Illum qed infakkru 100 sena mill-ewwel sessjoni tal-Kamra tar-Rappreżentanti.

Tliet punti ewlenin – passat, preżent, ġejjieni

L-ewwel nett - dan l-anniversarju huwa okkażjoni tajba biex inħarsu lura lejn il-kisbiet kbar li għamilna bħala poplu grazzi għad-demokrazija parlamentari.

It-tieni - Din hija okkażjoni importanti wkoll biex inħarsu ħarsa madwarna u bla tlaqliq nidentifikaw dak li qed jaħdem u dak li mhux qed jaħdem f’din il-kamra tar-rappreżentanti.

U it-tielet - bla dubju il-100 sena anniversarju tal-Parlament Malti jrid ikun ukoll okkażjoni biex inħarsu lejn il-ġejjieni – irid ikollna l-kuraġġ li nfasslu d-direzzjoni li fiha rridu nieħdu dan il-poplu Malti permezz ta’ dan il-Parlament.

Kisbiet u memorji

Din il-kamra li kienet strumentali biex pajjiżna kiseb l-indipendenza u s-sħubija fl-Unjoni Ewropea meta l-argumenti ta’ bejnietna kienu dwar l-għażliet il-kbar li kellna nieħdu bħala poplu dan il-parlament welled il-prosperità mid-djalogu. Mill-konfrontazzjoni, kultant anke b’qilla, wittejna t-triq għal poplu magħqud u konvint fir-rieda tiegħu.

Meta nħares lejn il-passat ma nistax ma nsellimx ukoll lil dawk il-bosta li taw servizz lill-poplu f’din il-kamra tar-rappreżentanti. Kull wieħed minnha jista’ jsemmi persuni li forsi jiftakar huwa – jew li huma magħrufa aktar f’ċerta distrett flok ieħor.

Tinduna kemm politiċi bħal Pierre Muscat, Alex Cachia Zammit u Frederick Azzopardi li kien magħna hawn sa ftit żmien ilu, u ħafna oħrajn miż-żewġ naħat tal-kamra ħallew legat lil dan il-poplu meta tmur fid-djar u, wara għexieren ta’ snin, in-nies jibqgħu isemmu r-relazzjoni unika li kellhom ma dawn id-deputati li dejjem taw servizz lill-komunità.

Din trid tkun l-akbar ambizzjoni tagħna – li nkunu ta’ servizz għan-nies, li nkunu ta’ fejda għal din l-art li tant inħobbu u li tant tħobbna.

L-Istat tal-Kamra llum: Parlament bla snien, Backbenchers mixtrija

It-tieni punt li ridt nagħmel huwa dwar l-istat tal-kamra tar-rappreżentanti llum.

Din il-kamra qed issir bla snien.

Fl-aħħar ġimgħat kellna Kumitat jistieden lil deputat jersaq jirrispondi ta’ ghemilu u dan ghal tlett darbiet - jibqa’ juri diżrispett lill-poplu Malti –u issa tana data biex jersaq kumdita’ tiegħu.

Aħna jidhrilna li din il-kamra trid turi aktar rispett lejha nnifisha u tara li jkunu rispettati id-dritt tal-poplu Malti li jitlob rendikont. Hawn ħadd mhu il-fuq minn ħadd!

Nixtieq nenfasizza wkoll li aħna ma naqblux li jintużaw rulings u preċedenti parlamentari biex jgħattu aġir ta’ xi ħadd – il-poplu għandu jkun l-unika sovran f’dan il-parlament - u għalhekk jiena jidhirli li kien żball meta din il-kamra ċediet lil Joseph Muscat milli jii hawn biex jirrispondi għal għemilu – nittama li tali żbalji ma jsirux fil-ġejjieni.

Din il-kamra trid tkun il-post fejn il-poplu jitlob rendikont. Il-ftit għodda li għandna biex nagħmlu dan ġibtuhom farsa. Nistaqsu domandi parlamentari u l-Ministru lanqas ikun preżenti biex jirrispondihom!

L-isktrutinju li jippretendi l-poplu għandu jiġi miż-żewġ naħat tal-kamra. Il-backbenchers tal-gvern ukoll suppost jagħmlu skrutinju fuq il-ministri iżda dawn kif tridhom jiftħu ħalqhom jekk xtrajtuhom kollha? Ħarsu lejn il-backbenchers – kollha qegħdin chairmen ta’ xi awtorità u jdaħħlu paga aktar minn Ministru. Xi sktrutinju tista’ tistenna minn deputati mixtrija?

 

Il-Ġejjieni

Nixtieq naqsam magħkom issa l-perspettiva tal-Partit Nazzjonalista dwar il-ġejjieni ta’ din il-Kamra. Ha ngħida ċara kemm jista’ jkun - aħna naħsbu li dan il-Parlament mhux ekwipaġġat biex jaqdi dmiru fis-sena 2021.

Sinjuri, l-Unjoni Ewropea lil dan il-Parlament tatu l-fakultà prezzjuża mmens li jgħid x’jaħseb fuq il-proposti ta’ liġijiet Ewropej. Kemm qed nużawa din l-għodda?

Kif nistgħu nużawa din l-għodda b’ Membri Parlamentari Part-time u bla assistenti parlamentari?

Fis-sitwazzjoni attwali qed nirriskjaw li Malta tonqos milli tkun protagonista fl-iffurmar tal- liġijiet Ewropej li jolqtu lill-familji, in-negozji u z-zgħazagħ tagħna.

Iż-żminijiet jinbidlu u ż-żminijiet tal-llum jirrikjedu impenn dejjem aktar dettaljat mill-Membri Parlamentari li jeħtieġ jifhmu aħjar l-iżviluppi ta’ madwarna qabel jiddeċiedu fuq emendi u liġijiet. Aħna tlajna hawnhekk biex nirrapprezentaw lill-poplu b’mod professjonali – iżda qed nintalbu nirrapreżentaw lill-poplu mingħajr ir-riżorsi meħtieġa.

Aħna vera pajjiż żgħir iżda l-ambizzjoni u l-bżonnijiet tal-poplu tagħna ma humiex iżgħar minn dawk ta’ popli kbar madwarna. Aħna l-unika parlament fl-Ewropa li mingħalina ser naqdu lill- poplu bix-xogħol part-time, bla riċerka u bla riżorsi.

Jiena nara ġejjieni fejn din il-kamra titlob skrutinju lil kull persuna f’pajjiżna bi rwol pubbliku. Jiena nixtieq nara per eżempju dawk inkarigati, fil-passat u fil-preżent, mill-FIAU, mill- Pulizija u mill-MFSA jiġu jagħtu rendikont dettaljat tad-doveri tagħhom biex Malta tasal li tiġi Grey listed u biex Malta tasal fl-istat ta’ Impunita li waslet fih skont l-inkjesta tat-tlett Imħallfin.

Kamra li tattira l-krema tas-soċjetà

Jiena nara ġejjieni fejn din il-Kamra tattira lejha l-krema tas-soċjeta Maltija. Il-Prim Ministru qala b’nofs kliem – ammetta li jrid jara nies tekniċi b’responsabbilitajiet ministerjali - jiena

ngħid flok indaħħlu t-tekniċi minn barra l-parlament irridu l-ewwel nindirizzaw bis-serjetà r- raġunijiet għaliex in-nies tekniċi u professjonisti qed iżommu l-bogħod mill-politika.

Ma tantx għandek bżonn tirrifletti fil-fond biex tifhem għaliex il-professjonist, iż-żagħżugħ u n-negozjant serju ilkoll iridu jżomm lura mill-politika hija l-istess raġuni għala 70% taż- żgħażagħ qed jgħidulkom – xebbajtuna nippreferu ndabbru rasna barra minn Malta milli nibqgħu hawn.

Dan qed jagħmluh għax intom ħammiġtu l-ideal li bih jikbru t-tfal tagħna. Ħammiġtu l-ideal tal-politika nnifisha bħala għodda li tista’ twettaq il-ġid. Bil-labour fil-gvern spiċċajna nitkellmu aktar fuq l-aġir tal-politikanti flok nitkellmu fuq l-għażliet politiċi.

Għamilna mijiet ta’ siegħat nitħaddtu l-aġir ta’ Rosianne, ta’ Edward, ta’ Konrad, ta’ Ian u ta’ Carmelo, u ħadna l-ħin fejn stajna niddiskutu kif pajjiżna jeħtieġ jipprepara ruħu għar- revoluzzjoni diġitali, għat-tibdil fil-klima jew għall-ekonomija l-ħadra.

Dan huwa fejn ġibtu lill-politika intom sinjuri.

Jiena rrid ġejjieni aħjar għall-Maltin u ġejjieni aħjar anke għal din il-kamra li trid issir il-post fejn nitħaddtu l-għażliet tal-poplu tagħna flok l-iskandli tal-politikanti li suppost jirrapreżentawh.

Għalhekk qed nagħmel impenn solenni magħkom, aħna ser innaddfu l-politika għax aħna nemmnu li inti ħaqqek aħjar. Aħna nemmnu li l-politika irid ikollha skop wieħed biss - li taqdi lilek. Għalhekk irridu parlament li jkunu kapaċi li jaqdik. Irridu parlament fejn dawk li jirrapreżentawk iridu jagħtu rendikont kull meta - flok jaqduk ikunu qed jinqdew bik!

Bernard Grech

About

Kap tal-Partit Nazzjonalista. Kandidat għall-Elezzjoni Ġenerali fuq il-5 u il-11 Distrett.