Dan huwa suġġett li studjajtu sew bejn is-sena 2006 u 2008 meta kont Head of Secretatiat fl-MUDR. Kelli diġa il-pjan konċettwali / ġenerali imma kont qed ninsisti li kien għad iridu jsiru studji fil-fond qabel ma tkun tista’ titieċed xi forma ta direzzjoni generali. Sfortunatament wara l-elezzjoni tal-2008, tbiddel il-Ministru u waqaf kollox. Peress li dan is-suġġett issa qam fl-attenzjoni pubblika wara iktar minn tlettax-il sena li twaqqaft minn minustru ta’ gvern nazzjonalista, nixtieq ngħaddi ħsibijiet u kunsiderazzjonijiet li akkwistajt mill-għarfien u esperjenzi tiegħi. Hemm ħafna x’nista’ ngħid u nikkontribwixxi, imma għal issa se nullimita ruħi għal kunsiderazzjonijiet relevanti fil-mument u stadju eżistenti. Qabel ma xi ħadd jibda jħażżeż minn fejn se tgħaddi u x’forma tista’ tieħu sistema ta’ mass transport bħal underground u/jew xi forma ta’ light rail u/jew monorail u/jew etc., l-ewwel irid isir studju dettaljat tal-ħtiġijiet ta’ mobilita tal-poplu kollu; minn fejn jitilqu u fejn imorru, il-ħin tal vjaġġ, frekwenza, etc. Dan ikun meħtieġ biex b’hekk ikunu determinati ċentri ta’ fejn jiggravita il-fluss. Ma ninsewx li sistema bħal din hija waħda li titlob investiment qawwi ħafna li tkun piż kbir fuq l-ekonomija. Li naqbdu u nħażżu linji minn ċentru abitat għal ieħor mingħajr ma kull linja tkun valutata sew ikun dnub sagrilegu għax dik tispiċċa tkun riċetta li twassal għal kundanna ta’ mewt minn qabel ma l-proġett jitwieled. Qatt ma nistgħu ninjoraw il-‘profitabilita’ (mhux biss immedjatament monitarji) hija kritika. Ma ninsewx li għax fil-passat f’ Malta l-esiġenzi tal-ferrovija li kienet inbniet kienu biss ibbażati fuq eżiġenzi militari, din is-sistema ta’ trasport malajr falliet! Minħabba dan, ma narax li tista’ tinħoloq sistema universali għal dawn il-gżejjer li tkun meħuda fiha nnifisha imma trid tinbena sistema magħmula minn numru ta’ modi ta’ trasport minsuġa flimkien b’mod li ma jkunx hemm ‘skossi’ biex wieħed jibdel minn wieħed għal ieħor filwaqt li toffri l-iktar sistema bl-ikbar firxa geografika u l-aktar konvenjenti u attrajenti. Qabel ma tista’ issir konsultazzjoni oġġettiva, huwa imperattiv li jsiru studji serji (fosthom li semmejt hawn fuq imma mhux biss), u skont dak li joħroġ minn dawn l-istudji jitfasslu għażliet alternattivi diversi. Hemm biss tista’ issir il-vera konsultazzjoni mgħarrfa u mhux waħda bbażata biss fuq impressjonijiet u gosti personali.