż-żona ta’ Kirċippu. Jiġu mmodernizzati ġonna u spazji oħra eżistenti. Jitkompla l-proġett ta’ tisbiħ, bandli ġodda u latrina f’Għar Lapsi u ssir konsultazzjoni fuq aktar investiment li jixraq il-bajja u żona ta’ Għar Lapsi.

 

Mexxejja Żgħażagħ. Il-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta tim ta’ kandidati li huwa żagħżugħ u b’ideat ġodda u friski. Għalhekk żgur li għandu l-enerġija meħtieġa biex jibqa’ jaħdem favur l-innovazzjoni, l-involviment taż-żgħażagħ fil-lokalità u fl-għaqdiet, iwettaq proġetti għall-spazji miftuħa mmirati lejn ż-żgħażagħ u jibqa’ jorganizza attivitajiet kulturali, sportivi kif ukoll inizjattivi oħra bis-sehem taż-żgħażagħ. Isaħħaħ il-Kunsill Lokali taż-Żgħażagħ, s-Siġġiewi Youth Network u jimplimenta pjan ħolistiku għal taħriġ u sehem taż-żgħażagħ f’diversi oqsma fil-komunità tas-Siġġiewi.

 

Sport

Inkomplu nappoġġjaw u ninvestu fil-faċilitajiet sportivi flimkien mal-għaqdiet sportivi waqt li nkomplu bil-manutenzjoni u upgrade tal-outdoor gym. Insaħħu l-attivitajiet sportivi u jitwaqqaf rikonoxximent sportiv għat-talent u kontribuzzjoni ta’ Siġġiwin fl-Isport

Il-Kunsill Lokali jibqa’ jinvesti flimkien mal-għaqdiet sportivi fil-manutenzjoni tal-grounds tal-football, basketball u flimkien mal-Iskola Primarja fil-manutenzjoni tal-pool li tinsab fl-Iskola Primarja. Jiġi diskuss ftehim għall-assistenza lis-Siġġiewi Rowing Club. Il-Kunsill Lokali diġa’ ġab fondi biex jinvesti fil-manutenzjoni ta’ gym equipment u r-running track tal-outdoor gym. Jibqa jorganizza attivitajiet sportivi fosthom f’Jum is-Siġġiewi u l-Festa ta’ San Nikola. Jinħoloq rikonoxximent sportiv għat-talent u kontribuzzjoni ta’ Siġġiwin fl-Isport.

 

Insaħħu n-Negozji fil-Lokalitajiet tagħna

Il-Partit Nazzjonalista jemmen fin-negozji żgħar u negozji li joffru servizzi differenti fil-lokalitajiet tagħna. Fl-aħħar xhur, il-Kunsill Lokali diġa’ approva t-twaqqif ta’ kumitat favur in-negozju u Kunsill mmexxi mill-PN jsaħħaħ l-promozzjoni u networking fost n-negozji fis-Siġġiewi, fosthom bil-preparazzjoni li diġa’ bdiet biex isir direttorju b’informazzjoni dwar in-negozji kollha fis-Siġġiewi.

 

Kultura u Partrimonju Storiku

Insaħħu l-Patrimonju Storiku tas-Siġġiewi billi nibqgħu ninvestu fi studji dwar is-Salib tal-Għolja, proġetti ta’ tisbiħ ta’ żoni rurali u storiċi u napplikaw għall-fondi tal-UE għal restawr ta’ niċeċ u patrimonju ieħor. Nibqgħu ninvestu fi programm kulturali varjat organizzat mal-għaqdiet lokali tas-Siġġiewi u b’ħidma li diġa’ ma taqta’ xejn, biex insaħħu l- programm kulturali varjat mifrux mas-sena kollha.

Il-Kunsill Lokali jibqa’ jinvesti fl-istudji meħtieġa għar-restawr taż-żona tas-Salib tal-Għolja u jibqa’ jirsisti biex flimkien mal-Arċidjoċesi u l-awtoritajiet jinstabu fondi għar-restawr ta’ dan l-patrimonju storiku uniku tas-Siġġiwin u ta’ pajjiżna. Tibqa’ tissaħħaħ l-organizazzjoni tal-Mixegħla tas-Salib tal-Għolja u l-Mixegħla ta’ Pjazza San Nikola. Jissaħħaħ il-programm kulturali organizzat matul is-sena kollha bis-sehem ta’ diversi għaqdiet Siġġiwin. Isir investiment għall-aktar tisbiħ ta’ żoni storiċi u kulturali bħal Ħal Xluq, San Niklaw, il-Fawwara u l-Knisja tal-Providenza. Napplikaw għall-fondi Ewropew biex isir restawr ta’ niċeċ u riżorsi ta’ patrimonju storiku. 

Nibqgħu ninvestu biex insaħħu l-attivitajiet kulturali bħal dawk marbuta ma’ Jum is-Siġġiewi, Il-Mixegħla tas-Salib tal-Għolja, il-Festa ta’ San Nikola, Festa Għeneb, Il-Festa ta’ San Nikola tat-Tfal u Pjazza Milied. Dan waqt li nżiedu attivitajiet kulturali oħra organizzati ma’ diversi għaqdiet lokali u bis-sehem ta’ Siġġiwin imħarġa fl-arti u kultura.

 

Ambjent

Nibqgħu nsaħħu l-vuċi soda u konvinta għal ambjent sostenibbli li jixraq lis-Siġġiewi. Insaħħu l-kampanja edukattiva bis-sehem tan-Nanna Kola, il-Kunsill Lokali tat-Tfal u taż-Żgħażagħ. Il-Kunsill Lokali jibqa’ jsaħħaħ ukoll s-sehem tiegħu f’inizjattivi bħal European Week for Waste Reduction u fl-edukazzjoni fuq s-separazzjoni tal-iskart. Fis-snin riċenti, il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi kien rebbieħ tlett darbiet waqt il-Malta Waste Reduction Awards. Kunsill Lokali tas-Siġġiewi mmexxi mill-Partit Nazzjonalista huwa determinat li jibqa’ jkun Kunsill Effettiv u Rebbieħ. 

 

Il-Kunsill Lokali jibqa’ jkun entità soda li taċċerta li l-ambjent jiġi mħares, li jirraporta abbużi  u joġġezzjona għall-applikazzjonijet ta’ żvilupp mhux sostenibbli, isaħħaħ l-edukazzjoni ambjentali bis-sehem f’attivitajiet bħall-European Week for Waste Reduction, il-karattru tan-Nanna Kola u l-Kunsill Lokali tat-Tfal u ż-Żgħażagħ. Fl-aħħar erba’ snin kien rebbieħ tlett darbiet waqt il-Malta Waste Reduction Awards u Kunsill Lokali mmexxi mill-Partit Nazzjonalista huwa determinat li jibqa’ jkun Kunsill Effettiv u Rebbieħ.