ŻOMM AĠĠORNAT:

 

Ta’ Xbiex

 

Introduzzjoni

Ta’ Xbiex illum għandha popolazzjoni ta’ kważi 2,000 persuna. Bħall-bqija tal-lokalitajiet f’Malta, Ta’ Xbiex għandha bosta ħtiġijiet lokali partikolari li joħolqu ċertu sfida lill-Kunsill Lokali u lill-kunsillieri li se jiġu eletti f’Mejju li ġej, biex tassew jintlaħqu l-aspettattivi tar-residenti u biex Ta’ Xbiex tibqa’ tingħata l-attenzjoni li jixirqilha.

Il-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta wkoll proposti siewja, imfassla skont il-bżonnijiet ta’ din il-lokalità, u l-kunsillieri kollha eletti f’ismu qed jimpenjaw ruħhom li jmexxuhom ’il quddiem matul il-leġiżlatura li jmiss tal-Kunsilli Lokali. Niżguraw li bħala Kunsill inbiddlu l-isfidi li qed iġġarrab il-lokalità f’opportunitajiet għall-ġid tar-residenti kollha.

Il-Kunsill ta’ Ta’ Xbiex jibqa’ jżomm relazzjoni tajba mal-Kunsilli Lokali tal-madwar, fosthom tal-Imsida, tal-Gżira, ta’ Tas-Sliema u ta’ San Ġwann biex ikun jista’ jwettaq il-ħidma tiegħu li tkun teħtieġ il-koperazzjoni ta’ Kunsilli oħrajn.

 

L-infrastruttura

Bankini

Il-Kunsill ta’ Ta’ Xbiex jissokta bil-programm ta’ tiswijiet tal-bankini biex ir-residenti jkollhom bankini ta’ kwalità li jagħtuhom is-sigurtà li jixtiequ u li jkunu aċċessibbli għall-anzjani, għall-persuni b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa.

Niżguraw li nneħħu l-perikli li wħud mill-bankini qed joħolqu biex nevitaw l-inċidenti u li nibnu oħrajn ġodda skont il-bżonn.

Toroq

Il-Kunsill jibqa’ jagħmel pressjoni fuq il-gvern ċentrali biex iwettaq dak li wiegħed, jiġifieri li fis-snin li ġejjin jagħmel it-toroq kollha ta’ Ta’ Xbiex.

Fl-istess waqt, il-Kunsill se jkompli għaddej bit-tiswija tat-toroq tal-lokalità biex ikunu evitati l-inċidenti u l-ħsarat fil-vetturi li jużawhom.

Infasslu u nimplimentaw pjan għall-immaniġġjar tat-traffiku li jikkunsidra l-bżonnijiet partikolari tal-lokalità tagħna li matul il-jum tkun maħnuqa bil-vetturi u bl-inġenji tal-kostruzzjoni. Nieħdu għadd ta’ miżuri li jikkalmaw it-traffiku madwar il-lokalità.

Nissoktaw bil-proġett tal-installazzjoni ta’ dawl ġdid, filwaqt li nneħħu bosta wajers mit-toroq li qed ikerrhu l-ambjent fil-lokalità tagħna.

Playing fields, ġonna, pjazez u żoni miftuħa

Il-Kunsill Lokali jiżgura li tibqa’ ssir il-manutenzjoni tal-ispazji miftuħa biex jinżammu dejjem fi stat tajjeb għar-residenti. Naraw li Ġnien il-Kunsill tal-Ewropa jkun fir-responsabbiltà tal-Kunsill ta’ Ta’ Xbiex.

Nagħtu importanza lit-tħaddir urban u lill-infrastruttura soċjali u ċivika li qiegħda fir-responsabbiltà tal-Kunsill.

Naraw li jsir tisbiħ fiċ-ċentru u max-xatt ta’ Ta’ Xbiex u ninstallaw latrini pubbliċi ġodda biex inżidu l-ispazji miftuħa fil-lokalità u biex ir-residenti u l-familji ta’ Ta’ Xbiex ikollhom żoni apposta għar-rikreazzjoni. Naraw li dawn l-ispazji jkunu jinkludu żoni mdawrin bi lqugħ biex l-annimali jkollhom fejn jiltaqgħu.

 

It-traffiku u l-parkeġġ

Inniedu App apposta biex ir-residenti u s-sewwieqa jkunu informati minnufih jew minn qabel dwar ix-xogħlijiet ta’ manutenzjoni u tiswijiet li jkunu se jsiru fit-toroq u biex jingħataw tagħrif ieħor utli għall-evitar tat-traffiku.

Nagħrfu li l-problema tal-parkeġġ qed kulma jmur tiżdied u tiggrava u għalhekk il-Kunsill jeħtieġ isib mezz biex jinħolqu spazji għal aktar parkeġġ, b’mod partikolari meta wieħed iqis li ż-żoni kollha ta’ Ta’ Xbiex qed ibatu minn din il-problema. Nistħarrġu l-possibbiltà ta’ estensjoni tal-parkeġġ eżistenti b’parkeġġ akbar taħt l-art.

Nidentifikaw u nimplimentaw mogħdijiet għar-roti biex nippromwovu u nħajru aktar residenti jużaw ir-roti għall-qadi u l-ħtiġijiet fil-lokalità u fil-madwar. Inżidu l-għadd ta’ slottijiet għar-roti madwar il-lokalità u nippromwovu l-użu tar-roti kondiviżi li jistgħu jintużaw mill-komunità lokali.

 

It-trasport pubbliku

Nissoktaw il-ħidma fuq is-servizz ta’ minivan ċirkolari mingħajr ħlas li jikkumplimenta lis-servizz tat-trasport pubbliku, biex ir-residenti jkunu jistgħu jużaw aħjar is-servizzi taċ-ċentru tas-saħħa tal-Gżira.

Nieħdu ħsieb li titkompla l-ħidma fuq l-installazzjoni ta’ stejġijiet ta’ tal-linja madwar il-lokalità.

 

Is-sigurtà

Il-Kunsill jiżgura li fiż-żoni magħrufa għall-abbużi jitwaħħlu sistemi tas-CCTV ta’ kwalità biex jonqsu l-abbużi u l-atti vandali, u biex ir-residenti jgħixu aktar b’moħħhom mistrieħ.

Nagħmlu pressjoni fuq l-awtoritajiet kompetenti biex tiżdied il-preżenza tal-pulizija fit-toroq fil-ħinijiet kollha tal-ġurnata u billejl.

Nesploraw ukoll il-possibbiltà ta’ neighbourhood watch fi nħawi madwar il-lokalità.

 

L-ambjent u l-indafa

Il-Kunsill ikompli jaħdem fuq proġetti ta’ enerġija alternattiva u rinnovabbli, speċjalment fit-toroq tal-lokalità. Ifassal programm ċar għat-toroq li jkun jimplimenta sistemi tad-dawl iġġenerat minn sorsi alternattivi tal-enerġija. Dan parti mill-proġett Ta’ Xbiex Goes Green, xprunat mill-Kunsill Lokali, biex Ta’ Xbiex issir lokalità tassew ekoloġika.

Bħala parti mill-istess Ta’ Xbiex Goes Green, inwettqu proġetti oħrajn tal-enerġija rinnovabbli fiż-żoni pubbliċi, fosthom billi nesploraw il-possibbiltà ta’ ħidma bi sħab mal-entitajiet lokali ħalli jitwaħħlu panelli solari fuq postijiet pubbliċi, u mezzi oħrajn għal enerġija alternattiva.

Nissoktaw il-ħidma fuq il-proġett CityTree biex il-Kunsill juża l-ispazji tat-tħawwil bl-aħjar mod, u naraw li dawn jinżammu dejjem fi stat tajjeb. Infasslu pjan biex jinstabu żoni oħrajn li jistgħu jissebbħu bix-xtieli u bis-siġar, filwaqt li naraw li dawn ma jkunux ta’ inkonvenjent għas-sewwieqa biex nevitaw l-inċidenti u niżguraw il-kontribut tagħhom għal arja aktar nadifa fil-lokalità.

Flimkien mal-awtoritajiet kompetenti, nagħtu prijorità lill-indafa tal-lokalità. Barra minn hekk, niżguraw li l-iskart jinħareġ u jinġabar fil-ħin u kif suppost, u li l-kuntratt tal-knis tal-lokalità jitħaddem kif mistenni.

Ninvestu f’inġenji tat-tindif tat-toroq biex inkunu nistgħu nnaddfu t-toroq tagħna.

Naħdmu mal-gvern ċentrali u mal-awtoritajiet biex niżguraw li l-bajjiet u x-xtut li huma fir-responsabbiltà tal-Kunsill jinżammu fi stat tajjeb għar-rikreazzjoni biex ikunu spazji oħrajn għar-residenti u żona turistika ta’ livell għoli.

Inwettqu aktar proġetti ta’ manutenzjoni u tisbiħ tul il-belvedere tal-lokalità permezz ta’ dawl u pavimentar moderni għall-mixjiet u l-pawsiet. Ninkludu wkoll tisbiħ fix-xatt ta’ Ta’ Xbiex u l-madwar.

Nissoktaw b’għadd ta’ inizjattivi siewja relatati mal-immaniġġjar tal-iskart u nesploraw il-possibbiltà li jsir il-ġbir tal-iskart nhar ta’ Ħadd matul ix-xhur tas-sajf.

Nesploraw il-possibbiltà wkoll ta’ skipps taħt l-art biex nagħtu prijorità lill-indafa u nneħħu ħafna mill-irwejjaħ u l-inkonvenjent li l-iskipps fl-apert qed jikkawżaw.

Inkomplu l-installazzjoni tal-laned għall-ħmieġ tal-annimali madwar il-lokalità.

 

L-edukazzjoni u l-kultura

Inkomplu nżidu l-għadd ta’ korsijiet li noffru lill-komunità ta’ Ta’ Xbiex ħalli jkollha l-opportunità ttejjeb il-ħiliet u l-għarfien tagħha. Fost dawn hemm korsijiet fl-informatika, għal min irid jitgħallem juża l-kompjuter u l-internet, u għal min irid jikseb ċertifikat fl-ECDL, sessjonijiet ta’ artiġjanat, korsijiet fil-lingwi, fl-istili ta’ ħajja sana, u fit-tisjir, u bosta taħditiet informattivi.

Minn żmien għal żmien, inqassmu materjal edukattiv biex ir-residenti ta’ Ta’ Xbiex jibqgħu infurmati dwar l-inizjattivi u l-attivitajiet li jkunu qed iseħħu fil-lokalità.

 

L-isport

Nippromwovu l-użu tar-roti fil-qalba ta’ Ta’ Xbiex u nkomplu ninstallaw l-islottijiet għar-roti madwar il-lokalità.

Nibqgħu nkunu pjattaforma tajba għall-inizjattivi sportivi fil-lokalità biex nagħtu sehemna fil-ġlieda kontra l-vizzji u l-obeżità, u biex aktar tfal, adolexxenti u żgħażagħ jinvolvu ruħhom b’mod attiv fl-isports.

 

L-għaqdiet fil-lokalità u ż-żgħażagħ

Il-Kunsill jimpenja ruħu li jtejjeb u jkattar il-kuntatt mal-għaqdiet tal-lokalità għall-benefiċċju ta’ dawk kollha involuti.

Niżguraw li l-għaqdiet lokali jingħataw aktar involviment attiv fil-komunità ta’ Ta’ Xbiex, mhux biss biex jiżdied l-għarfien dwarhom iżda anki biex ir-residenti jitħajru jagħtu sehemhom fl-għaqdiet u fil-volontarjat.

Ngħinu lill-għaqdiet lokali b’kull mezz, kemm bil-promozzjoni tal-attivitajiet li jorganizzaw f’Ta’ Xbiex u anki billi nipprovdulhom il-faċilitajiet tal-lokalità.

 

Komunikazzjoni u konsultazzjoni

Il-Kunsill Lokali jeħtieġ jibqa’ jikkonsulta lir-residenti f’kull inizjattiva tiegħu li tkun tolqot direttament lir-residenti. Nibqgħu viċin in-nies biex nibqgħu nagħrfu l-ħtiġijiet u l-aspettattivi tagħhom u biex nisimgħu l-ideat tagħhom għal lokalità aħjar.

Nipprovdu bosta servizzi ġodda online biex ir-residenti jinqdew minn djarhom, fosthom biex japplikaw għall-permessi, filwaqt li naraw li l-uffiċċju tal-Kunsill isir one-stop-shop għal ħafna mis-servizzi biex il-komunità ta’ Ta’ Xbiex tkun tista’ tinqeda fil-lokalità tagħha stess.

Norganizzaw ukoll attivitajiet li jżidu l-għarfien dwar Ta’ Xbiex u Manoel Island fost ir-residenti. Barra minn hekk nipprovdu informazzjoni aktar spissa lir-residenti permezz tal-bulettin li jippubblika l-Kunsill minn żmien għal żmien.

Inħaddmu l-vantaġġi li tipprovdi l-midja soċjali biex ir-residenti jibqgħu infurmati kontinwament bl-inizjattivi li jkunu qed jittieħdu. Nagħtu aċċess lill-għaqdiet lokali għall-midja soċjali tal-Kunsill biex itejbu l-komunikazzjoni tagħhom u biex jippromwovu l-attivitajiet li jkunu qed jorganizzaw.

 

Il-komunità kummerċjali

Il-Kunsill jibqa’ jżomm kuntatt frekwenti mas-sidien tal-entitajiet kummerċjali lokali biex inwettqu ħidma li tgħin lir-residenti u lil dawk li għażlu li jinvestu n-negozju tagħhom f’Ta’ Xbiex.

Nirsistu biex indaħħlu l-mentalità u l-kultura ta’ ħwienet u ristoranti pet-friendly.

 

Il-Fondi Ewropej

Ningaġġaw u ninvolvu lil persuni esperti fil-fondi Ewropej biex jiġu identifikati oqsma li jattiraw il-fondi tal-Unjoni Ewropea. Din l-inizjattiva għandha tinkludi wkoll lill-għaqdiet tal-lokalità biex anki huma jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-fondi tal-Unjoni Ewropea.

 

Il-lat soċjali

Il-Kunsill jagħti importanza kbira lil-lat soċjali tal-komunità, u għaldaqstant tul il-leġiżlatura se nibqgħu nappoġġaw il-proġetti li jagħmlu l-ġid fil-ħajja ta’ kuljum tal-komunità ta’ Ta’ Xbiex.

Nipprovdu trasport ċirkolari mingħajr ħlas biex ir-residenti jaċċessaw is-servizz taċ-ċentru tas-saħħa tal-Gżira.

Nissoktaw bil-ħidma biex mas-settur privat nesploraw il-possibbiltà ta’ Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-anzjani tal-lokalità biex ikollhom post ta’ rikreazzjoni u wens u jingħataw informazzjoni mingħand il-professjonisti.

Intejbu l-politika tagħna b’rabta mal-persuni b’diżabbiltà, il-familji u t-trobbija tal-ulied, il-ġlieda kontra l-vizzji, il-faqar, l-illitteriżmu u l-obeżità. Flimkien mal-professjonisti nħejju programm ta’ ħidma soċjali li jkun ta’ fejda għal bosta familji u individwi li jeħtieġu l-appoġġ. Ikun programm li jinkludi lill-anzjani, lit-tfal, lis-single parents, lill-persuni b’ħiliet differenti, lill-persuni li jgħixu waħedhom u lil dawk li jgħaddu minn xi diffikultajiet partikolari.

 

Attivitajiet lokali

Niżguraw li jiġu organizzati aktar attivitajiet li jseddqu l-għaqda fil-komunità fi żminijiet partikolari, fosthom fil-Milied u fi żmien l-Għid.

Norganizzaw ukoll attivitajiet li jżidu l-għarfien dwar Ta’ Xbiex fost ir-residenti