ŻOMM AĠĠORNAT:
Deċiżjoni li kellha tittieħed xhur ilu biex titħares ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna
Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ l-aħbar li l-liċenzja tal-bank Pilatus ġiet revokata. Dan wara li l- Oppożizzjoni kienet ilha x-xhur tgħid li l-liċenzja kellha tiġi revokata u li l-bank Pilatus ma kellux jibqa’ jopera għaliex dan il-bank kien qed jagħmel dannu kbir lir-reputazzjoni tajba tas-settur tas-servizzi finanzjarju f’pajjiżna.
Filwaqt li l-Prim Ministru Joseph Muscat dam jaħsel idejh, l-Oppożizzjoni kienet qed tgħid li l-liċenzja tal-bank Pilatus kellha tiġi revokata biex ma ssirx aktar ħsara lil dan is-settur importanti għall-ekonomija, li joffri impjiegi lil mijiet ta’ żgħażagħ u professjonisti. Dan speċjalment wara li f’Marzu li għadda, fl-Istati Uniti kien ġie arrestat Ali Sadr Hasheminejad li kien Chairman tal-bank Pilatus. Ali Sadr jista’ jeħel sa 125 sena priġiunerija hekk kif jinsab akkużat b’allegat ħasil tal-flus. Kemm Joseph Muscat kif ukoll iċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri kienu attendew għat-tieġ ta’ Ali Sadr fl-Italja.
Il-Bank Ċentrali Ewropew bdiet tinvestiga lill-awtoritajiet Maltin l-FIAU u l-MFSA minħabba l-liċenzja tal-bank Pilatus. Din ukoll hija daqqa ta’ ħarta kbira għar-reputazzjoni ta’ Malta. Dawn iż-żewġ entitajiet, li tagħhom huwa politikament responsabbli l-Ministru għall- Finanzi Edward Scicluna, naqsu milli jwettqu dmirijiethom fir-rigward tal-bank Pilatus, li issa tilef il-liċenzja biex ikun jista’ jaħdem minn Malta.
Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jaħdem biex l-istituzzjonijiet fosthom ukoll l-Avukat Ġenerali ma jibqgħux maħkumin mill-Gvern iżda jissaħħu mill-ġdid biex iħarsu bl-aħjar mod ir- reputazzjoni ta’ Malta.
Mario de Marco
Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi
Kristy Debono
Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Ekonomija, s-Servizzi Finanzjarji u l-Innovazzjoni
05.11.2018