ŻOMM AĠĠORNAT:

 

Il-Belt Valletta

Introduzzjoni

Il-Belt Valletta llum għandha popolazzjoni ta’ 5,700 persuna, u allura hi meqjusa r-raba’ l-akbar lokalità f’Malta. Bħall-bqija tal-lokalitajiet f’Malta, il-Belt Valletta għandha bosta ħtiġijiet lokali partikolari li joħolqu ċertu sfida lill-Kunsill Lokali u lill-kunsillieri li se jiġu eletti f’Mejju li ġej, biex tassew jintlaħqu l-aspettattivi tar-residenti u biex il-Belt Valletta tibqa’ tingħata l-attenzjoni li jixirqilha.

Il-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta wkoll proposti siewja, imfassla skont il-bżonnijiet ta’ din il-lokalità, u l-kunsillieri kollha eletti f’ismu qed jimpenjaw ruħhom li jmexxuhom ’il quddiem matul il-leġiżlatura li jmiss tal-Kunsilli Lokali.

Il-Kunsill tal-Belt Valletta jibqa’ jżomm relazzjoni tajba mal-Kunsilli Lokali tal-madwar, fosthom tal-Kottonera, tal-Gżira u Tas-Sliema, u tal-Floriana biex ikun jista’ jwettaq il-ħidma tiegħu li tkun teħtieġ il-koperazzjoni ta’ Kunsilli oħrajn.

 

L-infrastruttura

Bankini

Il-Kunsill tal-Belt Valletta jissokta bil-programm ta’ tiswijiet tal-bankini biex ir-residenti jkollhom bankini ta’ kwalità li jagħtuhom is-sigurtà li jixtiequ u li jkunu aċċessibbli għall-anzjani, għall-persuni b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa. Naraw li dan il-programm jitlesta sa nofs l-2020.

Niżguraw li nneħħu l-perikli li wħud mill-bankini qed joħolqu biex nevitaw l-inċidenti u li nibnu oħrajn ġodda skont il-bżonn.

Toroq

Il-Kunsill jibqa’ jagħmel pressjoni fuq il-gvern ċentrali biex iwettaq dak li wiegħed, jiġifieri li fis-snin li ġejjin jagħmel it-toroq kollha tal-Belt Valletta.

Fl-istess waqt, il-Kunsill se jkompli għaddej bit-tiswija tat-toroq tal-lokalità biex ikunu evitati l-inċidenti u l-ħsarat fil-vetturi li jużawhom.

Nissoktaw bil-proġett tal-installazzjoni ta’ dawl ġdid, filwaqt li nneħħu bosta wajers mit-toroq li qed ikerrhu l-ambjent fil-lokalità tagħna.

Playing fields, ġonna, pjazez u żoni miftuħa

Il-Kunsill Lokali jiżgura li tibqa’ ssir il-manutenzjoni tal-playing fields, tal-ġonna u tal-ispazji miftuħa biex jinżammu dejjem fi stat tajjeb għar-residenti.

Nagħtu importanza lit-tħaddir urban u lill-infrastruttura soċjali u ċivika li qiegħda fir-responsabbiltà tal-Kunsill.

Inżidu l-ispazji miftuħa fil-lokalità biex ir-residenti u l-familji tal-Belt Valletta jkollhom żoni apposta għar-rikreazzjoni u dawn l-ispazji jkunu jinkludu żoni mdawrin bi lqugħ biex l-annimali jkollhom fejn jiltaqgħu.

 

It-traffiku u l-parkeġġ

Nagħrfu li l-problema tal-parkeġġ qed kulma jmur tiżdied u tiggrava u għalhekk il-Kunsill jeħtieġ isib mezz biex jinħolqu spazji għal aktar parkeġġ, b’mod partikolari meta wieħed iqis li ż-żoni kollha tal-Belt Valletta qed ibatu minn din il-problema.

Għaldaqstant inwettqu l-proġett tal-parkeġġ tant mistenni fis-sit tal-Yellow Garage biex nipprovdu aktar spazji tal-parkeġġ lir-residenti Beltin, bi skema ssussidjata mill-Kunsill Lokali.

Nipprovdu aktar spazju għall-parkeġġ fil-periferija tal-Belt Valletta, b’mod partikolari biex ngħinu lill-komunità kummerċjali.

Barra minn hekk, intejbu u nżidu l-ispazji ħodor tal-parkeġġ riżervat għar-residenti.

 

It-trasport pubbliku

Inkomplu nħaddmu servizz ta’ minivan ċirkolari mingħajr ħlas li jikkumplimenta lis-servizz tat-trasport pubbliku, biex ir-residenti jkunu jistgħu jużaw aħjar is-servizzi taċ-ċentru tal-Belt Valletta, fosthom il-ħwienet, iċ-ċentru ċiviku u l-banek. Naraw li dan is-servizz jitħaddem ukoll matul tmiem il-ġimgħa.

 

Is-sigurtà

Il-Kunsill jiżgura li fiż-żoni magħrufa għall-abbużi jitwaħħlu sistemi tas-CCTV ta’ kwalità biex jonqsu l-abbuż u l-atti vandali, u biex ir-residenti jgħixu aktar b’moħħhom mistrieħ.

Nagħmlu pressjoni fuq l-awtoritajiet kompetenti biex tiżdied il-preżenza tal-pulizija fit-toroq fil-ħinijiet kollha tal-ġurnata u billejl.

Nesploraw ukoll il-possibbiltà ta’ neighbourhood watch fi nħawi madwar il-lokalità.

 

L-ambjent u l-indafa

Il-Kunsill ikompli jaħdem fuq proġetti ta’ enerġija alternattiva u rinnovabbli, speċjalment fit-toroq tal-lokalità. Ifassal programm ċar għat-toroq li jkun jimplimenta sistemi tad-dawl iġġenerat minn sorsi alternattivi tal-enerġija.

Inwettqu proġetti oħrajn tal-enerġija rinnovabbli fiż-żoni pubbliċi, fosthom billi nesploraw il-possibbiltà ta’ ħidma bi sħab mal-entitajiet lokali ħalli jitwaħħlu panelli solari fuq postijiet pubbliċi, u mezzi oħrajn għal enerġija alternattiva.

Il-Kunsill jeħtieġ juża l-ispazji tat-tħawwil bl-aħjar mod, u jara li jinżammu dejjem fi stat tajjeb. Infasslu pjan biex jinstabu żoni oħrajn li jistgħu jissebbħu bix-xtieli u bis-siġar.

Flimkien mal-awtoritajiet kompetenti, nagħtu prijorità lill-indafa tal-lokalità. Barra minn hekk, niżguraw li l-iskart jinħareġ u jinġabar fil-ħin u kif suppost, u li l-kuntratt tal-knis tal-lokalità jitħaddem kif mistenni.

Ninvestu f’aktar inġenji tat-tindif tat-toroq biex inkunu nistgħu nnaddfu t-toroq tagħna.

Naħdmu mal-gvern ċentrali u mal-awtoritajiet biex niżguraw li l-bajjiet u x-xtut jinżammu fi stat eċċellenti għall-għawm u għar-rikreazzjoni biex ikunu spazji oħrajn għar-residenti.

Nissoktaw b’għadd ta’ inizjattivi siewja relatati mal-immaniġġjar tal-iskart.

Inkomplu l-installazzjoni tal-laned għall-ħmieġ tal-annimali madwar il-lokalità.

 

L-edukazzjoni u l-kultura

Il-Kunsill jibqa’ jżomm relazzjoni tajba mal-iskola primarja tal-lokalità. Norganizzaw u niffinanzjaw attivitajiet għat-tfal tal-iskola primarja tal-Belt Valletta u barra mill-iskola, fost l-oħrajn f’Jum il-Belt Valletta.

Nimplimentaw l-idea ta’ spazju taħt l-art għal ċentru tal-kreattività għall-artisti Beltin, stazzjon tar-radju għall-komunità Beltija, u uffiċini li jistgħu jintużaw mill-għaqdiet tal-Belt.

Inkomplu nżidu l-għadd ta’ korsijiet li noffru lill-komunità tal-Belt Valletta ħalli jkollha l-opportunità ttejjeb il-ħiliet u l-għarfien tagħha. Fost dawn hemm korsijiet fl-informatika, għal min irid jitgħallem juża l-kompjuter u l-internet, u għal min irid jikseb ċertifikat fl-ECDL, sessjonijiet ta’ artiġjanat, korsijiet fil-lingwi, fl-istili ta’ ħajja sana, u fit-tisjir, u bosta taħditiet informattivi.

Noħolqu sessjonijiet apposta fil-bini tal-Kunsill Lokali biex għalliema professjonali jgħinu lit-tfal Beltin fix-xogħol tal-iskola wara l-ħin tal-iskola. Inniedu Fun Club għat-tfal Beltin ta’ etajiet differenti biex ikollhom sessjonijiet divertenti u mużikali.

Minn żmien għal żmien, inqassmu materjal edukattiv biex ir-residenti tal-Belt Valetta jibqgħu infurmati dwar l-inizjattivi u l-attivitajiet li jkunu qed iseħħu fil-lokalità. Fil-binja tal-Kunsill norganizzaw ukoll bosta wirjiet kulturali li juru talenti lokali u nazzjonali.

 

L-isport

Nibqgħu nkunu pjattaforma tajba għall-inizjattivi sportivi fil-lokalità biex nagħtu sehemna fil-ġlieda kontra l-vizzji u l-obeżità, u biex aktar tfal, adolexxenti u żgħażagħ jinvolvu ruħhom b’mod attiv fl-isports.

Inwaqqfu n-network sportiv Valletta Sports Network li jiġbor l-għaqdiet sportivi kollha tal-lokalità biex tissaħħaħ il-koordinazzjoni u jiżdiedu r-riżorsi eżistenti tal-għaqdiet u l-klabbs sportivi Beltin.

Inkomplu nxettlu l-kultura sportiva fil-ġenerazzjonijiet żgħar u fiż-żgħażagħ Beltin b’ħidma konġunta mal-klabbs u b’għajnuna lil dixxiplini sportivi differenti.

Niffirmaw ftehim ma’ Valletta FC għal għajnuna reċiproka u biex nikkoordinaw flimkien fejn jidħlu l-użu tal-faċilitajiet taż-żewġ naħat u l-kisba tal-fondi tal-Unjoni Ewropea.

Insaħħu l-għajnuna li nagħtu lil Valletta FC Youth Development Sector biex niżguraw eċċellenza fl-ambjent u fit-taħriġ li jkollhom it-tfal li jattendu f’din in-nursery.

Flimkien mal-gvern ċentrali u l-awtoritajiet, inwaqqfu skola tal-waterpolo biex it-tfal Beltin jibdew jitħarrġu f’din id-dixxiplina sa minn ċkunithom.

Nibqgħu nikkollaboraw bis-sħiħ biex tibqa’ tittella’ l-attività tal-ġiri msejħa The Valletta Express 5K Challenge, li matulha jinkisbu aktar fondi għal xi proġett sportiv partikolari ta’ benefiċċju għall-Beltin. Inwessgħu din l-idea ma’ sħab u klabbs sportivi oħrajn biex jiġu organizzati attivitajiet u avvenimenti sportivi fil-Belt Valletta, u li l-qligħ tagħhom imur f’fond apposta għall-benefiċċju tal-għaqdiet u l-klabbs sportivi Beltin.

Fi żmien Jum il-Belt Valletta, nibdew norganizzaw il-Valletta Sports Week Festival, bħala ġimgħa ta’ attivitajiet sportivi mill-għaqdiet sportivi Beltin u għall-Beltin u li fi tmiemha jingħataw il-Valletta Sports Awards bħala rikonoxximenti lill-għaqdiet sportivi u individwi li jkunu kisbu xi suċċess tul is-sena ta’ qabel.

 

L-għaqdiet fil-lokalità u ż-żgħażagħ

Il-Kunsill jimpenja ruħu li jtejjeb u jkattar il-kuntatt mal-għaqdiet tal-lokalità għall-benefiċċju ta’ dawk kollha involuti.

Niżguraw li l-għaqdiet lokali jingħataw aktar involviment attiv fil-komunità tal-Belt Valletta, mhux biss biex jiżdied l-għarfien dwarhom iżda anki biex ir-residenti jitħajru jagħtu sehemhom fl-għaqdiet u fil-volontarjat.

Ngħinu lill-għaqdiet lokali b’kull mezz, kemm bil-promozzjoni tal-attivitajiet li jorganizzaw fil-Belt Valletta u anki billi nipprovdulhom il-faċilitajiet tal-lokalità.

Niftħu ċentru għaż-żgħażagħ Beltin fil-bini l-ġdid tal-Kunsill Lokali biex jitgħallmu, jitħarrġu u jiddevertu bejniethom. Ikun ċentru li joffrilhom gwida fl-għażla tal-karrieri u fit-trobbija tal-familja.

Nissoktaw inżidu l-esperjenzi tal-iskambji taż-żgħażagħ barra minn xtutna li tiffinanzja l-Unjoni Ewropea u li tant kienu suċċess fl-aħħar snin.

Bħala parti mill-istrateġija ta’ responsabbiltà soċjali korporattiva ma’ bosta entitajiet kummerċjali nibqgħu norganizzaw attivitajiet immirati għaż-żgħażagħ Beltin biex inżidu l-involviment u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-lokalità u biex inxerrdu aktar edukazzjoni u għarfien fost iż-żgħażagħ dwar suġġetti varji.

 

Komunikazzjoni u konsultazzjoni

Il-Kunsill Lokali jeħtieġ jibqa’ jikkonsulta lir-residenti f’kull inizjattiva tiegħu li tkun tolqot direttament lir-residenti. Nibqgħu viċin in-nies biex nibqgħu nagħrfu l-ħtiġijiet u l-aspettattivi tagħhom u biex nisimgħu l-ideat tagħhom għal lokalità aħjar.

Nipprovdu bosta servizzi ġodda online biex ir-residenti jinqdew minn djarhom, fosthom biex japplikaw għall-permessi, filwaqt li naraw li l-uffiċċju tal-Kunsill isir one-stop-shop għal ħafna mis-servizzi biex il-komunità tal-Belt Valletta tkun tista’ tinqeda fil-lokalità tagħha stess.

Norganizzaw ukoll attivitajiet li jżidu l-għarfien dwar il-Belt Valletta u l-portijiet tal-madwar fost ir-residenti. Barra minn hekk nipprovdu informazzjoni aktar spissa lir-residenti permezz tal-bulettin li jippubblika l-Kunsill minn żmien għal żmien.

Inħaddmu l-vantaġġi li tipprovdi l-midja soċjali biex ir-residenti jibqgħu infurmati kontinwament bl-inizjattivi li jkunu qed jittieħdu. Nagħtu aċċess lill-għaqdiet lokali għall-midja soċjali tal-Kunsill biex itejbu l-komunikazzjoni tagħhom u biex jippromwovu l-attivitajiet li jkunu qed jorganizzaw.

 

Il-komunità kummerċjali

Il-Kunsill jibqa’ jżomm kuntatt frekwenti mas-sidien tal-entitajiet kummerċjali lokali biex inwettqu ħidma li tgħin lir-residenti u lil dawk li għażlu li jinvestu n-negozju tagħhom fil-Belt Valletta.

Nirsistu biex indaħħlu l-mentalità u l-kultura ta’ ħwienet u ristoranti pet-friendly.

 

Il-Fondi Ewropej

Ningaġġaw u ninvolvu lil persuni esperti fil-fondi Ewropej biex jiġu identifikati oqsma li jattiraw il-fondi tal-Unjoni Ewropea. Din l-inizjattiva għandha tinkludi wkoll lill-għaqdiet tal-lokalità biex anki huma jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-fondi tal-Unjoni Ewropea.

 

Il-lat soċjali

Il-Kunsill jagħti importanza kbira lil-lat soċjali tal-komunità, u għaldaqstant tul il-leġiżlatura se nibqgħu nappoġġaw il-proġetti li jagħmlu l-ġid fil-ħajja ta’ kuljum tal-komunità tal-Belt Valletta.

Intejbu l-politika tagħna b’rabta mal-persuni b’diżabbiltà, il-familji u t-trobbija tal-ulied, il-ġlieda kontra l-vizzji, il-faqar, l-illitteriżmu u l-obeżità. Flimkien mal-professjonisti nħejju programm ta’ ħidma soċjali li jkun ta’ fejda għal bosta familji u individwi li jeħtieġu l-appoġġ. Ikun programm li jinkludi lill-anzjani, lit-tfal, lis-single parents, lill-persuni b’ħiliet differenti, lill-persuni li jgħixu waħedhom u lil dawk li jgħaddu minn xi diffikultajiet partikolari.

 

Anzjanità attiva

Nissoktaw bil-ħidma mal-gvern ċentrali u mal-awtoritajiet biex jitlesta ċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-anzjani tal-lokalità biex jibqa’ jkun post ta’ rikreazzjoni u wens u biex jiksbu informazzjoni mingħand il-professjonisti.

Nibdew id-diskussjonijiet mal-gvern ċentrali għal Ċentru ta’ Matul il-Lejl.

Naħdmu mal-gvern ċentrali u mal-awtoritajiet biex niftħu ċ-ċentru tas-saħħa tant mistenni għar-residenti Beltin. Nipprovdu servizzi ta’ kura tas-saħħa mingħajr ħlas u fid-djar tar-residenti Beltin għall-anzjani, il-persuni b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa.

Inwaqqfu l-programm ġdid Valletta Elderly Network biex nindirizzaw bosta ħtiġijiet speċifiċi tal-anzjani Beltin, fosthom id-dipendenza, in-nuqqas ta’ mobbiltà, il-faqar u s-solitudni. Ikun programm li jitmexxa mill-anzjani stess.

Norganizzaw attivitajiet maħsubin apposta għall-anzjani biex inħeġġu l-anzjanità attiva u l-impenn u l-parteċipazzjoni tal-anzjani Beltin.

 

Attivitajiet lokali

Il-Kunsill jibqa’ jorganizza Jum il-Belt Valletta u jżid l-involviment tar-residenti.

Niżguraw li jiġu organizzati aktar attivitajiet li jseddqu l-għaqda fil-komunità fi żminijiet partikolari, fosthom fil-Milied, fil-Karnival, fi żmien l-Għid u fil-ġimgħa tal-festa.

Norganizzaw ukoll attivitajiet li jżidu l-għarfien dwar il-Belt Valletta fost ir-residenti, u nissoktaw nagħtu rikonoxximent lill-Beltin li taw kontribut lil-lokalità.