Il-baġit b’viżjoni dgħajfa li jservi biss mil-lum għal-lum u li ma jimpressjonax minkejja l-ħafna propaganda, huwa baġit li ma jagħtix direzzjoni għal fejn irid imur il-pajjiż. Għall-kuntrarju, id-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech nhar it-Tnejn filgħaxija jixhed kif il-Partit Nazzjonalista qiegħed verament joffri viżjoni li ġġib bidla sabiex pajjiżna jħares ’il quddiem. Din il-viżjoni li mhux biss tagħti bidla fid-direzzjoni imma tnissel sens qawwi ta’ ottimiżmu, hija l-bidla li neħtieġu bħala nazzjon li llum huwa maqbud fl-inċertezzi tal-lista l-griża.

Id-diskors ta’ Bernard Grech kien diskors li jitkellem fuq għada, tweġiba konkreta għal baġit kollu kliem fieragħ, bażi soda li fuqha jista’ jinbena pajjiżna jekk il-Partit Nazzjonalista jingħata l-fiduċja li jmexxi lil Malta fil-ġimgħat jew ix-xhur li ġejjin. Dan huwa pożittiv għaliex quddiem il-korruzzjoni u t-tberbiq tal-flus, il-Partit Nazzjonalista għaraf ikun għaqli biżżejjed biex ma jinħeliex jitkellem fuq il-passat tal-Gvern Laburista, Gvern li qiegħed juri sinjali ċari ta’ għejja, imma ħejja viżjoni li għandha tikkonferma lill-poplu li pajjiżna verament għandu alternattiva. Mhux tikkonferma biss, imma tfakkar li Partit Nazzjonalista fil-Gvern ifisser Gvern li jaħseb għal għada, u dan jixhduh dawk in-niċeċ ekonomiċi kollha li welled il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern u li minnhom għadna sal-lum ingawdu u ndawru l-mutur ekonomiku, għall-kuntrarju tal-Gvern li qiegħed joffri lil uliedna d-dejn ta’ biljuni kbar. F’dan id-dawl, qed inwiegħdu li nirrevedu immedjatament il-kuntratti tal-Vitals u Steward u naqtgħu l-kuntratti tal-Electrogas.  

Il-Partit Nazzjonalista tal-lum huwa l-Gvern ta’ għada, id-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni huwa l-viżjoni ta’ Gvern alternattiv li jaf minn fejn qiegħed jitlaq u fejn irid jasal. Fi żmien fejn l-ħajja materjalistika qed tiddomina, il-Partit Nazzjonalista qiegħed jagħraf u jgħożż l-importanza tal-valuri essenzjali li jsawruna, fosthom l-importanza li kulħadd igawdi aktar il-familja, għalhekk l-enfasi fuq il-work-life-balance għaliex aħna nemmnu li rridu nibnu pajjiż fuq il-valuri. Tant hu hekk, li diġà fissirna kif ser inkunu qed nagħtu sa 8 ġimgħat leave tal-parentela bi ħlas lil dawk li jkollhom tarbija jew jaddottaw. Lill-familji tagħna rridu nagħtuhom eżenzjoni sħiħa tal-VAT sa €10,000 fuq spejjeż biex titlesta darhom. Qed nagħtu wkoll fond ta’ garanzija sabiex tinxtara l-ewwel dar.

Irridu nivvalutaw aktar lill-anzjani tagħna, dawk li bnew poplu, għalhekk mhux biss nirrikonoxxu l-importanza li l-pensjonijiet għandhom jiżdiedu, imma lesti wkoll ngħinuhom billi noffru t-tabib tal-familja bla ħlas lill-anzjani tagħna. Imma bħalma nħarsu lejn l-anzjani, aħna wkoll inqisu liż-żgħażagħ tagħna bħala l-pedament tal-pajjiż. Irriduhom jimirħu, jitgħallmu u jikbru, għalhekk qed noffru skema li minnha ż-żgħażagħ ta’ bejn is-16 u l-21 sena jibbenifikaw minn vawċer ta’ €500 sabiex jivvjaġġaw barra minn pajjiżna, qed inżidu l-istipendji fil-korsijiet li fihom hemm bżonn ħafna aktar żgħażagħ u nżidu s-salarji tal-professjonijiet bħall-għalliema u l-infermiera.

Quddiem sitwazzjoni li fiha l-bieżel jaħdem u jinfileġ bit-taxxi li jmorru fil-konsulenzi u t-tberbiq, il-Partit Nazzjonalista qiegħed jiggarantixxi l-kuntrarju, għalhekk tonqos il-VAT għal 7% għall-bejgħ kollu fir-restoranti u servizzi oħra fil-lukandi; tkun estiża l-bracket tat-taxxa tal-25% u minn €60,000 titla’ għal €80,000; innaqqsu l-burokrazija billi min jaqla’ sa €60,000  ikun VAT exempt. Dan kollu għandu jqawwi l-qalb ta’ poplu bieżel li għandu jkun rikonoxxut u megħjun sabiex flimkien inwettqu l-bidliet li pajjiżna jeħtieġ. Dan għandu jgħin fil-ġlieda kollettiva kontra l-għoli tal-ħajja. 

Fuq kollox, irridu nagħtu lill-Maltin ambjent aktar nadif. Għalhekk se nkomplu bil-ġlieda tagħna kontra l-bini fl-ODZ, se naħdmu biex innaddfu l-arja billi sal-2025 inwiegħdu li jkollna l-karozzi tal-linja kollha jaħdmu bl-elettriku, nagħtu somma finanzjarja għax-xiri ta’ karozzi second-hand u fuq kollox ninvestu aktar fl-ekonomija l-ħadra.

Dan huwa l-Partit Nazzjonalista, dan huwa l-futur u din hija l-bidla b’viżjoni li rridu noffru.

Justin Schembri

About

Edukatur. Kandidat għat-8 u l-1 Distrett. Minority Leader fil-Kunsill Lokali Birkirkara. Impenjat favur l-Edukazzjoni, l-Ambjent u l-Ġustizzja Soċjali. Iggradwat fil-Malti u fil-Politika. Determinat favur il-bidla.