Il-Gvern ħabbar li l-Onorevoli Clifton Grima issa qiegħed jassumi r-responsabbiltà Ministerjali tal-Edukazzjoni, biex issa jsir ir-raba’ Ministru tal-Edukazzjoni f’erba’ snin, wara Evarist Bartolo, Owen Bonnici u Justyne Caruana – tliet Ministri li lkoll għandhom diversi kontroversji wara isimhom. Il-Ministru Clifton Grima, ukoll mhux nieqes mill-kontroversji fosthom dawk marbutin mal-perjodu li fih mexxa l-Isptar Monte Carmeli u fl-involviment dirett tiegħu fil-proġett tax-Shooting Range f’Ta’ Kandja.

Għalhekk, jidhirli li huwa l-obbligu tal-Ministru Clifton Grima li jagħti rendikont għall-ħafna mistoqsijiet marbuta mal-proġett kontroversjali tax-Shooting Range f’Ta’ Kandja fis-Siggiewi, wara li f’Diċembru tal-2020, bħal dan iż-żmien sena, rapport tal-NAO (l-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika) ikkonferma diversi irregolaritajiet finanzjarji u nuqqas serju ta’ kapaċità amministrattiva biex proġett li kellu jiswa €7 miljuni spiċċa biex sewa lill-poplu Malti kważi bid-doppju, b’xogħlijiet li jammontaw għal €1 miljun biss li ma ngħatawx b’Direct-Order. Dan il-proġett kien jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Ministru Grima, li dak iż-żmien kien is-Segretarju Parlamentari inkarigat.

Dan huwa rapport li għalih, il-Gvern baqa’ qatt ma ta t-tweġibiet kollha jew ta tweġibiet li mhumiex sodisfaċenti biżżejjed. Li l-Gvern jinħeba wara l-urġenza tal-proġett minħabba t-Tazza tad-Dinja li saret fl-2018 u allura x-xogħlijiet kellhom isiru fi ftit żmien hija biss skuża sfurzata u li ma tagħtix biżżejjed sodisfazzjon. Fil-fatt, fi Press Release f’Settembru tal-2015, il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Isparar (International Shooting Sport Federation) kienet ħabbret li t-Tazza tad-Dinja tal-2018 kienet se ssir f’Malta, minkejja dan, il-proġett tħabbar biss waqt il-kampanja elettorali tal-2017 u għalhekk nafu li l-Gvern kellu biżżejjed żmien biex jibda l-proġett f’Ta’ Kandja.

 

Il-poplu jixraqlu u għandu dritt ikun jaf kif u għaliex:

  1. Aktar min-nofs ix-xogħol ġie mgħoddi direttament b’Direct-Order lil kumpanija waħda li tħallset 59% tax-xogħol li jammonta għal €6.7 miljuni.
  2. Xogħlijiet li jammontaw għal €4 miljuni ma kinux koperti b’dik li tissejjaħ ‘Performance Guarantee’ (garanzija għax-xogħol) skont kif stipulat fir-regolamenti tax-xiri pubbliku imma l-kuntrattur tħallas għal xogħlu xort’oħra.
  3. Il-kuntrattur beda xogħlijiet fuq ix-Shooting Range għal total ta’ €2.3 miljuni qabel kien hemm ftehim iffirmat u approvat minn SportMalta.
  4. Ma kien hemm ebda approvazzjoni mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet biex ikunu koperti l-ispejjeż żejda li jammontaw għal 29% tax-xogħol meta kien stabbilit li dan ma jistax jaqbeż il-15% f’parti mix-xogħlijiet.
  5. L-NAO ma sabitx biżżejjed koperazzjoni u kollaborazzjoni biex tingħata d-dokumentazzjoni u l-informazzjoni rikjesta fi żmien raġjonevoli biex tagħmel l-awditjar tagħha meta SportMalta kellha l-obbligu li tkun fil-pussess tad-dokumentazzjoni kollha.
  6. Jekk kinitx inbdiet jew jekk hix għaddejja investigazzjoni kriminali mill-pulizija dwar il-miżapropjazzjoni ta’ fondi pubbliċi.

 

Il-Partit Nazzjonalista għalhekk, ma jistax jinjora dawn in-nuqqasijiet li se jibqgħu jtappnu r-reputazzjoni tal-Ministru Clifton Grima sakemm jingħataw tweġibiet sodisfaċenti fir-rigward.

Fid-dawl li l-Ministeru tal-Edukazzjoni, matul dawn l-aħħar 4 snin, biddel 4 Ministri tal-Edukazzjoni, l-edukazzjoni ta’ wliedna għandha bżonn stabbilità sabiex is-settur ikun iffokat biex jagħmel il-ġid. Għalhekk, quddiemu l-Ministru Grima għandu diversi sfidi li jrid jegħleb.

  1. Primarjament, jibqa’ inaċċettabbli li sal-lum għad għandna klassijiet li ma għandhomx għalliema regolari. Dan huwa nuqqas serju li qiegħed ixekkel il-proċess ta’ żvilupp għal ħafna tfal.
  2. Il-ġlieda nazzjonali kontra l-Early School Leavers li tkompli tikkonferma li f’pajjiżna ma aħniex nagħmlu biżżejjed avvanzi (għall-2020 b’16.7% taż-żgħażagħ Maltin ta’ bejn it-18 u l-24 sena li ma jkomplux jistudjaw jew jitħarrġu wara s-snin obbligatarji fl-iskejjel).
  3. Il-bidla fil-mentalità sabiex l-edukazzjoni nazzjonali tkun qiegħda tkopri sens ta’ tagħlim olistiku u mhux exam-focused u dan ma jsirx biss billi jkun inbidel il-format tal-MATSEC imma bi prattika fil-klassijiet u l-kurrikulu.
  4. Li nikkumbattu kontra n-nuqqas ta’ inklużjoni u nassiguraw li kull student jingħata l-attenzjoni meħtieġa.
  5. Li ninkorporaw aktar l-isport fl-edukazzjoni tat-tfal tagħna anke fid-dawl li f’pajjiżna hawn rati għolja ta’ obeżità fost it-tfal.
  6. Li naġġornaw l-infrastruttura tal-iskejjel kollha u li jilqgħu għall-ħteġijiet tas-seklu l-ġdid billi serjament nibdew inħarsu lejn mudelli oħrajn ta’ kif għandha tkun il-klassi tal-lum.

 

Hawnhekk, għalhekk nasal għall-konklużjoni tiegħi billi nagħmel referenza għal diversi proposti li qed iressaq ’il quddiem il-Partit Nazzjonalista:

  1. Inżidu b’mod sostanzjali s-salarji u l-kundizzjonijiet tal-edukaturi kollha.
  2. Ninvestu mhux biss fis-salarji imma fil-professjoni nnifisha. Ninvestu wkoll fl-istudenti kollha u nassiguraw li jirnexxu lkoll irrispettivament il-livell akkademiku tagħhom għaliex kulħadd għandu u jixraqlu jirnexxi fil-ħajja.
  3. Inħajru aktar żgħażagħ jidħlu fil-professjoni tal-edukazzjoni billi nżidu l-istipendju universitarju b’25%.
  4. Nestendu l-programm tat-tablets anke fis-sekondarja.
  5. Naġġornaw il-klassijiet u l-iskejjel tagħna biex ikunu jistgħu jilqgħu għas-sħana tas-sajf u għall-kesħa tax-xitwa u billi jkollna infrastruttura li tappella għall-edukazzjoni tal-lum u fl-istess waqt b’rispett lejn l-Ekonomija l-Ħadra.
  6. Inwessgħu l-kollaborazzjoni bejn l-esperjenza edukattiva u l-esperjenza tax-xogħol.
  7. Ninvestu fiż-żgħażagħ kollha, u lil dawk ta’ bejn is-16 u l-25 sena, nagħtuhom vawċer ta’ €500 sabiex iżuru pajjiż ieħor fuq esperjenza edukattiva, kulturali u/jew sportiva.
Justin Schembri

About

Edukatur. Kandidat għat-8 u l-1 Distrett. Minority Leader fil-Kunsill Lokali Birkirkara. Impenjat favur l-Edukazzjoni, l-Ambjent u l-Ġustizzja Soċjali. Iggradwat fil-Malti u fil-Politika. Determinat favur il-bidla.