Bħalma konna qed nistennew, il-Gvern ressaq ’il quddiem baġit li jappella għal ftit sigħat biex ikompli jonfoħ il-propaganda tiegħu fl-aħħar baġit qabel tissejjaħ elezzjoni ġenerali. Minkejja l-kliem fieragħ, u biex inkunu ġusti wkoll, xi inizjattivi tajbin u mistennija, meta ngħarblu l-baġit fid-dettall, għandna nirrealizzaw li ma hemm ebda strateġija ibbażata fuq is-sens ta’ direzzjoni li pajjiżna tant għandu bżonn. Pajjiżna llum, aktar minn qatt qabel, jeħtieġ viżjoni sabiex nibnu Malta ta’ għada, imma għal darb’oħra, għandna quddiemna mill-ġdid, dak li għedna sena ilu wkoll, “a short-sighted budget that forgets the future.”

Dan huwa l-argument primarju tal-Oppożizzjoni għaliex il-baġit li ressaq il-Gvern mhuwiex kredibbli ekonomikament. La darba nafu fattwalment li l-Gvern diġà falla fil-miri finanzjarji tiegħu matul l-2021, ma ndumux ma nirrealizzaw li għas-sena 2022 għandna pproġettat l-istess defiċit, anzi din is-sena l-Gvern qed jammetti li d-defiċit se jkun id-doppju ta’ dak li kien previst, jiġifieri minn ftit anqas minn 800 miljun ewro għal 1.5 biljun ewro. Dan ma nistgħux ma narawhx fil-kuntest kollu: Il-Gvern Laburista se jkun dejjen lil pajjiżna 5 biljun ewro bejn l-2020 u l-2024, diskrepanza li tikkonferma li anke jekk il-pandemija swiet lil pajjiżna 1.5 biljun ewro, id-dejn żdied minħabba l-ħela ta’ flus li flok marru fil-ġlieda għall-għoli tal-ħajja ntilfu fil-korruzzjoni.

Il-ġlieda kontra l-għoli tal-ħajja, minkejja l-importanza li kellha tingħata, tibqa’ preokkupazzjoni meta naraw li għal sena oħra, iż-żieda allokati f’dan ir-rigward hija ċejċa ta’ €1.75 anke jekk din hija ogħla għall-pensjonanti. Dan huwa baġit li ma jipproponi xejn biex titrażżan l-inflazzjoni tal-prezzijiet għal dak kollu meqjus bħala neċessità. Interessanti tassew li filwaqt li pajjiżna qed iżid id-dejn b’4 miljuni kuljum, il-pensjonanti tagħna qed jieħdu 71ċ kuljum, u l-poplu jingħata biss 25ċ! Dan huwa l-istess Gvern li jberbaq flus il-poplu biex jaqdi lil niesu, biex jinqeda hu, dan huwa l-istess Gvern li seraq lill-Maltin 50 miljun ewro minn fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma li issa qalilna li se jirranġa l-mekkaniżmu ta’ kif jaħdimhom. Mhux talli tah iż-żieda lill-poplu, talli qed jinkoraġġixih ikompli jaħdem u jnaqqaslu t-taxxa fuq il-part-time, turija li minħabba l-għoli tal-ħajja, il-poplu jrid jaħdem aktar, irrispettivament il-wegħdiet kollha marbuta mal-work-life-balance.

 

Għaliex biex nikkumbattu għall-għoli tal-ħajja, ma nistgħux nibqgħu nifqgħu l-kaxxa ta’ Malta bid-dejn, imma rridu noħolqu l-industriji l-ġodda li jdawru l-ekonomija tal-pajjiż. Fil-fatt ma rajna ebda viżjoni fuq setturi ewlenin fl-ekonomija: il-Manifattura, it-Turiżmu, is-Servizzi Finanzjarji. Mhux talli mhux ninvestu, talli mhux qed jipproponi xejn sabiex il-pajjiż jiġġieled il-kriżi l-ġdida fl-ispejjeż li tant qabdu jiżdiedu fl-importazzjoni u l-esportazzjoni, tant li l-industriji jridu jaffrontaw din il-kriżi waħedhom.

Jekk fi kliem il-Ministru Clyde Caruana stess, minkejja li żdied id-defiċit, terz tal-miżuri tal-baġit li għadda baqgħu fuq l-ixkaffa, għad irridu naraw kemm mill-miżuri kollha li tħabbru t-Tnejn se jsibu l-istess refuġju. Finalment, illum għandna, u għada se jkollna l-istess pajjiż: pajjiż li ma jistax ilaħħaq mal-ħajja, pajjiż midjun, pajjiż bla viżjoni, pajjiż imniġġes, pajjiż grey-listed, pajjiż li ma jagħmilx ġustizzja mal-frontliners tiegħu li jridu jifirħu biċ-ċejċa li tahom.

Justin Schembri

About

Edukatur. Kandidat għat-8 u l-1 Distrett. Minority Leader fil-Kunsill Lokali Birkirkara. Impenjat favur l-Edukazzjoni, l-Ambjent u l-Ġustizzja Soċjali. Iggradwat fil-Malti u fil-Politika. Determinat favur il-bidla.