ŻOMM AĠĠORNAT:
80 proposta mill-PN biex in-nies ikollhom Kunsilli Lokali aħjar
Il-Partit Nazzjonalista jippreżenta dokument dwar ir-riforma tal-Kunsilli Lokali
“In-nies jixriqilhom li jkollhom Kunsilli Lokali li jservu bl-aħjar mod lir-residenti fl-ibliet u l-irħula madwar Malta u Għawdex.” Hekk qal id-Deputat Robert Cutajar waqt it-tnedija tad- dokument ta’ proposti tal-Partit Nazzjonalista dwar il-Kunsilli Lokali, sabiex tonqos il- burokrazija u jservu lin-nies aħjar.
Robert Cutajar fakkar kif 25 sena ilu kien il-Partit Nazzjonalista li welled il-Kunsilli Lokali biex ikun hawn deċentralizzazzjoni tal-poter, li jkun ta’ servizz u aktar qrib tan-nies. Huwa qal li l-Kunsilli Lokali rnexxew u n-nies huma kapaċi li jipparteċipaw bl-aħjar, fil-proċess demokratiku sabiex jeleġġu r-rappreżentanti li jridu fil-Kunsilli Lokali. Sfortunatament iżda f’bosta lokalitajiet qed tiżdied il-mewġa tal-kriminalità u għalhekk is-sigurtà għandha tiġi indirizzata.
Il-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta wkoll proposti biex il-finanzi pubbliċi jiġu investiti fil- lokalitajiet. Dan għaliex il-Kunsilli Lokali qed ibatu minn nuqqas ta’ fondi. Il-Partit Nazzjonalista jrid li l-fondi pubbliċi jitgawdew min-nies fil-lokalitajiet fejn huma jgħixu u fost il-proposti mressqa ġie propost li fl-aħħar tliet xhur ta’ kull sena, il-Gvern joħroġ skema b’fondi addizzjonali mal-fondi regolari li l-Kunsilli jingħataw.
Il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi wkoll li parti mid-dħul li jiġi ġġenerat fil-lokalità, bħall-użu tal-art u l-permessi, tmur għand il-Kunsill Lokali. Dan biex il-Kunsilli Lokali jkunu jistgħu jaħdmu aħjar u nassiguraw li jkollhom fondi biżżejjed biex ħidmithom tissaħħaħ.
Charles Bonello qal li filwaqt li għall-Partit Nazzjonalista, l-Kunsilli Lokali nħolqu biex iservu lin-nies, il-Partit Laburista jaħseb li qegħdin hemm biex iservu lill-Gvern. Hija ħasra li l-Gvern qed inaqqas il-poteri li kellhom il-Kunsilli.
Huwa spjega li permezz tad-dokument dwar il-Kunsilli Lokali, il-Partit Nazzjonalista jrid jara li l-Kunsilli Lokali jkollhom aktar awtorità biex iservu aħjar lin-nies u jsolvu l-problemi fil- lokalitajiet. Id-dokument jinkludi numru ta’ proposti għal emendi fl-Att tal-Kunsilli Lokali sabiex nassiguraw ħidma aħjar tal-Kunsilli favur ir-residenti.
Pierre Portelli spjega kif il-Kulleġġ Kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista (KKLPN) ħadem fil- qrib għat-tfassil tad-dokument kemm permezz ta’ workshops kif ukoll b’konferenza nazzjonali li saret għall-kunsillieri. Huwa qal li l-Kunsilli Lokali kienu żvilupp pożittiv u għalhekk il-Kunsilli jixirqilhom li jkollhom aktar fondi sabiex verament jkunu jistgħu jwettqu aktar proġetti għan-nies.
Id-dokument dwar il-Kunsilli Lokali tal-Partit Nazzjonalista huwa mqassam fuq ħames prinċipji ewlenin li fost l-oħrajn jikkonċernaw l-amministrazzjoni tal-Kunsilli, u s-sigurtà fil- lokalitajiet. Prinċipji oħra jikkonċernaw aktar koperazzjoni bejn il-Kunsilli Lokali f’reġjuni, aktar flus allokati lilhom u kif il-Kunsilli jistgħu jgħinu fil-problemi soċjali li jkun hemm fil- lokalitajiet.
Robert Cutajar
Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar Kunsilli Lokali, Komunitajiet u Fondi Ewropej
Charles Bonello
Kordinatur tal-Kunsilli Lokali
Pierre Portelli
President tal-Kulleġġ Kunsillieri Lokali Partit Nazzjonalista (KKLPN)
04.04.2018