Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ b’sodisfazzjon li l-Fond Soċjali Klimatiku se jkun innegozjat mill-Membru Parlamentari Ewropew tal-Partit Nazzjonalista David Casa. Hu se jkun qed jagħmel ir-rapport fuq il-fond b’total ta’ aktar minn €70 biljun f’investiment soċjali u klimatiku.

Bħala Membru tal-Unjoni Ewropea, Malta se jkollha fondi dedikati biex jgħinu liċ-ċittadini jagħmlu investimenti f’sistemi li jużaw enerġija effiċjenti. Dan ifisser li permezz ta’ dan il-fond se jiġu ffinanzjati proġetti li jnaqqsu l-emmissjonijiet u li jwasslu għal sorsi aktar nodfa ta’ enerġija għat-trasport kif ukoll għat-tisħin u t-tkessiħ.

Dan se jkun it-tieni fond ewlieni li tiegħu l-MEP Casa hu r-Rapporter tal-Parlament Ewropew f’din il-leġiżlatura. Fl-ewwel nofs tal-leġiżlatura, l-MEP Casa nnegozja b’suċċess il-Fond Soċjali Ewropew, b’valur ta’ €90 biljun.

Fil-ġimgħat li għaddew, il-Partit Nazzjonalista ħabbar numru ta’ wegħdi mmirati sabiex l-ambjent u t-tibdil fil-klima jibdew bis-serjeta jingħataw il-prijorita li jixraqilhom. Fost dawn il-wegħdi kien hemm it-twaqqif ta’ aġenzija li tħares, tiffoka u tara li l-implimentazzjoni ta’ inizjattivi u miżuri relatati mat-tibdil fil-klima sseħħ. Permezz ta’ dawn il-fondi, ħidmet din l-Aġenzija tista’ tkun aktar effettiva.

 

Il-PN jemmen li fil-qasam ambjentali u t-tibdil fil-klima pajjiżna hemm bżonn rieda politika, ambizzjoni u fuq kollox governanza tajba. Dawn huma ingredjenti ewlenin li fl-aħħar snin kienu nieqsa.

Sadanittant il-Partit Nazzjonalista jawgura li David Casa kull suċċess fir-rapport li għandu jiġi ppreżentat kmieni s-sena d-dieħla.

Robert Cutajar

Kelliem għall-Ambjent

u t-Tibdil fil-Klima

Partit Nazzjonalista

About

Aħna lesti biex inkunu MIEGĦEK 💪 Miegħek. Għal Malta 🇲🇹 pn.org.mt