ŻOMM AĠĠORNAT:
Budget ta’ Gvern bla pjan fejn il-ġid li qed joħolqu n-nies mhux qed jasal għand kulħadd
“In-nies qed joħolqu l-ġid u t-tkabbir ekonomiku iżda l-Gvern m’għamilx budget biex iqassam dan il-ġid u jilħaq lil kulħadd. Minflok mis-suċċess li qed joħolqu n-nies qed igawdu biss ftit persuni.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fuq intervista fuq NET FM.
Dr Delia qal li l-budget li ressaq il-Gvern Laburista huwa nieqes minn pjan fit-tul, li jonqos li jindirizza l-problemi li qed joħloq il-Gvern stess, fejn il-ġid li qed jinħoloq mit-tkabbir ekonomiku mhux qed jasal għand kulħadd. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-budget jinjora bosta setturi fosthom il-biedja u s-sajd, fejn id-dokument tal-budget stess jgħid li l- biedja mhix tikkontribwixxi daqstant għall-ekonomija tagħna. Huwa qal li fl-edukazzjoni l- Gvern qiegħed jipposponi l-bini tal-iskejjel minflok jibni skola ġdida fis-sena kif kien isir fi żmien Gvernijiet Nazzjonalisti. Dr Delia qal li issa l-Gvern qiegħed jgħid li se jippjana għas- settur tas-saħħa, u din hija ammissjoni tal-falliment f’dan is-settur daqstant importanti. Dan bħalma falla fl-ambjent meta ninsabu l-aħħar fir-riċiklaġġ tal-iskart u għandna r-4 l-agħar kwalità tal-arja fl-Ewropa.
Adrian Delia qal li l-pensjonanti, li huma l-aktar persuni vulnerabbli, qed jaffaċċjaw għoli tal- ħajja ta’ 4.4% biż-żidiet fil-prezzijiet tal-ikel. Huwa qal li ż-żieda fil-pensjoni li ngħatat fil- budget mhix biżżejjed biex il-pensjonanti jlaħħqu maż-żidiet kontinwi fil-prezzijiet tal-ikel. L-aħħar statistika turi wkoll żieda ta’ 1.6% fl-inflazzjoni, li tfisser li aktar pensjonanti u familji bi dħul baxx qed jaffaċċjaw żieda fl-għoli tal-ħajja, fejn żieda ta’ €2.33 fil-ġimgħa żgur li mhix biżżejjed biex in-nies ilaħħqu mal-ħajja.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-familji qed jaffaċċjaw żidiet tul is-sena kollha, fosthom żieda ta’ 4% fil-petrol u 4% fid-diesel, żieda ta’ 3% fil-prezz tal-gass u b’mod speċjali s-serq fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Dr Delia qal li l-mudell ekonomiku tal-Gvern, li jkabbar l- ekonomija bil-popolazzjoni u mhux bil-produzzjoni, qed iħalli impatt negattiv fuq bosta setturi fosthom fuq il-kirjiet, il-propjetà, l-infrastruttura, t-trasport u l-ambjent fost l-oħrajn. Huwa qal li Gvern Nazzjonalista ġdida se jiggarantixxi li kulħadd ikollu saqaf fuq rasu u għajxien diċenti.
Adrian Delia qal li matul id-diskors tiegħu għall-budget se jkun qed jitkellem kif il-Gvern, li suppost li huwa soċjalista mhu soċjalista xejn u m’għandux kuxjenza soċjali. Huwa qal li se jitkellem kif il-Gvern ma jistax jibqa’ jaħrab li jibda jindirizza verament il-problemi li qed joħloq hu stess bil-mudell ekonomiku tiegħu, li jibqa’ jkabbar il-popolazzjoni b’żieda ta’ 15,000 barrani kull sena.
Dr Delia qal li fid-diskors tiegħu dwar il-budget se jitkellem dwar il-ħtieġa li l-Gvern iħares ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna, b’mod speċjali tas-settur tas-servizzi finanzjarji li joffri mijiet ta’ impjiegi liż-żgħażagħ u l-professjonali. Adrian Delia qal li l-alternattiva li jrid joffri l-Partit Nazzjonalista hija ekonomija bbażata fuq in-nies, min-nies għan-nies, bi pjan fit-tul u li twassal biex ikollna soċjetà li jimpurtaha, fejn kulħadd igawdi mit-tkabbir ekonomiku u ħadd ma jibqa’ lura.
28.10.2018