Il-21 ta' Settembru, 1964 hu jum ta' importanza kbira għal Pajjiżna – Jum l-Indipendenza. Għaddew 57 sena minn dakinhar. Dan ifisser li huma diversi li ma jiftakrux dan il-jum, jew għax kienu għadhom ma twieldux, inkella għax dakinhar kienu ta’ eta żgħira ħafna.

Għal bosta snin Malta kienet maqsuma dwar jekk għandhiex tibqa' tqis din il-ġurnata bħala festa Nazzjonali. Sfortunatment dan il-fatt ġab miegħu wkoll sitwazzjonijiet li permezz tagħhom, anke llum, għad hawn min jaħseb li l-fatt li nfakkru l-kisba ta’ l-Indipendenza ta’ Pajjiżna mhix importanti.

 

Għala l-21 ta’ Settembru hu jum importanti għal Pajjiżna?

Mhux hekk jemmen il-Partit Nazzjonalista. Il-Partit Nazzjonalista jemmen li ż-żviluppi li seħħew f'Pajjiżna wara l-21 ta' Settembru, 1964 huma riżultat dirett tad-deċiżjoni li Malta tieħu l-Indipendenza tagħha mill-Ingilterra. Mingħajr dak l-ewwel pass, ma stajna qatt nimxu 'l quddiem fil-ħajja politika ta' Pajjiżna. Kull pass li sar wara, f'dak li hu żvilupp politiku, ekonomiku, soċjali, u iktar, seta jseħħ biss għaliex il-poplu Malti seta jagħżel it-triq li ried jaqbad minn dakinhar 'il quddiem.

L-aħħar żvilupp politiku kbir li seħħ f'Pajjiżna kien id-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropeja. Dan segwa l-jum tat-tluq tal-forzi Ingliżi minn Malta, u wkoll id-dikjarazzjoni ta' Malta Repubblika. Iżda l-ebda wieħed minn dawn il-passi ma kien ikun possibli mingħajr l-Indipendenza.

 

Xi tfisser il-kelma ‘indipendenti’?

Naturalment li pajjiż isir indipendenti ma jfissirx li jsir pajjiż li jgħix għal rasu mingħajr ma jiġi f'kuntatt ma’ pajjiżi oħra jew li jgħix f'iżolazzjoni. Għall-kuntrarju jfisser li dawk li jmexxu l-pajjiż għandhom obbligu ikbar li f'kull pass li jagħmlu jżommu quddiem għajnejhom l-interessi ta' Malta u Għawdex, tal-Maltin u tal-Għawdxin, u ta' dawk kollha li jkunu qed jagħtu s-sehem tagħhom biex il-ġid fil-Pajjiż ikun qed jikber u jitgawda mill-ikbar numru ta' nies possibli.

Dan jitfa' responsabbiltajiet mhux żgħar fuq dawk li jkunu qed imexxu l-Pajjiż. Kull deċiżjoni li tittieħed għandhatwassal biex minbarra li tkabbar il-ġid, trid tara wkoll li dak il-ġid jinqasam sew, u jitgawda minn kulħadd. Mhux dejjem ġara u jiġri dan.

 

Il-ħidma tal-Partit Nazzjonalista

Iżda l-Partit Nazzjonalista dejjem ħadem biex dan il-għan jintlaħaq. Dejjem ħadem biex il-ġid li jinħoloq jasal għand l-ikbar numru ta' persuni possibli. Dejjem fassal politika li permezz tagħha ried jassigura li jkun il-poplu Malti u Malta li jimxu 'l quddiem. 

Matul l-aħħar tmien snin il-PN kien fl-Oppożizzjoni u allura ma setax iwassal għat-twettiq sħiħ tal-policies tiegħu, ukoll jekk spiss il-Gvern jikkopja l-proposti tal-PN u jipprova jippreżentahom daqs li kieku ħolom bihom hu. 

Fl-istess ħin, bqajna nfasslu policies li huma ta' rilevanza għal Malta u ghall-Maltin. Ridna nibqgħu nfasslu politika li permezz tagħha l-ġid komuni jibqa' jiġi qabel il-ġid ta' xi numru żgħir ta' persuni, politika li permezz tagħha l-poter jintuża biex iwassal il-ġid f'kull rokna ta' Pajjiżna.

 

 

Kif jimxi dan il-Gvern?

Ridna wkoll nibqgħu nassiguraw li l-proposti tagħna jkunu magħrufa minn kulħadd. Il-Gvern tal-ġurnata qed jagħmel ħiltu kollha biex mhux biss dan ma jkunx faċli, imma biex isir kważi impossibli. Mhux biss għandna l-media soċjali li qed tinfluwenzana kull ħin tal-ġurnata, forsi kultant mingħajr ma nindunaw, imma għandna wkoll il-mezzi ta' komunikazzjoni ta' Pajjiżna, ix-xandir ta' l-istat, li qed jagħmel ħiltu kollha biex iwassal prattikament biss il-messaġġtal-Gvern, jew aħjar tal-Partit fil-Gvern.

Dan hu ħazin. Il-Prim Ministru u l-Ministri ma jieħdux ġuramanet li ser ikunu qed jagħmlu ħilithom kollha biex jaqdu u jservu lil min iridu huma. Il-Prim Minsitru u l-Ministri għandhom responsabbilta’ li jaraw kif il-Poplu Malti kollu jimxi ‘l quddiem u javvanza f'kull aspett tal-ħajja.

Kull Gvern irid jara li jkun gvern tal-poplu kollu, Gvern fejn kull Malti u Maltija jingħataw id-drittijiet li jistħoqqilhom, bi dritt u mhux bi pjaċir, indipendenti mill- Partit li jżomm miegħu, ir-reliġjon li jemmen fiha, u rrispettivament minn kull orjentazzjoni sesswali li jista' jkollu. Dawk kollha li jgħixu f'Malta għandhom jingħataw id-drittijiet tagħhom. Naturalment kull wieħed u waħda minna għandna wkoll numru ta' doveri li rridu nosservaw biex ma nkunux ta' ħsara għal ħaddieħor.

 

It-triq ‘il quddiem

Fil-jum tal-Indipendenza għandna mill-ġdid inġeddu d-determinazzjoni tagħna li ma' nħallu lil ħadd ikasbar jew itellef id-drittijiet tagħna.

Din hi l-aħħar festa ta' l-Indipendenza li ser tkun iċċelebrata qabel l-elezzjoni ġenerali li jmiss. Għalhekk għandna nkunu determinati li l-messaġġ tal-PN inwassluh kullimkien. Għandna nkunu determinati li nkomplu nfasslu l-aħjar politika għall-ġid tal-Poplu Malti, Għandna nibqgħu determinati li fejn hemm il-ħażin nuruh ukoll lil kull min hu lest li jiftaħ għajnejh. Għandna naraw kif ser nibqgħu naħdmu.

Ilkoll nafu li hemm persuni li għal raġuni jew oħra ma jridux jivvutaw għall-Partit Nazzjonalista. Waħda mill-ikbar kontradizzjonijiet li niltaqgħu magħhom hemm dik ta' persuni li jsostunu li mhumiex laburisti iżda li xorta mhux ħa jivvutaw lill-PN minħabba dak li ġara fil-passat meta l-PN kien fil-Gvern.

Nifhem li mhux dejjem faċli li dak li jkun jinsa esperjenza negattiva, imma dak li għaddej minnu Pajjiżna llum għandu jwassalna biex ilkoll nagħmlu l-aħjar għażliet possibbli biex Indipendenza ohra niċċelebrawha b'moħħna ferm iktar mistriħ minn kif iċċelebrajna l-aħħar snin, u dan billi jkun il-Partit Nazzjonalista li jkun qed jiggverna lil Pajjiżna.

Graziella Galea

About

Il-vuċi tiegħek. L-esperjenzi tan-nies u man-nies għamluni iktar determinata li naħdem għall-ġid tal-poplu Malti u ta’ Malta sabiex inwassal il-vuċi tiegħek. Kandidat f'isem il-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjoni Ġenerali fuq is-7 u t-12-il Distrett.