Huwa ta’ għajb li l-Bank ewlieni ta’ pajjiżna, li fih għad għandu kontroll primarju l-Gvern ta’ pajjiżna, jisfa’ mmultat 2.6 miljun ewro għaliex naqas milli josserva l-liġijiet ta’ pajjiżna ta’ kontra tal-ħasil ta’ flus. Dan ma jawgurax tajjeb fl-isforzi ta’ pajjiżna biex joħroġ mil-lista l-griża tal-FATF.

Fil-ġustifikazzjoni tagħha għal din il-multa qawwija, l-FIAU qalet li investigazzjonijiet tagħha wrew li l-Bank of Valletta ma kienx qed jimxi mal-liġi fejn jidħol ġbir ta’ tagħrif dwar min kien verament wara l-kumpaniji li kellhom kontijiet mal-Bank. Dan seta’ jsir biss għal żewġ raġunijiet – traskuraġni – jew agħar minn hekk, bl-iskop li tinħeba l-informazzjoni ta’ persuni u kumpaniji li kienu qed jużaw il-Bank of Valletta biex jiddepożitaw il-fondi tagħhom u jissellfu l-flus. F’kwalunkwe ċirkostanza, dan hu ta’ tħassib kbir.

L-Oppożizzjoni titlob li tintrefa’ responsabbiltà kemm mill-bank kif ukoll politika għal dan in-nuqqas gravi, li barra milli jkompli jtappan ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna se jagħti daqqa ta’ ħarta lill-eluf ta’ azzjonisti – ħafna minnhom anzjani u familji bi dħul medju – li investew ftit mid-dħul tagħhom mal-Bank of Valletta. Wara li l-BOV ilu sentejn ma jagħti ċenteżmu dividend bl-iskuża tal-COVID, issa se jkollu jħallas 2.6 miljun ewro.

Flus, li flok għand l-azzjonisti, se jispiċċaw il-Ministeru tal-Finanzi.

 

Mario de Marco

Kelliem għall-Finanzi

Partit Nazzjonalista

About

Aħna lesti biex inkunu MIEGĦEK 💪 Miegħek. Għal Malta 🇲🇹 pn.org.mt