ŻOMM AĠĠORNAT:

Introduzzjoni

Il-Mellieħa llum għandha popolazzjoni ta’ aktar minn 10,000 persuna. Bħall-bqija tal-lokalitajiet f’Malta, il-Mellieħa għandha bosta ħtiġijiet lokali partikolari li joħolqu ċertu sfida lill-Kunsill Lokali u lill-kunsillieri li se jiġu eletti f’Mejju li ġej, biex tassew jintlaħqu l-aspettattivi tar-residenti u biex il-Mellieħa tibqa’ tingħata l-attenzjoni li jixirqilha.

Għalhekk, minbarra grupp imdaqqas ta’ kandidati, il-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta wkoll għadd ta’ proposti siewja, imfassla skont il-bżonnijiet ta’ din il-lokalità, u l-kunsillieri kollha eletti f’ismu qed jimpenjaw ruħhom li jmexxuhom ’il quddiem matul il-leġiżlatura li jmiss tal-Kunsilli Lokali.

Barra minn hekk, dan il-Kunsill jeħtieġ iżomm relazzjoni tajba mal-Kunsilli Lokali tal-madwar, fosthom tal-Mosta, tal-Imġarr, ta’ San Pawl il-Baħar u tan-Naxxar biex ikun jista’ jwettaq il-ħidma tiegħu li tkun teħtieġ il-koperazzjoni ta’ Kunsilli oħrajn.

L-infrastruttura

Bankini

Il-Kunsill tal-Mellieħa jissokta bil-programm ta’ tiswijiet tal-bankini biex ir-residenti jkollhom bankini ta’ kwalità li jagħtuhom is-sigurtà li jixtiequ u li jkunu aċċessibbli għall-anzjani, għall-persuni b’diżabbiltà jew b’mobbiltà mnaqqsa.

Niżguraw li nneħħu l-perikli li wħud mill-bankini qed joħolqu biex nevitaw l-inċidenti u li nibnu oħrajn ġodda skont il-bżonn.

Toroq

Il-Kunsill jibqa’ jagħmel pressjoni fuq il-gvern ċentrali biex iwettaq dak li wiegħed, jiġifieri li fis-snin li ġejjin jagħmel it-toroq kollha tal-Mellieħa, filwaqt li nużaw il-mezzi kollha biex dak li seħħ fil-bypass tal-Mellieħa/fiż-żona Ta’ Masrija u fid-daħla tal-Mellieħa ma jirrepetix ruħu ħalli nippriżervaw il-karatteristiċi tal-lokalità.

Fl-istess waqt, il-Kunsill se jkompli għaddej bit-tiswija tat-toroq tal-lokalità biex ikunu evitati l-inċidenti u l-ħsarat fil-vetturi li jużawhom.

Playing fields, ġonna, pjazez u żoni miftuħa

Il-Kunsill Lokali jiżgura li tibqa’ ssir il-manutenzjoni tal-playing fields, tal-ġonna u tal-ispazji miftuħa biex jinżammu dejjem fi stat tajjeb għar-residenti.

Nagħtu importanza lit-tħaddir urban u lill-infrastruttura soċjali u ċivika li qiegħda fir-responsabbiltà tal-Kunsill.

Inżidu l-ispazji miftuħa fil-lokalità biex ir-residenti u l-familji Melliħin ikollhom żoni apposta għar-rikreazzjoni, fosthom belvedere fi Triq l-Assedju l-Kbir.

Inniedu proġett li jagħti dehra moderna lill-pjazza tar-raħal u naraw li din tibqa’ tinżamm fi stat tajjeb, filwaqt li nsibu lok għal latrina pubblika.

It-traffiku u l-parkeġġ

Inwettqu studju estensiv dwar l-impatt tat-traffiku fil-Mellieħa u proċess ta’ konsultazzjoni mar-residenti u n-negozji biex ikunu nistgħu nieħdu deċiżjonijiet fl-interess tal-lokalità u dawk kollha involuti.

Nagħrfu li l-problema tal-parkeġġ qed kulma jmur tiżdied u għalhekk il-Kunsill jeħtieġ isib mezz biex jinħolqu spazji għal aktar parkeġġ, b’mod partikolari fiż-żoni tal-Mellieħa li qed ibatu l-iżjed minn din il-problema.

It-trasport pubbliku

Il-Kunsill Lokali jaħdem mal-awtoritajiet biex fil-Mellieħa nesploraw il-possibbiltà li jonqos il-fluss ta’ karozzi tal-linja fiċ-ċentru tal-lokalità u biex fl-istess waqt niżguraw li r-residenti jkunu moqdijin sew.

Nieħdu ħsieb li titkompla l-ħidma fuq l-installazzjoni ta’ stejġijiet ta’ tal-linja madwar il-lokalità.

Naħdmu biex tittaffa l-problema tat-trasport pubbliku billi nistudjaw il-possibbiltà li jitħaddem servizz ta’ minivan li jikkumplimenta s-servizz tal-gvern, biex ir-residenti jkunu jistgħu jużaw aħjar is-servizzi taċ-ċentru tas-saħħa u tal-banek.