Min għandu d-dritt li jivvota fl-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew?
Iċ-ċittadini Maltin kollha ta’ 16-il sena u fuqhom, għandhom id-dritt tal-vot, dment li jkollhom in-numru tal-identità reġistrat fir-Reġistru Elettorali. Jekk dan mhux fir-Reġistru Elettorali, ifisser li mhumiex intitolati biex jivvutaw u allura ma jirċevux id-dokument tal-vot. Wieħed jista’ jara jekk hux intitolat sabiex jivvota billi jara li n-numru tal-identità huwa preżenti fir-Reġistru Elettorali.
Dawk li ser jagħlqu 16-il sena sal-24 ta’ Mejju 2019 ser ikunu inklużi fir-Reġistru Elettorali u għalhekk ser ikunu intitolati sabiex jivvutaw nhar is-Sibt 25 ta’ Mejju 2019.
Barra minhekk ċittadini tal-Unjoni Ewropea li huma uffiċċjalment residenti Malta u li jagħżlu li jivvutaw f’Malta jistgħu huma wkoll eleġibbli li jivvutaw ladarba għamlu din l-għażla qabel il-31 ta’ Marzu li għadda. Issa huwa tard wisq biex wieħed jagħmel din l-għażla.
Min għandu d-dritt li jivvota fl-Elezzjoni tal-Kunsill Lokali?
Iċ-ċittadini Maltin kollha ta’ 16-il sena u fuqhom, għandhom id-dritt tal-vot, dment li jkollhom in-numru tal-identità reġistrat fir-Reġistru Elettorali. Jekk dan mhux fir-Reġistru Elettorali, ifisser li mhumiex intitolati biex jivvutaw u allura ma jirċevux id-dokument tal-vot. Wieħed jista’ jara jekk hux intitolat sabiex jivvota billi jara li n-numru tal-identità huwa preżenti fir-Reġistru Elettorali.
Dawk li ser jagħlqu 16-il sena sal-24 ta’ Mejju 2019 ser ikunu inklużi fir-Reġistru Elettorali u għalhekk ser ikunu intitolati sabiex jivvutaw nhar is-Sibt 25 ta’ Mejju 2019.
Huam intitolati wkoll li jivvutaw ċittadini tal-Unjoni Ewropea li huma uffiċċjalment residenti Malta u li għandhom fil-pussess tagħhom karta tal-identità jew tar-residenza maħruġa f’Malta.
Meta u fejn ser nirċievi d-dokument tal-vot?
Id-distribuzzjoni tad-dokumenti jsir f’tlett stadji, kif spjegat hawn isfel:
L-Ewwel Stadju: Il-pulizija, akkumpanjati mir-rappreżentanti ta’ kull partit politiku, se jżuru l-indirizz fejn int irreġistrat/a sabiex iqassmu d-dokumenti tal-vot tal-persuni ntitolati sabiex jivvutaw f’dik ir-residenza. Dan il-proċess ser jibda fit-22 ta’ April u jintemm fis-6 ta’ Mejju.
It-Tieni Stadju: Jekk id-dokumenti tal-vot ma jkunux tqassmu b’suċċess fl-ewwel stadju tat-tqassim (bħal meta ma jkun hemm ħadd id-dar sabiex jiġbor id-dokumenti tal-vot), imbagħad tista’ tiġbru personalment mill-Għassa tal-Pulizija tal-lokalità tiegħek jew mill-Uffiċċji tal-Kunsill Lokali f’każ li l-lokalità m’għandhiex Għassa tal-Pulizija. Il-ġbir tad-dokument jista’ jsir biss bil-presentazzjoni tal-Karta tal-Identità. Dan il-proċess jibda fl-10 ta’ Mejju sal-Ħadd 19 ta’ Mejju f’nofsinhar.
It-Tielet Stadju: Dokumenti tal-vot li ma jitqassmux jew li ma jinġabrux sat-tieni stadju jiġu rritronati lill-Uffiċċji Elettorali fin-Naxxar (ex-Trade Fair Grounds) jew l-Uffiċċju tal-Karti tal-Identità fir-Rabat, Għawdex. Madankollu, tista’ tiġbor d-Dokument tal-Vot f’dan l-istadju jekk tmur personalment f’dawn l-uffiċċji. Dan it-tielet u l-aħħar process jibda t-Tnejn 20 ta’ Mejju u jibqa’ sejjer sa’ nofsillejl tal-Ħamis l-23 ta’ Mejju 2019.
Persuni b’diżabbiltà jew b’xi diffikultà oħra li ma’ jistgħux jiġbru d-dokument tal-vot personalment mill-Għases tal-Pulizija/Uffiċċji tal-Kunsilli Lokali jew l-Uffiċċju Elettorali jistgħu jagħmlu talba sabiex ssir Distribuzzjoni Speċjali sabiex id-Dokument tal-Vot jitwassal fir-residenza tagħhom.
Kemm ser nirċievi dokumenti tal-vot?
Ser tkun qed tirċivi dokument tal-vot għal kull elezzjoni li int eleġibbli tivvota fiha. Għaldaqstat jekk int eleġibbli tivvota fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew kif ukoll għall-elezzjoni tal-Kunsill Lokali ser tkun qed tirċivi żewġ dokumenti tal-vot. Iż-żewġ dokuenti jintarfu minn xulxin għax għandhom kuluri differenti kif ukoll għandhom il-kliem li jindika għal liema elezzjoni huma maħruġa.
Jekk miniex qiegħed id-dar meta jitqassmu d-dokumenti tal-vot għandi niġborhom minn x’imkien?
Jekk ma jkun hemm ħadd id-dar, kull individwu li jgħix fid-dar rispettiva jkollu jiġbor id-dokument tal-vot personalment mill-Għassa tal-Pulizija (jew mill-Uffiċċji tal-Kunsill Lokali f’każ li l-lokalità m’għandhiex Għassa tal-Pulizija).
Tista’ tiġbor id-dokument tal-vot billi tippreżenta l-Karta tal-Identità tiegħek.
Ommi/missieri anzjan/a t/joqgħod miegħi avolja hi/hu għadha/u rreġistrat/a bħala resident fid-dar l-antika tagħha/tiegħu. Kif ser j/ġġib d-dokument tal-vot tagħhom?
F’każ li resident anzjan li jgħix ma’ qarib f’indirizz differenti minn dak li hemm fuq il-karta tal-identità, tista’ tiġi organizzata Distribuzzjoni Speċjali għar-residenza fejn qed t/jgħix bħalissa.
Meta mmur nivvota x’dokumentazzjoni irrid nieħu miegħi apparti d-Dokument tal-Vot?
Meta tmur tivvota kun żgur li tieħu d-Dokument/i tal-Vot. Minkejja li mhix obbligatorja, tkun idea tajba li tieħu l-Karta tal-Identità.
IMPORTANTI li jekk int eleġibbli li tivvota fiż-żewġ elezzjonijiet li tieħu miegħek iż-żewġ dokuenti tal-votazzjoni li rċivejt.
Il-Post tal-Votazzjoni hu differenti għaż-żewġ elezzjonijiet?
Le. Int tivota għaż-żewġ elezzjonijiet fl-istess kamra fl-istess post tal-votazzjoni, Għaladaqstat meta tasal ippreżenta ż-żewġ dokumenti u int ser tingħata żewġ poloz tal-vot. Waħda għall-elezzjoni tal-Parlament u l-oħra għall-elezzjoni tal-Kunsill Lokali.
Wara li tagħmel il-preferenzi tiegħek fuq iż-żewġ polozo itwihom u ara li tixħet kull polza tal-vot fil-kaxxa rispettiva tagħha u mhux it-tnejn fl-istess kaxxa.
Kif inkun naf fejn ser nivvota u fi x’ħin se jiftaħ il-Post tal-Votazzjoni?
Il-post eżatt tal-Post tal-Votazzjoni filokalità tiegħek ikun indikat fuq id-dokument/i tal-vot innifsu. Dan jinkludi l-isem tat-triq u tal-binja, flimkien man-numru tal-kamra fejn tkun ser tivvota.
Il-votazzjoni fil-lokalitajiet kollha ssir is-Sibt, 25 ta’ Mejju 2019 bejn is-7am u l-10pm.
Se jkolli nsiefer fil-jum tal-elezzjoni jew ser inkun l-isptar. Hemm mod kif nista’ nivvota qabel?
Jekk tkun se ssiefer jew se tiddaħħal l-isptar fil-jum tal-elezzjoni tista’ tagħżel li tivvota ġimgħa qabel, is-Sibt, is-18 ta’ Mejju 2019.
Sabiex tkun eliġibbli għas-sistema tal-Early Voting system, trid tirreġistra d-dettalji fl-Uffiċċji tal-Kummissjoni Elettorali fin-Naxxar jew fir-Rabat Ghawdex sal-Ġimgħa 17 ta’ Mejju 2019 f’nofsinhar.
Jien persuna b’ħafna impenji. Nista’ niskeda ħin li fih nista’ nivvota jew ikolli nibqa’ fil-kju?
F’ċertu ċirkustanzi, tista’ taqbeż il-kju.
Dan jista’ jsir biss jekk:
- Jekk trid issiefer fil-jum tal-elezzjoni;
- Inti persuna anzjana ta’ 60 sena jew aktar, u tmur tivvota wara nofsinhar; jew
- Għandek aktar min 70 sena jew aktar. F’dan il-każ tista’ taqbeż il-kju f’kull ħin tal-ġurnata.
X’jiġri jekk nitlef jew neqred id-dokument tal-vot tiegħi?
Jekk titlef jew teqred id-Dokument tal-Vot bi żball, tista’ tapplika għall-replacement.
Biex tagħmel dan, trid tmur personalment l-Uffiċċju Elettorali fin-Naxxar jew fir-Rabat (Għawdex) u tagħmel dikjarazzjoni ġuramentata, fejn tispjega għaliex għandek bżonn replacement. Imbagħad jinħariġlek dokument tal-vot speċjali.
Dan jista’ jsir sal-Erbgħa 22 ta’ Mejju fid-9pm.
Kif ser nkun naf f’liema lokalità ser nivvota?
Dan hu indikat b’mod ċar fid-dokument tal-vot.
Nista’ nivvota f’kwalunkwe lokalità, barra min dik li ngħix fiha?
Le. Inti tista’ tivvota biss fil-lokalità fejn inti rreġistrat u ma tistax tivvota fl-ebda lokalità oħra.
Jien Għawdxi/ja u rreġistrat/a bħala resident f’Għawdex minkejja li naħdem Malta. Fejn għandi nivvota?
Dan jgħodd ukoll għal Għawdxin li huma rreġistrati fuq indirizz f’Maltau jixtiequ jiġbu d-dokument tal-votazzjoni minn Għawdex, imma xortajridu jivvutaw Malta.
Dejjem trid tivvota fil-Post tal-Votazzjoni li ġejt asssenjat fih skont id-dokument tal-vot tiegħek. Dan ikun dejjem fil-lokalità fejn inti rreġistrat/a bħala resident/a. F’dan il-każ trid tivvota f’Għawdex. Id-dokument tal-vot ser jitqassam fid-dar tiegħek f’Għawdex.
Madankollu, jekk ma tistax tiġbor id-dokument tal-vot fid-dar tiegħek f’Għawdex, tista’ titlob għal transfer tad-dokument għall-Uffiċċju Elettorali fin-Naxxar, Malta min fejn ikollok tiġbru personalment billi tippereżenta l-Karta tal-Identità. Dan jista’ jsir billi tintbagħat e-mail lill-Kummissjoni Elettorali fuq [email protected] jew billi tmur personalment sa mhux aktar tard mis-7 ta’ Mejju 2019 fis-2pm. Id-dokumenti tal-vot ikunu jistgħu jinġabru personalment bejn l-20 ta’ Mejju 2019 u it-23 ta’ Mejju 2019.
Nista’ nivvota bil-posta?
Le. Trid tmur personalment fil-Post tal-Votazzjoni fil-lokalità tiegħek.
Nista’ nivvota online?
Le. Trid tmur personalment fil-Post tal-Votazzjoni fil-lokalità tiegħek.
Nista’ nivvota f’Ambaxxata jew Konsolat Malti fejn noqgħod?
Le. Jeħtieġ li tiġi Malta biex tivvota.
Se jkun hemm xi kumpens għall-ispejjeż tal-ivjaġġar sabiex ninżel Malta biex nivvota?
L-Airmalta ser tagħmel titjiriet bir-ritorn bil-prezz ta’ €90-il wieħed, inklużi t-taxxi u spejjeż oħra, għal dawk kollha eliġibbli biex jivvutaw f’Malta u Għawdex.
Biex tirriżerva post trid iċċempel fuq 2141 8214 mit-Tnejn sas-Sibt, bejn it-8am u l-10pm; u l-Ħadd bejn it-8am u l-5pm.
It-titjiriet lejn Malta jridu jsiru bejn it-13 u l-25 ta’ Mejju, filwaqt ir-ritorn irid isir bejn il-25 ta’ Mejju u s-6 ta’ Ġunju.
Għal dawk li jridu jivvutaw qabel, fit-18 ta’ Mejju, iridu jaslu Malta bejn it-13 u s-17 ta’ Mejju, u japplikaw fl-Uffiċċju Elettorali fin-Naxxar sa’ nofsinhar tas-17 ta’ Mejju. Jistgħu jirritornaw bejn it-18 ta’ Mejju u s-6 ta’ Ġunju.
Jekk l-Air Malta ma ttirx lejn il-pajjiz fejn toqgħod kkuntatja lill-Uffiċċju ELCOM fuq 2596 5207 jew ibagħat email fuq [email protected] għal aktar informazzjoni.
Kif ser tidher il-polza tal-votazzjoni, u kif nkun ċert li ma nitħawwadx bejn kandidat ta’ partit u ieħor? Kif nivvota għall-partit jew għall-kandidati tal-preferenza tiegħi?
Il-polza tal-votazzjoni hija maqsuma f’sezzjonijiet differenti; kull sezzjoni tirrapreżenta partit politiku. Is-sezzjonijiet għandhom kuluri li jirrapreżentaw l-kuluri rispettivi tal-partiti u l-kandidati jkunu mniżżla f’lista f’ordni alfabetiku skont il-kunjom.
Barra minhekk għall-ewwel darba fuq il-polza tal-vot ser ikun hemm ukoll ir-ritratt tal-kandidati fejn il-kaxxa fejn trid titpoġġa l-preferenza.
Sabiex tivvota għal dawk il-kandidati li tixtieq tara eletti, poġġi l-preferenza (numru) fil-kaxxa li tkun eżatt ħdejn ir-ritratt tal-kandidat tal-preferenza tiegħek f’ordni sekwenzjali (wara xulxin).
Nista’ nivvota lill-kandidati minn partiti differenti?
Iva. Tista’ tivvota għall-kandidati minn partiti differenti. Madankollu, fl-elezzjoni tal-Kunsill Loklai, l-ewwel preferenza tiegħek tiddetermina lil min tixtieq tara jmexxi l-lokalità tiegħek.
Tinsiex li tista’ tagħti l-ewwel preferenza lil kandidat wieħed biss, tieni preferenza waħda biss, tielet preferenza waħda biss, eċċ. Jekk tirrepeti preferenza tkun qed tinvalida l-vot.
Ma nafx naqra sew. Kif ser nifhem dak li hemm fuq il-polza tal-votazzjoni?
Jekk ma tafx taqra sew, xorta waħda tkun tista’ tivvota. Meta tasal fil-Post tal-Votazzjoni informa l-Assistenti Kummissarji Elettorali li jkun hemm li għadnek bżonn l-għajnuna sabiex tivvota. Huma jkunu jistgħu jassistuk billi jagħlqu temporanjament il-kamra tal-votazzjoni għall-votanti oħrajn u huma jassistuk billi jimlew il-polza tal-votazzjoni skont l-istruzzjonijiet tiegħek.
Il-kuluri tal-kandidati jkunu jaqblu mal-kuluri tal-partiti?
Iva. Fil-polza tal-vot tal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew il-kandidati kollha li ser jikkontestaw l-elezzjoni jkunu organizzati bill-kuluri biex jirreflettu l-partiti tagħhom. Dan jsir biex jiffaċilita li jintgħarfu l-partiti li l-kandidati qed jikkontestaw magħhom.
Dan ma japplikaz għall-polza tal-vot tal-elezzjoni tal-Kunsill Lokali fejn il-kandidati jkunu miktubin b’linka sewda biss. Il-kandidati xorta jkunu maqsumin skont il-Partiti u ħdejn isimhom ikun hemm ukoll l-arma tal-Partit rispettiv.
Jien qiegħed f’wheelchair. Huma aċċessibli l-Postijiet ta’ Votazzjoni?
Iva. Il-Postijiet tal-Votazzjoni jipprovdu aċċess għal dawk li huma fil-wheelchair. Barra min hekk, jekk għandek bżonn trasport lejn il-post tal-votazzjoni, aħna nistgħu ngħinuk.
Ibgħat email fuq [email protected] f’każ li għandek bżonn trasport.
Jiena persuna anzjana. Se jkun provdut trasport lejn u mill-Post tal-Votazzjoni?
Iva. Trasport se jkun provdut mill-Uffiċċju ELCOM b’xejn għal dawk kollha li jeħtieġu tali servizz.
Ibgħat email fuq [email protected] f’każ li għandek bżonn trasport.
Jien residenti permanenti f’dar tal-anzjani/sptar u ma nistax nitlaq meta nixtieq. Kif nista’ nivvota?
Id-Dokumenti tal-Votazzjoni ser jitqassmu direttament fil-post fejn qed toqgħod.
Sistema ta’ votazzjoni speċjali se tkun fis-seħħ sabiex tagħmilha possibli li residenti li jgħixu f’istituzzjonijiet partikolari jistgħu jivvutaw bla diffikultà. Il-Ħamis, 23 ta’ Mejju 2019 il-votazzjoni ssir f’dawn l-isptarijiet sabiex ir-residenti eleġibbli kollha jkunu jistgħu jivvutaw:
- L-Isptar Mater Dei
- L-Isptar Karin Grech
- L-Isptar Ġenerali t’Għawdex
- L-Isptar Mounte Carmeli
Jekk inti residenti f’wieħed min dawn l-istituzzjonijiet m’hemmx bżonn tirreġistra sabiex tivvota b’din is-sistema speċjali.
Ma nistax inħalli t-tfal ma’ xi ħadd. Nista’ nieħu lil wild/tfal żgħir/żgħar miegħi?
Iva. Tfal jistgħu jakkumpanjaw lill-ġenituri tagħhom fil-Postijiet tal-Votazzjoni. Tfal żgħar jistgħu jistennew lill-ġenituri tagħhom fil-kurituri.