L-edukazzjoni hija dritt fundamentali għal uliedna, u rridu nassiguraw li dan jingħatalhom. Mhux biss imma, f'sistema li fiha l-akkreditazzjoni hija attribwita lill-eżamijiet tal-MATSEC, irridu nifhmu l-importanza tal-istess eżamijiet u aktar minn hekk niddefendu d-dritt li ż-żgħażagħ tagħna jagħmluhom.

Għas-sena li għaddiet, jiġifieri għas-sena skolastika 2019-2020, l-istudenti li kienu se jagħmlu l-eżamijiet tas-SEC f'Mejju tal-2020, ingħatatilhom marka predikattiva skont l-eżamijiet tal-MOCKS meta dawn ġew ikkanċellati minħabba l-pandemija. Madankollu, kulħadd kellu l-opportunità li jagħmel l-eżamijiet f'sessjonijiet li saru f'Settembru u b'hekk ingħata ċans lil min ma kienx sodisfatt bil-marka predikattiva, jirratifikaha. Din kienet sessjoni waħda, u min ma ġabx il-marka li xtaq, ma kellux opportunità li jagħmel resit. Dak iż-żmien jien argumentajt li din kienet inġusta għaliex min ma attendiex għall-MOCK (għal xi raġuni jew oħra) jew min ma kellux ċans jagħmel MOCK għax forsi kien se jkun kandidat privat jew jattendi fi skola fejn l-eżamijiet kienu għadhom ma sarux, kellu biss ċans wieħed f'Settembru u mhux żewġ ċansijiet kif jiġri u kif għandu jkun dejjem.

 

L-istess xorta ta' inġustizzja, jidher li se nerġgħu narawha tirrepeti ruħha din is-sena wkoll. Għalkemm l-eżamijiet tal-O'Levels u l-A'Levels saru f'Mejju, u għalkemm se jkun hemm sessjoni ta' resit fi tmiem Settembru jew bidu ta' Ottubru, dawk kollha li jinqabdu fi kwarantina (anke jekk ikunu negattivi għall-COVID) waqt is-sessjoni tal-eżami/jiet tagħhom, mhux se jingħataw possibbiltà jerġgħu jpoġġu għall-eżami f'sessjoni oħra. Is-sit Lovinmalta.com qed tgħid li l-MATSEC irribattiet dan l-argument li jien qajjimt billi fissret li f'każijiet bħal dawn, kull każ se jkun ikkunsidrat fuq bażi ta' case-by-case. Għalhekk, hawnhekk għandna konferma oħra ta' inġustizzja, għaliex sal-lum ma nafux abbażi tal-liema kriterji se jkunu qed jittieħdu d-deċiżjonijiet case-by-case.

Inħoss li dan qiegħed joħloq ħafna anzjetà żejda fost iż-żgħażagħ tagħna, u wara perjodu ta' inċertezzi, iż-żgħażagħ u l-ġenituri tagħhom ma jixirqilhom xejn ħlief serħan il-moħħ li hemm sistema ġusta għal kulħadd. Ejja ma nħallux il-pandemija tirbaħ fuq it-tfal tagħna, imma rrebbħu lilhom li tant stinkaw u ħadmu biex, jibnu ħajjithom. Dan huwa li qed jitkellem dwaru l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta jenfasizza fuq sistema edukattiva ġusta li tilħaq lil kulħadd.

Għalhekk nibqa' nenfasizza l-importanza li ħadd ma jkun imċaħħad milli jagħmel l-O'Levels jew l-A'Levels. 

Justin Schembri

About

Edukatur. Kandidat għat-8 u l-1 Distrett. Minority Leader fil-Kunsill Lokali Birkirkara. Impenjat favur l-Edukazzjoni, l-Ambjent u l-Ġustizzja Soċjali. Iggradwat fil-Malti u fil-Politika. Determinat favur il-bidla.