12 il-miżura proposta ta’ Gvern ġdid Nazzjonalista għall-ħarsien tal-annimali

Għajnuna lil cat-feeders, Programmi Nazzjonali ta’ Micro-chipping u Neutering u pieni aktar ħorox għall-moħqrija. Il-ħarsien tad-drittijiet ta’ l-annimali trid tkun riflessjoni aħjar ta’ soċjeta’ aktar avvanzata. 12 il-miżura proposta ta’ Gvern ġdid Nazzjonalista għall-ħarsien tal-annimali.

Kollha kemm aħna nixtiequ nevitaw li nerġgħu nisimgħu b’aħbarijiet ta’ moħqrija ta’ annimali, abbuż u traskuraġni li biha jbatu ħlejjaq innoċenti, iżda biex nassiguraw dan hemm bżonn ta’ miżuri aktar sodi u mmirati. Għaldaqstant illum il-PN qed iħabbar 12-il-miżura li tindirizza sfidi partikolari.

Dan kien il-messaġġ tal-Kelliem Peter Agius flimkien mal-Kandidati Rebekah Cilia u Bernice Bonello waqt it-tnedija ta’ 12-il-miżura proposta ta’ Gvern ġdid Nazzjonalista għall-ħarsien tal-annimali. Minn pieni aktar ħorox għall-moħqrija tal-annimali, sa programmi nazzjonali ta’ micro-chipping u kampanji ta’ neutering, Gvern ġdid Nazzjonalista ser ikun qed jara li:

  1. Inżidu l-funzjonijiet, il-poteri u r-riżorsi tal-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali.
  2. Flimkien mal-veterinarji f’pajjiżna nagħmlu kampanja nazzjonali sabiex jissewwew annimali abbandunati (National Neutering Campaign).
  3. Inħarrxu l-pieni għal min jaħqar l-annimali jew iżommhom f’kundizzjonijiet mhux xierqa.
  4. Stabbilimenti li qed iservu bħala ‘zoo’ jiġu regolati b’mod li jitħares l-aħjar interess ta’ l-annimali f’operat ristrett u kontrollat mill-awtoritajiet, filwaqt li ma’ jiġux permessi aktar stabbilimenti simili ġodda.
  5. Insaħħu l-mezzi ta’ infurzar u nħarxu l-pieni fil-konfront ta’ min jimporta annimali mingħajr il-permessi neċessarji.
  6. Filwaqt li tinstab soluzzjoni fl-aħjar interess ta’ l-annimali eżotiċi li hawn f’pajjiżna, b’effett immedjat tiġi projbita l-importazzjoni u t-trobbija ta’ aktar annimali ta’ dan it-tip mingħajr permess minn qabel.
  7. Naċċeleraw il-programm ta’ microchipping tal-qtates sabiex innaqqsu l-abbandun u s-serq tagħhom.
  8. Nagħmlu kampanji edukattivi u ndaħħlu aktar inċentivi, fosthom l-użu ta’ veterinarji u sptarijiet sussidjat, biex inħajjru lin-nies jaddottaw minflok jixtru annimal.
  9. Nirregolaw aħjar l-attivitajiet marbutin mat-trobbija tal-klieb u l-qtates.
  10. Inniedu programm intiż biex jassisti, permezz ta’ faċilitajiet u finanzjament, lil dawk il-persuni li volontarjament jitimgħu il-qtates.
  11. F’kull zona pubblika ewlenija madwar Malta u Ghawdex ghandu jkun hemm park li jkun animal-friendly sabiex tissaħħaħ il-kultura li l-annimali huma meqjusin parti mill-familja.
  12. Inwettqu l-proġett taċ-ċimiterju ta’ l-annimali.Dawn il-proposti jinbdew jitwettqu ilkoll fl-ewwel mitt jum ta’ Gvern ġdid Nazzjonalista bil-maġġor parti tagħhom ikunu implimentati fl-ewwel sena tal-leġislatura.

Dawn il-proposti qed jiġu preżentati wara konsultazzjoni ta’ diversi persuni u għaqdiet fis-settur. Il-Partit Nazzjonalista jistieden lil kull min huwa interessat jersaq lejna għal spjegazzjoni aktar dettaljata tal-proposti u kif ser jitwettqu.

 

 

Partit Nazzjonalista

About

Aħna lesti biex inkunu MIEGĦEK 💪 Miegħek. Għal Malta 🇲🇹 pn.org.mt