Jien min jiena

Diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Dr. Bernard Grech Fuq il-Fosos tal-Furjana fl-okkażjoni tas-57 sena ta’ Malta Indipendenti

 

 

Meta kont għadni student ta’ 15– il sena kont hawn insegwi lil Eddie Fenech Adami. Iġġelidna għal xogħol, ġustizzja u libertá. 

Kont hawn magħkom biex ngħidu Iva. Iva, għalina, għal uliedna għal pajjiżna meta uliedna kienu għadhom bdew jitfarfru.

Kont hawn magħkom meta emminna ma’ Lawrence Gonzi li Flimkien kollox possibli.

Kont hawn magħkom meta ma Simon Busuttil aħna lkoll għazilna lil Malta. 

Kont hawn ukoll meta Adrian Delia beda jressaq lill-partit iktar viċin n-nies.

Jien iċċelebrajt magħkom. Issilitt għad-demokrazija magħkom. Bkejt magħkom – fraħt maghkom. Ħdimna u rnexxejna flimkien. Fl-aħħar snin bħalkom ninsab disgustat kif dan il-gvern niżżel isem pajjiżna fil-qiegħ

U bħalkom, għadni hawn, għax naf li s-sewwa jista jirbah jekk lkoll nagħmlu l-parti tagħna. Malta qed issejħilna u għax ahna kburin li aħna ulied Malta Indipendenti,  għaliex qatt ma ħallejna min ikasbar lill-pajjizna,  għaliex aħna ulied din l-art li tatna isimha u li tant inħobbu. Illum qegħdin hawn biex flimkien inkunu l-bidla.

 

Dalwaqt ser nagħlaq sena bħala kap ta’ dan il-partit. Sirt naf ħafna minnkom. Xi wħud mill-qrib ħafna forsi oħrajn ftit inqas. Ħafna minnkom ingħaqdu magħna llum, oħrajn isegwuna mid-dar bħal viċi-Kap Robert Arrigo li xtaq ikun magħna imma kif tafu ma setax. Minn hawn insellmulu.

Kull wieħed minna huwa persuna speċjali u għandu valur kbir.  Kull wieħed minna għandu l-istorja ta’ ħajtu u jiena nixtieq kuljum insir naf dejjem iktar x’sawrek, x’jinkwetak, x’iferrħek, xi tħobb, x’inhuma l-ħolm u l-pjanijiet tiegħek.

Ippermettuli ngħidilkom x’sawwar lili fil-persuna li jiena llum.

Illum jiena missier ta żewġ żgħażagħ, miżżewweġ lil Anne Marie, avukat, inħobb inqatta l-hin liberu tiegħi mal-familja u nemmen ħafna fil-potenzjal tal-persuna.

Trabbejt ġewwa familja umli tal-ħaddiema. L-izgħar fost erba’ aħwa – bħal ħafna familji minn tagħkom hawn illejla – trabbejt fin-naħa t’isfel ta’ Malta.  Qattajt zgħoriti ġewwa Raħal Ġdid – żogħżiti  ġewwa Birżebbuġia.

Iltqajt ma’ Anne Marie meta konna għadna teenagers waqt li konna t-tnejn qed naghmlu l-volontarjat u wara żmien għarajjes iżżewwiġna.

Biex xtrajna appartament f’Birkirkara fejn twieldu l-għeziez uliedna issellifna mill-bank bħal ma jkollhom jagħmlu ħafna li ma jsibux is-sodda mifruxa – Imbagħad għamilna kuraġġ biegħhejna l-appartament u xtrajna dar il-Mosta fejn għadna ngħixu sallum.  Għamilna ħafna xoghol fiha kif jaghmlu ħafna bħalkom – kaħħalna, żbajna u anke bnejt partijiet jiena b’idejja stess.

Illum uliedna qed isibu t-triq tagħhom kif isibu triqathom iż-żgħażagħ kollha.

U għalhekk – hekk kif dan il-pajjiż sabiħ tagħna qed narah għandu bżonn ta’ gwida u ta’ għajnuna biex joħroġ mill-isqaqien li daħal fihom – jiena ddeċidejt li kien wasal iż-żmien li nagħti pass ‘l quddiem fil-ħajja pubblika. Dan qed nagħmlu għax wara li rabbejna lil uliedna u għint lil ħaddieħor f’diversi volontarjat u fix-xogħol tiergħi – issa qiegħed nagħti aktar – irrid nagħti aktar lill-komunitá u lill-pajjiż. Irrid li dak li nemmen fih, nużah għall-ġid ta’ kulħadd.

It-twemmin tiegħi huwa sempliċi ħafna iżda jista’ japplika għal kull sitwazzjoni.

Jiena nemmen li kollox irid jibda u jispiċċa fil-bniedem – li kollox idur mal-bniedem – mhux mal-flus jew maċ-ċifri jew mal-islogans imma mal-bniedem.

Imma mal-onesta li hemm f’ħarsa u tbissima – iva, ser ngħinek, iva ser nara li nbiddel l-affarijiet, iva, ser nieħdu d-deċiżjonijiet li jagħmlulek differenza f’ħajtek.

Ħajtek, id-dar tiegħek, ix-xogħol tiegħek, id-delizzji tiegħek, ix-xewqat tiegħek, il-pjanijiet tiegħek u tal-għeżież tiegħek...

Nibqa naħdem ghax jiena kburi li jiena Malti.

Din l-art inħobbha bħal ma tifel iħobb lil ommu li temgħatu, tagħtu l-valuri tagħha, ħadet ħsiebu u għallmitu dak kollu li jaf.

Jiena konvint mill-missjoni tiegħi – però daqs kemm jiena konvint minn dan konvint ukoll li waħdi ma nista’ nbiddel xejn – iżda flimkien magħkom nistgħu inbiddlu kollox...

Illum, wara kważi sena kap ta’ dan il-partit issaħħaħna, saħħaħna l-ħidma tagħna u għandna quddiemna line-up rinovat – enerġija ġdida filwaqt li nibnu fuq l-għerf u l-lealta’ ta’ dawk li taw qalbhom u l-ħin tagħhom qabilna.

Michael, Mark Anthony, Martina, Ivan, Joseph, Graham u Roselyn illum imexxu l-organi ta’ partit dejjem aktar dinamiku – li qed jagħraf jadatta għall-isfida politika minn jum għall-ieħor.

It-team kollu tat-tmexxija, d-deputati u l-kanidati l-ġodda daħlu għar-responsabbiltá politika meta l-PN qiegħed minn taħt – meta qegħdin fl-oppożizzjoni. Meta hemm ħafna u ħafna x’taħdem u ftit li xejn x’tiggwadanja – dan hu l-eżempju nobbli li jilluminana kuljum.

Aħna kburin b’kull wieħed u waħda minna. Il-Labour għandhom lil Rosianne Cutajar li tibża taffaċċja l-istituzzjonijiet Ewropej, u aħna fl-Ewropa għandha lil Roberta Metsola li tirrapreżenta l-ambizzjoni tal-Maltin u tagħmilna kburin.

Fdajtuni b’partit fejn kien hemm min jġħid li sar antik u għajjien u llum ħarsu madwarkom – araw intom stess l-enerġija – araw intom stess il-kreattivita’ – araw intom stess in-numru ta’ uċuħ ġodda li issa qed ipoġġu magħna u mal-uċuħ magħrufa ġia biex flimkien nersqu lejkom b’team aktar dinamiku u b’saħħtu.

 

Intom li fdajtuni b’dan il-partit u fi żmien sena ġibnieh magna b’saħħita ta’ ideat -  Issa ninsab quddiemkom u qed nitlobkom – ingħaqdu miegħi biex flimkien immexxu l-pajjiż għal ħames snin li ġejjin –  u minn pajjiż dieħel fl-isqaqien tal-inċertezzi – inġibuħ pajjiż li jista jaħtaf kull opportunitá, kburi bih innifsu u rispettat.

Bla dubju – it-triq tagħna għadha twila u mimlija sfidi – ta’ kuljum – x’ħin npoġġi rasi fuq l-imħadda – nirrifletti fuq dik il-ġurnata ta’ laqgħat, ta’ deciżjonijiet – u x’ħin nħares lejn il-lista tal-appuntamenti għall-għada nara ġurnata oħra ta’ opportunitajiet biex inkomplu nibnu fuq il-jum ta’ qabel.

Ma kull pożizzjoni li qed nieħdu – ma kull sfida li qed ngħelbu – jiena u intom flimkien qed insiru aktar b’saħħitna.

Dan ser nagħmluh billi nibnu fuq l-għaqda u t-tiġdid li wettaqna fl-aħħar sena iżda wkoll fuq dak kollu li għamel il-partit nazzjonalista fl-aħħar snin– din il-familja qed titgħallem taħdem iktar u ma kulħadd, tuża u tagħti spazji lil kulħadd.

Din il-familja qed titgħallem tkun kburija mill-passat tagħna filwaqt li iva, tiskuża ruħa b’umilta’ fejn hemm bżonn, bħal ma għamilt din il-ġimgħa mal-komunita’ tal-LGBTI. Għal kull żball li għamilna hemm mitt deċiżjoni li biha ftaħna toroq u opportunitajiet għal-kulħadd.

B’dik l-umiltá – b’dik is-sinċeritá u b’muntanja ta’ enerġija biex inwasslu l-messaġġ magħkom.

Illum miġburin – fil-21 ta’ Settembru – il-ġurnata fejn twieldu l-Maltin – ġurnata fejn twieled dan in-nazzjon. Dan in-nazzjon li bil-gwida ta’ Gorġ Borg Olivier għolla rasu mill-ħakma tal-barrani u qal – aħna kapaċi nmexxu – aħna kapaċi niddeċiedu. Dan in-nazzjon li affronta l-isfida li ninqatgħu mid-dipendenza tal-Ingliżi u nistinkaw u naqdfu għal rasna – għax aħna kapaċi, għax aħna Maltin.

U għax aħna Maltin kburin u kapaċi irridu ngħarfu llum – bil-kuraġġ li għallimna Gorg Borg Olivier li naffrontaw l-isfidi tal-llum b’kuraġġ u determinazzjoni, li naffrontaw lil dawk li jridu jżommuna kkalzrati fid-dipendenzi li ħalqu huma stess fl-aħħar tmien snin, ta kuntratti korrotti u sistemi ineffiċjenti.

Ser ngħidilkom kif ser naffrontaw l-isfidi tagħna llum....

Jista jaħkem u jikkontrolla l-PBS kemm irid, imma ċerta veritajiet in-nies jafuhom sew.

 

Il-Greylisting

In-nies jafu li ġejna Greylisted minħabba l-abbużi tagħhom u m’għandhomx fiduċja f’Abela li nerġgħu lura fuq il-lista l-bajda – ghax jafu li biex nagħmlu hekk irridu jaqbdu l-ħuta l-kbira li huma jibżgħu minna.

U la jibżgħu mil-ħuta l-kbira qed ikollom imorru fuq il-ħuta ż-żgħira. Il-hairdresser, tal-laħam, int li trid tiddeposita l-bank.

Jien ma nibżax mill-ħuta l-kbira!

Dan li għandhom bżonn l-Accountants, segretarji, avukati, nutara, bankiera u eluf u eluf ta ħaddiema oħra li qed jaraw ix-xogħol inaqqas biex Robert Abela jibqa’ jgħatti lil Konrad Mizzi u Joseph muscat.

Għadu sallum ma’ ċaħadx lil Joseph Muscat. Robert Abela ma għandux il-kuraġġ li jicħad la lil sidu u l-anqas lill-mart sidu li poġġietu fit-tmun wara li ffirma l-patt imxajtan.

Minflok għażel isem pajjizna, minflok għazel lill-Maltin u l-Għawdxin, huwa għażel l-interessi tiegħu u ta’ dawk li għadhom jikkontrollawh. Min jaf għalfejn ma jistax jagħmel mod iehor?

Wara disa’ snin ta’ Gvern Laburista li wegħdna li Malta tkun tagħna lkoll u li kellu jiġi l-Aqwa Żmien illum għandna 7.4 biljun euro dejn.

Minn surplus mibni fuq l-Ekonomija soda li ħalla l-Partit Nazzjonalista fl-2013 issa qegħdin nagħmlu defiċit kull sena ghaliex dan huwa gvern li qieghed jisparpalja flus il-poplu fuq il-ħbieb, li jaħli l-flus f’xogholijiet pubblici doppji jew zejda ghaliex maghmulin bla pjan, li biegh l-isptarijiet taghna lill-ħbieb, li jberbaq il-fondi pubblici.

Fuq il-greylist, fuq id-dejn, fuq kull ħaġa oħra – jien m’għandix idejja marbuta - Jien ser inkun obbligat biss lejkom – jekk intom ittuni l-fiduċja li nkun il-Prim Ministru tagħkom jiena nwiegħed li f’kull deciżjoni li nieħu mmexxi biss l-interessi tagħkom f’moħħi u f’qalbi.

 

 

L-Ambjent

Qasam ieħor fejn magħna ser taraw differenza kbira huwa l-ambjent.

Naħseb li ġia bdejtu taraw il-viżjoni ċara u koerenti tal-Partit Nazzjonalista f’dan is-settur.

Jekk inti ttina l-fiduċja – ser nagħmlu revoluzzjoni ħadra fil-pajjiż!

Saqsewni jekk irridx nagħmel koalizzjoni.  Ir-risposta tiegħi hija jiena diġa bdejt nagmel koalizzjoni mal-poplu fuq l-ambjent. Waqqafna il-PN Greens – u stedinna u qed nistiednu lil kull min ghandu ghal qalbu l-ambjent – ejja maghna - hawn spazju għalik u irridu naħdmu miegħek biex nipproteġu l-ambjent.

F’għaxart ijiem biss ippublikajna proposti dwar open spaces, proposti dwar tree mapping, pożizzjoni ċara ħafna fuq solar farms, proposti favur l-art agrikola u proposti li jassiguraw li l-kampanja u l-kosta Maltija ma titteħidx minn xi żviluppatur bħal Sadeem biex jibni fuq ODZ mingħajr ma jkun hemm interess nazzjonali ċar approvat mill-parlament.

Dan kollu juri kemm l-Ambjent qed jiehu dimensjoni dejjem aktar b’saħħita fil-politika tal-PN.

Ma nistgħux nibqgħu ingergru fuq l-iżvilupp mingħajr ma nirrealizzaw li – it is time to fight back – hemm bżonn li nerġgħu indaħħlu lura l-ħdura u l-ambjent naturali gol-irħula u l-ibliet. Fejn hemm art żdingata ser jibdew jinfetħu l-ġonna pubbliċi.

Fl-istess waqt ser nipproteġu wkoll l-art agrikola u l-kampanja Maltija. Irridu naraw li l-bidwi u r-raħħal ikollom fejn ikabbru l-prodott malti. Irridu naraw li l-kosta Maltija tkun tal-Maltin mhux ta xi ħadd li xtara yacht jrid bilfors jorbtu quddiem id-dar. Ma rridux li jiġi sadeen jew ħaddieħor li jkunu ltaqghu miegħu bil-moħbi u jtuh daqs 6 grounds tal-futbol art fiż-żonqor!

Imma mbagħad lilek bidwi, raħħal, gabillott, sajjied. Lilek li tixtieq tinvesti f’ikel artiġġjanali irriduk isserraħ rasek li bi gvern nazzjonalista inti tibqa tkabbar u tinvesti f’ikel u frott lokali frisk u bnin.  Naraw li jkollok il-permessi, s-support u l-għajnuna finanzjarja li għandek bżonn għaliex aħna nemmnu fik u nagħtu valur kbir lix-xogħol tiegħek.

Jiena lilek nifhmek għaliex f’ħajti batejt u stinkajt biex wasalt.  Bħalek ma ħadtx la direct orders u anqas servizzi mill-Palazz tal-President.  Bħalek ħammiġt idejja bix-xogħol u mhux bit-tixhim.

Jiena lest li miegħek naqdef biex l-isfidi tal-lum isiru opportunitajiet ta’ success għalik u għal pajjizna.

Issa inti jinħtieġ li taqdef miegħi u tkun il-bidla biex magħna tavvanza int u l-familja tiegħek.

 

Is-Saħħa

Jien irrid Malta aktar ambizzjuża.

Fis-settur tas-saħħa wkoll, jeħtieġ inwessgħu l-orizzonti tal-kura lilhinn minn Malta u r-renju unit u nesploraw ftehim u arranġamenti fi sptarijiet il-Ġermanja u Franza ukoll fost l-ohrajn. Għal dik il-familja li għanda persuna marida li tista ssib kura aħjar barra l-pajjiż – l-ambizzjoni tagħna tkun tfisser tama ġdida.

Għal dawk li jmissu mal-marda qerrieda tal-kanċer, naraw li jkollok l-aħjar mediċina. Mhux ser nixxeħħu miegħek! Naraw li jkun hemm ċentru ta’ riċerka hawn Malta – iva – hawn Malta – għax aħna nemmnu fil-kapaċita tar-riċerkaturi Maltin u Għawdxin.

Għall-Għawdxin – ser nibnu helipad fuq l-isptar ta’ Għawdex u ieħor f’ Malta. L-ambizzjoni tagħna għal-Ghawdex hija sempliċi wkoll – l-Ghawdxin mhumiex Maltin tat-tieni klassi – imma Maltin tal-ewwel klassi.

 

Ghawdex

Insellem lil ħafna Għawdxin li qegħdin magħna llum – naf li organizzajtu l-vjaġġ apposta biex tingħaqdu magħna. Intom għalina mhux numri imma persuni b’valur straordinarju. Intom jisħoqqilkom gvern li jgħix magħkom id-diffikultajiet u l-opportunitajiet tal-gżira Għawdxija.

Ser naraw li servizzi tas-saħħa li jintużaw ta’ spiss bħal MRI u kemoterapija jsiru Għawdex stess. Ser naraw ukoll li l-isptar ġenerali jerġa lura għand l-Għawdxin mhux jibqa’ għand min ipoġġi l-profitt qabel is-saħħa. Ser naraw ukoll li jinbena sptar ġdid ta 400 mitt sodda – IVA, għax l-Għawdxin ma ħaqqhom xejn inqas minn sptar ġdid mgħoni b’kull servizz u bi professjonisti tal-aqwa taħriġ.

L-aħħar investiment tassew rivoluzzjonarju f’Għawdex ilu tletin sena - meta Partit Nazzjonalista fil-Gvern bena l-vapuri tal-Gozo Channel. Wasal iż-żmien għal żewġ vapuri ġodda. Inkabbru l-port tal-imġarr. Inżidu żewġ vapuri u nagħmlu wkoll airlink li l-Partit laburista ilu jwiegħed disa snin imma li kellu l-wiċċ jerġa jwegħda dil-ġimgħa ġo Għawdex biex jeħdilkom il-vot bil-qerq.

Hawn nagħmel impenn maż-żgħażagħ Għawdxin – jekk għandkom professjoni jew gradwajtu mill-MCAST jew l-Universita’ – intom għandkom ikollkom il-possibilita li tiftħu uffiċju ġo Għawdex u tattiraw il-klijenti jersqu lejkom. Ser noħolqu x-xgħol fil-privat ukoll.

X’differenza mill-Gvern laburista li jrid jixtrik bil-kuntratti prekarji mal-kuntrattur privat li mbagħad tinduna li mhux ser iħallaslek il-bolla!?

Il-politika tagħna f’ Għawdex hija politika ta’ ambizzjoni mġedda. Dan nagħmluh għax nemmnu fl-Ghawdxin. Nemmnu fil-bżulija u l-kreattivita tal-Għawdxi li joħloq ix-xogħol ġo Għawdex stess.

 

Libertajiet

Kull ġurnata ser nibqgħu magħkom insibu s-soluzzjonijiet fejn ħaddieħor jara biss problemi.  Mhux ta b’xejn li l-partit laburista qieghed jikkupjana, għaliex m’huwiex kreattiv u ma jemminx fil-poplu tagħna.

Jgħidulna negattivi iżda qed ikunu huma li jsibu problema f’kull soluzzjoni li nipproponu aħna!

Tant huma negattivi li lanqas għandhom fiducja li IVA, jista’ jitwettaq dak li qed inwegħdu aħna. 

Jekk diġa qatgħu qalbhom allura wasal iż-żmien li jwarrbu u jħallu lilna nwettqu l-pjan konkret tagħna.

Huwa dmir tagħna wkoll li barra li nindirizzaw dak li qed itaqqalkom ta’ kuljum, nindirizzaw ukoll problemi serji li reġa’ għandu dan in-nazzjon.

Irridu nerġgħu nakkwistaw l-indipendenza tax-xandir tal-istat – minn Super 2 irridu nerġgħu inġibuh Television Malta.

Mhux se nħallukom tkomplu tirrumblaw fuq id-dritt tal-poplu li jkollu informazzjoni ħielsa – in-nies jafu x’qed tagħmlu – in-nies jafu li l-bulettin qed jiġi deċiż minn kastila u li qed taħbu l-verita. 

Qed tabbużaw mid-drittijiet u mil-libertajiet tal-Maltin. Dak li qalulna t-tlett Imħallfin kien car: Kull Ministru Laburista huwa responsabbli b’mod kollettiv għal dak li seħħ lil Daphne.

Roberta Abela taparsi accetta l-inkjesta izda mbagħad beża jieħu passi, la fuq Rosianne Cutajar, la fuq Carmelo Abela u lanqas fuq Edward Zammit Lewis.  Dan huwa Prim Ministru dghajjef li qieghed ikompli jipperpetwa l-klima ta’ mpunita’.

Jien ma nafdahx, il-Partit Nazzjonalista ma jafdahx u kull ġurnata anke jekk fis-skiet ta’ darhom aktar u aktar nies qegħdin isiru ma jafdawkx.

 

 

Għoli tal-ħajja

Kif tridna nafdaw lil min huwa dan maqtugħ mir-realta tan-nies. Dan ħsiebu biex jagħmel marina ġo Marsascala biex ipoġġi l-yacht tiegħu stess, u ħsiebu biex jgħatti xturu u xtur sħabu – bniedem daqshekk aljenat u maqtugħ fil-bozza tiegħu – kif jista jifhem lilek li qed tħoss l-ambjent naturali dejjem jonqos, li qed tħoss ix-xogħol tiegħek blukkat bl-istess paga għal snin u li qed tara li l-ġid ta’ dan il-pajjiż qed jinqasam l-erbgħa tal-qalba u għalik – jekk jibqa – forsi ftit frak?

Kif jista jifhem lilek? dan li jitfa 300 euro diesel fil-yacht Azimut u jerħila lejn Sqallija waqt li pajjiżna qiegħed fi kriżi bil-każijiet tal-virus?

Kif jista jifhem lilek meta inti qed tara li x-xirja qed tiswik dejjem aktar? – b’għoli tal-ħajja bla rażan.

Lilek ma jistax jifhmek għaliex huwa sab is-sodda mifruxa – mhux bħalek u bħali li kellna nqattgħu bi snienna biex imxejna u rnexxejna.

Iva – irrid insir Prim Ministru, ghaliex?

Jiena nifhmek u għax nifhmek - Iva – jien irrid inkun il-Prim Ministru tiegħek.

Ghax irrid Malta li taħdem għalik u tgħinek tilħaq il-potenzjal kollu tiegħek

Ejja nkunu ambizzjużi. Malta żgħira imma l-potenzjal li għandna flimkien huwa straordinarju.

 

 

Irridu nkunu aħna li nimbuttaw il-miżuri kollha li joffru spazji ġodda ta’ opportunita’.

Iva – jien irrid inkun il-Prim Ministru tiegħek.

Dan biex nara li tassew ikun hemm tmexxija onesta - fejn min imexxi jagħti l-eżempju

Jiena nemmen f’politika onesta b’wiċċ uman.

Iva – jien irrid inkun il-Prim Ministru tiegħek, biex id-deċiżjonijiet jibdew minnek.

Iva – jien irrid inkun il-Prim Ministru tiegħek, biex l-Ekonomija tal-pajjiż taħdem għalik 

F’dawn id-disa snin ta labour iċ-ċifri kibru imma familtek qed tgħix aħjar?

Ahna ser nagħtu ħajja ġdida lil min irid jibda negozju u lil min ġia għandu negozju – ser inneħħulek il-piż tal-karti, il-burokrazija li għandek bħalissa – billi ngħollu c-ceiling tal-vat exempt minn 30,000 għal 60,000 Ewro.

Pajjiżna jrid jerġa’ lura fit-triq it-tajba wkoll billi jirrikonoxxi lil dawk kollha li qed jagħmlu sforzi kbar biex jgħallmu lil uliedna – għalhekk IVA, ser inżidu l-paga tal-għalliema u ser inressqu wkoll proposti għall-infermiera biex dawn ukoll nuruhom li rriduhom jimxu ‘l quddiem fil-karriera.

Pajjiżna irid jirrikonoxxi l-valur tal-persuna – mhux bħall-Partit Laburista li jaf il-prezz ta’ kollox iżda li jinjora l-valur ta’ tant persuni.

Pajjiżna irid jerġa  jiġbed interess qawwi mill-barrani. Mhux ta’ xi Ram Tumuluri jew Sadeen li jiġu hawn biex jieħdu biss – imma investituri serji ta vera li jinteresshom joħolqu x-xoghol.

Dawk li jaqilgħu ħobżhom fuq l-internet – il-ġganti tal-internet – Amazon, Google, facebook u oħrajn, bhalissa kollha qegħdin l-Irlanda u pajjiżi oħra. Ahna rridu nġibuhom Malta.

Malta tista’ tkun id-dar tat-teknoloġija. Hub mondjali għal min ifittex ambjent ħawtiel ta’ gvern li jifhem l-imprenditur u poplu li lest jitgħallem u jsir dejjem aktar espert f’setturi differenti.

Is-setturi eżistenti li attirajna fil-passat huma bażi tajba ħafna. Nibnu fuqhom. Inwessuhom. Noħolmu aktar u akbar u flimkien – inwettqu l-ħolm li jista jagħmilna poplu isħeħ u aħjar.

Ser nattiraw flus u xogħol, imma mhux flus maħmuġa u lanqas xogħol b’irħis.

Ser nattiraw il-flus li ġġib l-innovazzjoni u x-xogħol li jippremja lil min jitħarreġ u jikber fil-ħiliet.

Qegħdin fuq l-għatba ta’ elezzjoni ġenerali.

Mill-oppożizzjoni qed nurukom li nistgħu inmexxu – tant hu hekk, li l-Gvern stess qed jikkonferma li għandu bżonn il-PN biex jiddeċiedi.

Ħarsu ftit biss lejn l-aħħar ftit ġimgħat. Fuq il-covid-19 il-Ministru Fearne fl-aħħar ibiddel ir-regoli dwar il-kwarantina ghall-Maltin fil-lukandi – ħaġa li kienet qed tiswa 1,400 euro lil familji Maltin. Fearne iċċaqlaq wara li konna aħna li b’saħħa tlabna l-bidla.

Din il-ġimgħa ukoll – il-PN ħabbar proposti fuq l-art agrikola – u l-gvern fl-aħħar irreaġixxa wara li ħallihom lampa stampa għal snin sħaħ. Kellu jkun il-PN biex nibdew il-bidla.

Il-Ministru Dalli fl-aħħar rat id-dawl u qablet magħna  li jinħtieġ li jkun hemm it-tieni interconnector ma Sqallija – wara li ilna 9 snin nghidulhom li dak il-monument tal-korruzzjoni f Marsaxlokk qed jiswina hafna aktar mid-dawl mill-interconnector.  Fl-ahhar stembħu. Il-PN ġab il-bidla.

L-istess ġara bil-vouchers tal-COVID-19 – kienet idea tal-PN li l-ewwel irredikolaw u wara ikkupjaw il-bidla li ried il-PN.

Fuq ix-xefaq ġejjin sfidi fejn int ser ikollok bżonn kaptan b’saħħtu. Kaptan li għex il-ħajja bħalek, li m’ghandu l-ebda lealtà oħra ħlief miegħek.

Ġejjin sfidi kbar għax daħħluna fi problemi li għad iridu jpoġġuna quddiem għażliet diffiċli ħafna.

Kuljum nisimghu dwar kif qed jiżdiedu l-impjiegi mal-Gvern. Aħna rridu nipproteġu xogħolkom u naghti kelma li ahna mhu se nkeccu lil hadd. Biex nipproteġu x-xogħol fis-settur pubbliku u l-eluf ta’ impjiegi oħra fil-privat jeħtieġ iżda li jkollna Gvern li jreġġa pajjiżna fit-triq it-tajba.

Din l-isfida u sfidi oħra importanti għal pajjiżna jirrikjedu diskussjoni matura fejn il-poplu jifhem l-għażliet quddiemu. Ejjew nuru li aħna kapaċi nikbru. Ejjew nuru li kapaċi noħorġu mill-battalja eterna bejn aħmar u blu.

Għalhekk qed nistieden lill-Prim Ministru Abela – ejja nagħmlu diskussjoni inti u jiena – għażel il-post, għażel il-ħin, għażel il-moderatur jekk trid – u ssibni hemm, għax jien ma nibżax nikkonfronta l-ideat!

Flok tikkopja l-Partit Nazzjonalista ejja ddiskuti magħna – ċert li ser titgħallem xiħaġa u aħna lesti wkoll nitgħallmu xi ħaġa mingħandek!

Nagħlaq b’appell lil Laburisti li jħossuhom traduti – jiena nghidilkom, agħmlu kuraġġ u ejjew magħna. 

Jekk tafu bħalna li l-bidla trid ssir, ejjew ngħamluha flimkien.

Żmien il-firda spicca.

Din mhijiex ġlieda bejn il-blu u l-aħmar. 

Din hija ġlieda għall-Bajda u l-ħamra.

Hemm bżonn bidla fid-direzzjoni li tgħamlilna kburin 

Illum għandna bzonn ningħaqdu.

Aħna lkoll aħwa Maltin li nemmnu fil-bidla.

Lil dawk li m’ghandomx partit, jew forsi nazzjonalisti stess li jhossu li m’ghadx ghandhom partit, ngħidilkom ejjew u kunu intom il-bidla.

Intom kollha li taqblu li għandha bżonn inbiddlu l-pajjiż nistgħu naħdmu flimkien.

Jekk trid pajjiż b’sistema edukattiva aħjar ejja u kun il-bidla.

Jekk trid saħħa aħjar u s-servizz f’idejn il-Maltin inti tista’ tkun il-bidla

Jekk trid issalva l-ambjent ta’ pajjiżna ejja u kun il-bidla

F’Ghawdex inti tista’ - tkun il-bidla

Fin-nofsinhar ta’ Malta - kun il-bidla

Fil-Partit Nazzjonalista stess - kun il-bidla

Fl-ekonomija tiegħek u ta’ pajjiżna - kun il-bidla

Biex nerġgħu nakkwistaw lura isem pajjiżna - kun il-bidla

Infakkarkom:

Li Flimkien biss kollox possibli;

Irridu kuljum naħdmu għal xol, ġustizzja u liberta’;

Dan irridu nagħmluh għalina għal uliedna u għal pajjizna

Ftakkru Li illum iktar min qatt qabel Irridu nagħżlu l-Malta.

Għinuni nkompli nagħti dan il-Partit lin-nies.

Flimkien nistgħu inkunu l-bidla.

Kun il-bidla illum

Kellem lil sħabek. 

Kellem lil għeżież tiegħek.

Għinuna bil-ħidma tagħkom.

Għinuna bid-donazzjoni tagħkom.

Ghax mingħajrek m’aħna xejn.

Imma bik nistgħu nibnu Il-Malta li dejjem xtaqna.

Partit Nazzjonalista

About

Jekk se tagħmilha fuq qalbek, tagħmilhiex. Imma jekk se tagħmilha ghax tħobb... Kun il-Bidla