L-aħbar il-Ħadd li għadda, b’mod esklussiv fis-Sunday Times, li iktar kmieni din is-sena kien hemm Maġistrat li fit-tmiem tal-Inkjesta li huwa mexxa fl-operat tal-Bank Pilatus (u li swietilna €7.5 miljuni, skond informazzjoni mogħtija lili fil-Parlament għal domanda tiegħi) ordna (iva, ordna) li jsiru investigazzjonijiet mill-ġdid fuq EGRANT, hija serja, gravi u ma tistax titħalla għaddejja.

M’iniex ser nidħol fil-mertu tas-suġġett, imma ħa niffoka biss fuq xi fisser u x’għandu jġib miegħu dan il-kliem tal-Maġistrat Ian Farrugia li f’Marzu li għadda lesta Inkjesta Maġisterjali li ħadet mas-600,000 paġna u dokumenti. Iva, sitt mitt elf paġna fuq il-Bank Pilatus u kif dan kien magna biex jinħaslu mijiet ta’ miljuni ta’ euro ġejjin mill-korruzzjoni u mill-bejgħ ta’ affarijiet illegali. Storja oħra li turi kemm kellha ragun Daphne Caruana Galizia.  

Jien, ngħid is-sew, stennejt li matul il-jum tal-Ħadd xi ħadd mill-awtoritajiet kien ser jitkellem. Iżda kien hemm skiet tombali (skiet tal-oqbra).

X’tgħid il-liġi?

Il-Kodiċi Kriminali jispjega x’jiġri minn Rapport finali ta’ Inkjesta Maġisterjali, li taf tkun fuq mewt involontarja, fuq frodi, fuq omiċidju, fuq traffikar ta’ droga, fuq ħasil ta’ flus jew fuq delitti oħra.

Il-Kodiċi Kriminali jgħid li appena dak ir-Rapport ikun lest, dan jintbagħat mill-Maġistrat għand l-Avukat Ġenerali. Jekk ikun ikkonkluda li fil-mertu tal-Inkjesta ma kienx hemm passi kriminali x’jittieħdu (kif kien ġara fir-rapport tal-Inkjesta Egrant), dak ir-Rapport jinżamm magħluq għand l-AG.

Jekk, għada pitgħada, joħorġu fatti ġodda li jindikaw li hemm lok ta’ iktar investigazzjoni (għax per eżempju, jkunu saru magħrufa fatti ġodda), allura l-Kodiċi Kriminali jobbliga ‘l AG jibgħat ir-Rapport tal-Inkjesta lura għand dak il-Maġistrat li jkun ikkonkludiha biex jerġa’ jiftah l-Inkjesta halli “tissokta l-investigazzjoni” (kliem il-Kodiċi Kriminali).

 

Mela l-Ħadd sirna nafu li kemm l-Kummissarju tal-Pulizija u kemm l-AG ilhom tal-anqas minn Marzu li għadda li ġew ordnati minn Maġistrat biex jissoktaw bl-investigazzjoni fuq EGRANT għax l-esperti imqabbdin minn dan il-Maġistrat sabu li kien hemm wisq indizzji li jindikaw li seta’ fil-fatt sar ħlas ‘l EGRANT u allura kien jimmerita investigazzjoni iktar fil-fond u mill-ġdid.

Minkejja li kien ilhom minn Marzu jafu b’dan, a) la qalu xejn u b) la għamlu xejn.

Jiġifieri, l-AG, minkejja li hekk ordnata mill-liġi, ma talbitx il-ftuħ mill-ġdid tal-Inkjesta Egrant.

Kien għalhekk li jien it-Tnejn filgħodu ippreżentajt żewġ mistoqsijiet Parlamentari (waħda lill-Ministru tal-Intern u l-oħra lill-Ministru għall-Ġustizzja) insaqsi jekk u għaliex l-Kummissarju tal-Pulizija u l-AG ma għamlux dak li l-liġi tobbligahom li jagħmlu meta joħorġu fatti ġodda dwar Inkjesta magħluqa.

Għandna dritt inkunu nafu għala ma obbdewx il-liġi, ġaladarba kienu hekk ordnati minn Maġistrat għeluq Inkjesta iktar kmieni din is-sena.

Huwa ovvju li EGRANT mhux case closed. Hawn min irid li jibqa’ case closed.

Il-Gvern irid iwieġeb u jagħti sodisfazzjon għala ghażel li jgħatti għal Joseph Muscat flok jobdi l-liġi.

Jason Azzopardi

About

I believe that each one of us has to carry out his ordinary duties in an extraordinary manner each day. Kandidat f'isem il-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjoni Ġenerali fuq ir-4 u id-9 Distrett.