ŻOMM AĠĠORNAT:

 

Iż-Żurrieq

Introduzzjoni

Iż-Żurrieq illum għandha popolazzjoni ta’ madwar 10,600 persuna. Bħall-bqija tal-lokalitajiet f’Malta, iż-Żurrieq għandha bosta ħtiġijiet lokali partikolari li joħolqu ċertu sfida lill-Kunsill Lokali u lill-kunsillieri li se jiġu eletti f’Mejju li ġej, biex tassew jintlaħqu l-aspettattivi tar-residenti u biex iż-Żurrieq tibqa’ tingħata l-attenzjoni li jixraqilha.

Il-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta wkoll proposti siewja, imfassla skont il-bżonnijiet ta’ din il-lokalità, u l-kunsillieri kollha eletti f’ismu qed jimpenjaw ruħhom li jmexxuhom ’il quddiem matul il-leġiżlatura li jmiss tal-Kunsilli Lokali.

Barra minn hekk, dan il-Kunsill jibqa’ jżomm relazzjoni tajba mal-Kunsilli Lokali tal-madwar, fosthom tal-Qrendi, tal-Imqabba, ta’ Ħal Safi u ta’ Ħal Kirkop, biex ikun jista’ jwettaq il-ħidma tiegħu li tkun teħtieġ il-koperazzjoni ta’ Kunsilli oħrajn.

 

L-infrastruttura

Bankini

Il-Kunsill taż-Żurrieq jissokta bil-programm ta’ tiswijiet tal-bankini biex ir-residenti jkollhom bankini ta’ kwalità li jagħtuhom is-sigurtà li jixtiequ u li jkunu aċċessibbli għall-anzjani, għall-persuni b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa. Naraw li l-bankina tat-triq lejn il-Blue Grotto Avenue tinbena mill-ġdid

Niżguraw li nneħħu l-perikli li wħud mill-bankini qed joħolqu biex nevitaw l-inċidenti u li nibnu oħrajn ġodda skont il-bżonn.

Toroq

Il-Kunsill jibqa’ jagħmel pressjoni fuq il-gvern ċentrali biex iwettaq dak li wiegħed, jiġifieri li fis-snin li ġejjin jagħmel it-toroq kollha taż-Żurrieq.

Fl-istess waqt, il-Kunsill se jkompli għaddej bit-tiswija tat-toroq tal-lokalità biex ikunu evitati l-inċidenti u l-ħsarat fil-vetturi li jużawhom.

Naħdmu biex f’toroq li jżommu ħafna ilma tax-xita, fosthom Vjal l-Indipendenza, Triq San Martin u Triq Santa Katerina nimplimentaw sistema tal-ġbir tal-ilma biex ma jibqax jinħoloq inkonvenjent għar-residenti. 

Playing fields, ġonna, pjazez u żoni miftuħa

Il-Kunsill Lokali jiżgura li tibqa’ ssir il-manutenzjoni tal-playing fields, tal-ġonna u tal-ispazji miftuħa biex jinżammu dejjem fi stat tajjeb għar-residenti. Nirrinovaw Ġnien it-Tfal taż-Żurrieq u ndawluh b’sistema tad-dawl li tirrispetta l-ambjent tal-madwar.

Nagħtu importanza lit-tħaddir urban u lill-infrastruttura soċjali u ċivika li qiegħda fir-responsabbiltà tal-Kunsill.

 

It-traffiku u l-parkeġġ

Nagħrfu li l-problema tal-parkeġġ qed kulma jmur tiżdied u għalhekk il-Kunsill jeħtieġ isib mezz biex jinħolqu spazji għal aktar parkeġġ, b’mod partikolari fiż-żoni taż-Żurrieq li qed ibatu l-iżjed minn din il-problema.

Nidentifikaw u nimplimentaw mogħdijiet għar-roti biex nippromwovu u nħajru aktar residenti jużaw ir-roti għall-qadi u l-ħtiġijiet fil-lokalità. Inżidu l-għadd ta’ slottijiet għar-roti madwar il-lokalità u nippromwovu l-użu tar-roti kondiviżi li jistgħu jintużaw mill-komunità lokali.

Wara li jiġu konsultati r-residenti, naħdmu biex isir pjan serju tal-immaniġġjar tat-traffiku fit-toroq taż-Żurrieq biex ir-residenti jħossuhom aktar komdi u siguri jivvjaġġaw fir-raħal.

Inżidu ż-zebra crossings fejn hu meħtieġ u ntejbu d-dawl ta’ wħud minnhom fosthom dawk ta’ Vjal ix-Xarolla.

 

It-trasport pubbliku

Fejn jidħol is-servizz tal-karozza, nirsistu biex iż-Żurrieq tkun moqdija aħjar skont il-bżonnijiet tar-residenti.

Ninstallaw stejġijiet ta’ tal-linja ġodda f’Bubaqra, fi Triq Wied Babu u fi Vjal ix-Xarolla.

 

Is-sigurtà

Il-Kunsill jiżgura li fiż-żoni magħrufa għall-abbużi jitwaħħlu sistemi tas-CCTV ta’ kwalità biex jonqsu l-abbużi u l-atti vandali, u biex ir-residenti jgħixu aktar b’moħħhom mistrieħ.

Nagħmlu pressjoni fuq l-awtoritajiet kompetenti biex tiżdied il-preżenza tal-pulizija fit-toroq speċjalment fil-ħinijiet ta’ billejl.

Nagħmlu pressjoni biex l-għassa tal-pulizija tkun miftuħa billejl u binhar u li din tiġi attrezzata aħjar.

 

L-ambjent u l-indafa

Il-Kunsill ikompli jaħdem fuq proġetti ta’ enerġija alternattiva u rinnovabbli, speċjalment fit-toroq tal-lokalità. Ifassal programm ċar għat-toroq li jkun jimplimenta sistemi tad-dawl iġġenerat minn sorsi alternattivi tal-enerġija.

Inwettqu proġetti oħrajn tal-enerġija rinnovabbli fiż-żoni pubbliċi, fosthom billi nesploraw il-possibbiltà ta’ ħidma bi sħab mal-entitajiet lokali ħalli jitwaħħlu panelli solari fuq postijiet pubbliċi, u mezzi oħrajn għal enerġija alternattiva.

Il-Kunsill jeħtieġ juża l-ispazji tat-tħawwil bl-aħjar mod, u jara li jinżammu dejjem fi stat tajjeb. Infasslu pjan biex jinstabu żoni oħrajn li jistgħu jissebbħu bix-xtieli u bis-siġar fosthom fi Triq Bronja u fi Triq Wied iż-Żurrieq.

Flimkien mal-awtoritajiet kompetenti, nagħtu prijorità lill-indafa tal-lokalità. Barra minn hekk, niżguraw li l-iskart jinħareġ u jinġabar fil-ħin u kif suppost, u li l-kuntratt tal-knis tal-lokalità jitħaddem kif mistenni.

Inwettqu aktar proġetti ta’ manutenzjoni u tisbiħ tal-lokalità permezz ta’ dawl u pavimentar moderni għall-mixjiet u l-pawsiet.

Nesploraw il-possibbiltà ta’ skipps taħt l-art biex nagħtu prijorità lill-indafa u nneħħu ħafna mill-irwejjaħ u l-inkonvenjent li l-iskipps fl-apert qed jikkawżaw.

Nissoktaw b’għadd ta’ inizjattivi siewja relatati mal-immaniġġjar tal-iskart.

Inkomplu l-installazzjoni tal-laned għall-ħmieġ tal-annimali madwar il-lokalità.

 

L-edukazzjoni u l-kultura

Il-Kunsill jibqa’ jżomm relazzjoni tajba mal-iskola primarja tal-lokalità.

Inkomplu nżidu l-għadd ta’ korsijiet li noffru lill-komunità taż-Żurrieq ħalli r-residenti jkollhom l-opportunità jtejbu l-ħiliet u l-għarfien tagħhom. Fost dawn hemm korsijiet fl-informatika, għal min irid jitgħallem juża l-kompjuter u l-internet, u għal min irid jikseb ċertifikat fl-ECDL, sessjonijiet ta’ artiġjanat, korsijiet fil-lingwi, fl-istili ta’ ħajja sana, u fit-tisjir, u bosta taħditiet informattivi.

Minn żmien għal żmien, inqassmu materjal edukattiv biex ir-residenti taż-Żurrieq jibqgħu infurmati dwar l-inizjattivi u l-attivitajiet li jkunu qed iseħħu fil-lokalità.

Nirrestawraw il-postijiet u l-attrazzjonijiet storiċi taż-Żurrieq u nżommuhom fi stat tajjeb. Inwaħħlu tabelli informattivi u sinjalar aħjar biex intejbu l-aċċess għalihom.

Infasslu programm edukattiv dwar iż-żoni tal-widien u tal-irdumijiet, speċjalment dwar dawk ta’ Natura 2000.

Norganizzaw korsijiet fi snajja’ li qed jispiċċaw, fosthom fil-bini tal-ħitan tas-sejjiegħ.

 

L-isport

Nippromwovu l-użu tar-roti fil-qalba taż-Żurrieq u nkomplu ninstallaw l-islottijiet għar-roti madwar il-lokalità.

Nibqgħu nkunu pjattaforma tajba għall-inizjattivi sportivi fil-lokalità biex nagħtu sehemna fil-ġlieda kontra l-vizzji u l-obeżità, u biex aktar tfal, adolexxenti u żgħażagħ jinvolvu ruħhom b’mod attiv fl-isports.

 

L-għaqdiet fil-lokalità u ż-żgħażagħ

Il-Kunsill jimpenja ruħu li jtejjeb u jkattar il-kuntatt mal-għaqdiet tal-lokalità għall-benefiċċju ta’ dawk kollha involuti.

Nerġgħu nwaqqfu l-Kunsill taż-Żgħażagħ biex iż-żgħażagħ ikunu protagonisti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-lokalità.

Niżguraw li l-għaqdiet lokali jingħataw aktar involviment attiv fil-komunità taż-Żurrieq, mhux biss biex jiżdied l-għarfien dwarhom iżda anki biex ir-residenti jitħajru jagħtu sehemhom fl-għaqdiet u fil-volontarjat.

Ngħinu lill-għaqdiet lokali b’kull mezz, kemm bil-promozzjoni tal-attivitajiet li jorganizzaw fiż-Żurrieq u anki billi nipprovdulhom il-faċilitajiet tal-lokalità.

 

Komunikazzjoni u konsultazzjoni

Il-Kunsill Lokali jeħtieġ jibqa’ jikkonsulta lir-residenti f’kull inizjattiva tiegħu li tkun tolqot direttament lir-residenti. Nibqgħu viċin in-nies biex nibqgħu nagħrfu l-ħtiġijiet u l-aspettattivi tagħhom u biex nisimgħu l-ideat tagħhom għal lokalità aħjar.

Nipprovdu bosta servizzi ġodda online biex ir-residenti jinqdew minn djarhom, filwaqt li naraw li l-uffiċċju tal-Kunsill isir one-stop-shop għal ħafna mis-servizzi biex il-komunità taż-Żurrieq tkun tista’ tinqeda fil-lokalità tagħha stess.

Norganizzaw ukoll attivitajiet li jżidu l-għarfien dwar iż-Żurrieq fost ir-residenti. Barra minn hekk nipprovdu informazzjoni aktar spissa lir-residenti permezz tal-bulettin li jippubblika l-Kunsill minn żmien għal żmien.

Inħaddmu l-vantaġġi li tipprovdi l-midja soċjali biex ir-residenti jibqgħu infurmati kontinwament bl-inizjattivi li jkunu qed jittieħdu. Nagħtu aċċess lill-għaqdiet lokali għall-midja soċjali tal-Kunsill biex itejbu l-komunikazzjoni tagħhom u biex jippromwovu l-attivitajiet li jkunu qed jorganizzaw.

 

Il-komunità kummerċjali

Il-Kunsill jibqa’ jżomm kuntatt frekwenti mas-sidien tal-entitajiet kummerċjali lokali biex inwettqu ħidma li tgħin lir-residenti u lil dawk li għażlu li jinvestu n-negozju tagħhom fiż-Żurrieq.

Nirsistu biex indaħħlu l-mentalità u l-kultura ta’ ħwienet u ristoranti pet-friendly.

 

Il-Fondi Ewropej

Ningaġġaw u ninvolvu lil persuni esperti fil-fondi Ewropej biex jiġu identifikati oqsma li jattiraw il-fondi tal-Unjoni Ewropea. Din l-inizjattiva għandha tinkludi wkoll lill-għaqdiet tal-lokalità biex anki huma jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-fondi tal-Unjoni Ewropea.

 

Il-lat soċjali

Il-Kunsill jagħti importanza kbira lil-lat soċjali tal-komunità, u għaldaqstant tul il-leġiżlatura se nibqgħu nappoġġaw il-proġetti li jagħmlu l-ġid fil-ħajja ta’ kuljum tal-komunità taż-Żurrieq.

Naħdmu biex il-Kunsill ifassal il-politika għal-lokalità b’rabta mal-persuni b’diżabbiltà, il-familji u t-trobbija tal-ulied, il-ġlieda kontra l-vizzji, il-faqar, l-illitteriżmu u l-obeżità. Flimkien mal-esperti, inħejju programm ta’ ħidma soċjali li jkun ta’ fejda għal bosta familji u individwi li jeħtieġu l-appoġġ. Ikun programm li jinkludi lill-anzjani, lit-tfal, lis-single parents, lill-persuni b’ħiliet differenti, lill-persuni li jgħixu waħedhom u lil dawk li jgħaddu minn xi diffikultajiet partikolari.

Nesploraw il-possibbiltà li jinfetaħ Ċentru ta’ Matul il-Lejl.

Intejbu ċ-ċentru tas-saħħa u nagħmlu pressjoni biex jiżdiedu s-servizzi u l-kura li dan joffri, biex aktar residenti jinqdew mil-lokalità.

 

Attivitajiet Lokali u l-Jum tal-Festa

Niżguraw li jiġu organizzati aktar attivitajiet li jseddqu l-għaqda fil-komunità fi żminijiet partikolari, fosthom fil-Milied u fi żmien l-Għid.

Nagħtu sehemna fil-jiem tal-festi Żurriqin biex ikunu mezz ta’ għaqda u ħidma kollaborattiva u vetrina għat-talenti lokali.