ŻOMM AĠĠORNAT:
Ħadd mill-kelliema tal-Gvern ma wiegeb dwar il-kumpanija misterjuża 17 Black
“Wara sagħtejn ta’ diskussjoni fil-Parlament l-ebda wieħed mis-seba’ kelliema tal-Gvern ma wieġeb dwar ir-relazzjoni bejn iċ-Chief of Staff Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi mall-kumpanija 17 Black”, hekk qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia wara li ressaq mozzjoni biex fil-Parlament issir diskussjoni dwar 17 Black wara li fil-midja ġie żvelat min hu s-sid ta’ din il-kumpanija f’Dubaj.
Dr Delia qal li tliet snin ilu sirna nafu dwar il-kumpaniji sigrieti fil-Panama Hearnville u Tillgate ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi u tliet ijiem ilu sirna nafu min hu s-sid tal- kumpanija 17 Black, li Keith Schembri u Konrad Mizzi, permezz ta’ Nexia BT kienu qalu li kellhom jirċievu minnghandha €150,000 fix-xahar. Is-sid ta 17 Black huwa l-Kap Eżekuttiv ta’ kumpanija li hija parti mill-konsorzju Electrogas li kienet intgħażlet biex tibni u tħaddem il-power station il-ġdida f’Delimara.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li mal-ewwel ċans f’dawn it-tliet ijiem, huwa ressaq mozzjoni skont l-ordni permanenti 13 tal-aġġornament tal-kamra sabiex issir diskussjoni urġenti fuq din l-aħbar li ġiet irrappurtata fil-midja kemm internazzjonali u lokali u li hija ta’ kwistjoni ta’ importanza pubblika urġenti u ta’ interess nazzjonali.
Adrian Delia qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat għandu jneħħi liċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi wara li fatti ġodda żvelati mill-midja internazzjonali juru li l-kumpaniji sigrieti ta’ Mizzi u Schembri kellhom jieħdu €150,000 ewro fix-xahar mingħand min rebaħ kuntratt pubbliku mingħand il-Gvern.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li l-Prim Ministru ma jistax jibqa’ jaħrab mir- responsabbilità tiegħu u jrid jara li jew Keith Schembri u Konrad Mizzi jirriżenjaw jew inkella jrid jerfa’ r-responsabbilità hu stess. Dan għaliex kull ġurnata li tgħaddi qed tiżdied il- ħsara għar-reputazzjoni ta’ pajjiżna, l-istabbilità ekonomija ta’ pajjiżna u lis-settur tas- servizzi finanzjarji, li joffri l-impjieg lil mijiet ta’ żgħażagħ u professjonisti.
12.11.2018