ŻOMM AĠĠORNAT:
Dan huwa Gvern li ma jafx xi tfisser governanza tajba u li jpoġġi esponenti tiegħu biex jaħtaf l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet
“Għanda ssir investigazzjoni independenti fl-operat, it-tmexxija u l-infieq tal-Awtorità tal- Ippjanar. Għalfejn jinħatru membri tal-bord li jidrilhom li ma jattendux għal-laqgħat meta jkunu avżati, u fejn tittieħed id-deċiżjoni li jinkera jet privat biex jinġiebu fl-inqas ħin possibbli minn btala.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fuq NET FM.
Dr Delia qal li jeħtieġ li ssir investigazzjoni indipendenti li tistħarreġ l-operat, it-tmexxija u l- infieq tal-Awtorità tal-Ippjanar. Dan wara l-każ fejn l-Awtorità nefqet €8,750 biex membru tal-bord, li hija wkoll Direttriċi fid-Dipartiment tal-Kuntratti, inġibet lura b’jet privat minn btala fi Sqallija. Dan meta kienet taf li kien hemm laqgħa tal-bord tal-Awtorità fejn kellha tivvota. Huwa qal li wara dan il-każ tal-kiri ta’ jet privat ġab miegħu ħafna mistoqsijiet li jeħtieġ li tingħata risposta dwarhom mill-Awtorità tal-Ippjanar, kemm din l-Awtorità qegħda tonfoq għall-ippjanar u kemm qed tonfoq fl-ivjaġġar.
Adrian Delia qal li l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità qal li għamel tajjeb li ddeċieda li jħallas għal jet privat imma jekk il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru Ian Borg mhux kuntenti mela jkun ‘iblah’ jekk jerġa’ jagħmel hekk. Huwa qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat qal li ma ġiex infurmat b’din id-deċiżjoni iżda ma qalx għalfejn kellhom jinfurmawh u filwaqt li diġà kkundanna din id-deċiżjoni baqa’ ma qal xejn se beħsiebu jagħmel. Dr Delia qal li l- Ministru Ian Borg ukoll ikkundanna din id-deċiżjoni iżda issa li jaf li kien il-Kap Eżekuttiv li ddeċieda baqa’ ma ħax azzjoni.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dan huwa każ ieħor li juri kif il-Gvern qed jaħtaf l- awtoritajiet u l-istituzzjonijet billi jpoġġi esponenti tiegħu li jkunu hemm sabiex jaqdu l- interessi tal-Prim Ministru. Dan bħalma l-Gvern ħataf l-pożizzjoni tal-Avukat Ġenerali, li fil- Qorti qal li m’għaddiex kopja sħiħa tal-inkjesta tal-Maġistrat Bugeja lil Adrian Delia għax ma kienx se jħalliha ‘fil-kexxun’. Dr Delia qal li filwaqt li l-Avukat Ġenerali baqa’ ma tahx kopja tal-inkjesta, għadda kopja elettronika lill-Ministru Owen Bonnici għax fi kliem l- Avukat Ġenerali stess, il-Ministru għall-Ġustizzja kien wieħed mill-avukati tal-Prim Ministru. Dan bi ksur tal-kodiċi tal-etika tal-Ministri għaliex Ministru m’għandux jibqa’ jipprattika l-professjoni tiegħu.
Adrian Delia staqsa kif il-Ministru għall-Ġustizzja, li suppost qiegħed hemm sabiex jara li ssir il-ġustizzja, huwa avukat tal-Prim Ministru li kien jinsab taħt inkjesta. Huwa qal li din tmur kontra s-seperazzjoni tal-poter u kontra s-saltna tad-dritt u fl-ebda pajjiż normali ma ssir. Dan huwa Gvern li ma jafx xi tfisser il-governanza tajba.
Dr Delia qal li mhux aċċettabbli li l-Prim Ministru jwaħħal fil-ġenituri għan-nuqqas t’ippjanar tal-Gvern fit-trasport tal-istudenti u jgħid li l-ġenituri ħallew għall-aħħar. Dan meta studenti fl-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti spiċċaw jew ma ħadux it-trasport b’xejn kif imwiegħed jew spiċċaw tilfu s-servizz li diġà kellhom. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-Prim Ministru m’għandux pjan għall-edukazzjoni u mhux jara li l-affarijiet isiru b’mod organizzat, għaliex jaf li se jitlaq u għalhekk m’għandux aktar interess fit-tmexxija tal- pajjiż.
30.09.2018