L-inkompetenza grassa ta’ dan il-Gvern wasslet biex l-AirMalta ser tkun qed tnaqqas 470 ħaddiem li ħafna minnhom ilhom jaħdmu ma’ din il-kumpanija għal għexieren ta’ snin. Il-pjan ta’ ristrutturar li dan il-Gvern issa qed jiftaħar b’tant pompa huwa biss it-tkeċċija ta’ dawn l-impjegati u t-tnaqqis drastiku tal-operat tal-kumpanija nazzjonali tal-ajru.

Il-ħaddiema bir-raġun qed jistaqsu kif inħlew disa’ snin għall-Airmalta. Disa’ snin li raw ministri li riedu jbiegħu l-AirMalta lill-kumpanija falluta u issa magħluqa l-Alitalia. Ministri li riedu jibdew itiru lejn iċ-Ċina, oħrajn jgħidulna li qed tagħmel il-qliegħ, oħrajn jiddeċiedi li jikru 5 ajruplani għall-prezz ta’ €320,000 fix-xahar kull ajruplan, oħrajn li iwaqqfu kumpaniji oħra għall-Ground Handling l-Airmalta Aviation Services (AAS) u jimlewha bin-nies tagħhom. AAS llum hija falluta u li ħadd ma jaf x'saru minnhom iktar minn €5 miljun ewro li kellha għad-dispożizzjoni tagħha din il-kumpanija, u skont informazzjoni li għandna għadha qed tħaddem nies fit-top management! Kellna min “nesa” japplika għat-tender tal-ġarr tal-persuni b’diżabbilta‘ b’telf fid-dħul għall-AirMalta ta €1,000,000 fis-sena.

Dan kollu kien ir-riżultat ta‘ deċiżjonijiet żbaljati li ttieħdu għall-AirMalta mill-2013 l'hawn b'ħames ministri differenti kollha jiddeċiedi u jdawru l-istrateġija kif jaqbel lilhom. Ministri u Gvern li rmew u maqdru kemm felħu il-pjan ta’ risttruttar serju li kien tħejja minn Gvern Nazzjonalista u li kien imfaħħar minn kulħadd.

Illum, wara li għall-disa‘ snin l-Airmalta kienet ridotta għall-Każin tal-Labour b’ impjiegi u salarji esorbitanti għall-tal-qalba, il-kumpanija m'għażlitx li tħaddan il-priċipju tal-last in first out!

Gvern li falla wkoll fit-taħdidiet mal-Kummissjoni Ewropeja. Il-ħaddiema qed isasqu x’inhi ċ-ċifra li l-Ewropa aċċettat għall-AirMalta u bir-raġun qed isaqsu il-għala dan il-pjan ma kienx ippreżentat b'mod kredibbli lill-UE mill-bidu, tant li l-UE bagħtitu lura għax il-Gvern Laburista ħejja pjan bażwi.

U dan kollu illum qed ibagħtih il-ħaddiem ġenwin li verament iħobb lill-AirMalta. Qed jittraduh dawk li jħossuhom parti integrali mill-Kumpanija nazzjonali tal-Ajru.

Gvern Nazzjonalista jerġa’ jagħti lura d-dinjita‘ lill-kumpanija u lill-ħaddiema tagħha. Gvern Nazzjonalista mhux ser ikun qed juża lill-ħaddiema għall-iskopijiet politiċi tiegħu. Mhux ser ikun qed jobbliga lill-ħaddiema jirrikorru fil-media soċjali biex jiktbu kemm jifilħu kontra dak kollu li jipproponi l-PN sabiex b’hekk ikunu qed iroddu xi ħaġa lura b’ ringrazzjament talli tahom l-impieg.

Gvern Nazzjonalista ma jirrikorix għal dawn it-tattiċi tat-tfal. Gvern Nazzjonalista jqajjem lill-AirMalta fuq saqajha għall-ġid tal-industrija tat-Turiżmu, l-ġarr tal-merkanzija u fuq kollox ir-reputazzjoni.

Ivan Castillo

About

A candidate from the people for the people. Kandidat f'isem il-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjoni Ġenerali fuq it-12 Distrett.