Il-21 ta’ Settembru. Data li ta’ kull sena tfakkarna fit-twelid mill-ġdid ta’ pajjiżna. Malta. Stat sovran. Stat indipendenti. Stat liberu, li jiddeċiedi għalih. Stat li d-destin tiegħu issa jinsab f’idejh. Kollox frott viżjoni waħda, viżjoni mwettqa id f’id ma’ poplu wieħed, poplu magħqud għall-ġid tal-gżejjer li tant jgħożż. Kollox frott il-ħolma, frott il-viżjoni ta’ Gvern Nazzjonalista.

Fin-nofs tas-seklu l-ieħor kien wasal iż-żmien li pajjiżna jibda jqum fuq saqajh, jinfetaħ għall-bidla u jibda jagħżel it-triq li jrid jaqbad. Wasal iż-żmien li jibda jaħseb għal rasu hu. Wara sekli twal ta’ ndħil barrani, ta’ dipendenza fuq qawwiet kbar, issa kien wasal iż-żmien li dan il-pajjiż jieħu rajh f’idejh. Il-ħakma tal-barrani kellha tintemm. Kien hawn li niesna fetħu beraħ il-bibien tagħhom. Kien żmien li witta t-triq biex dan il-pajjiż jikber. Il-fruntieri ġeografiċi u limitati tiegħu ma baqgħu jfissru xejn. Kien wasal iż-żmien li Malta u Għawdex jibdew imiddu l-ewwel passi fil-mixja tagħhom lejn ħajja iżjed libera, lejn ħajja aktar paċifika u trankwilla għal kulħadd, għal kull Malti u Għawdxi.

Kollox frott viżjoni li wasslet għal twelid ta’ nazzjon, nazzjon li pass pass sar ukoll Repubblika.
Pajjiż ħieles li eventwalment issieħeb bħala membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea.  Viżjoni li permezz tagħha konna kapaċi negħlbu kull sfida mingħajr ma nistrieħu fuq xi qawwa akbar minna.

Weqfin, dritti, kburin. Maltin veri, Maltin indipendenti!

 

Iżda donnu dak kollu li ħdimna għalih bħala poplu wieħed, bħala poplu sħiħ, illum qed jisfuma fix-xejn. Fejn hi l-indipendenza?

 

Fejn hi l-indipendenza ta’ min irid jaħdem mingħajr ma jiddependi minn xi politiku jew ieħor?

Fejn hi l-indipendenza tal-ħaddiem taċ-ċivil li jixtieq jesprimi ruħu liberalment?

Fejn hi l-indipendenza tal-Malti u l-Għawdxi li qed iħossu barrani f’pajjiżu stess?

Fejn hi l-Indipendenza tal-Malti u l-Għawdxi li jixtieq isir sid ta’ daru mingħajr ma jkun dipendenti għal għomru fuq xi loan jew ieħor?

Fejn hi l-indipendneza tal-Malti u l-Għawdxi li sabiex jirrilassa u jgawdi l-ispazji miftuħa jkollu jerħilha lejn pajjiż ieħor?

 

Pajjiżna spiċċa għal darb’oħra maħkum... din id-darba mhux minn xi poplu ‘l bogħod minn dawn il-gżejjer, jew minn xi kolonizzatur b’mod uffiċjali, imma minn Maltin u Għawdxin bħalna, minn klikka li trid iġġegħilna nemmnu li aħna indipendenti, li aħna nistgħu nagħmlu dak kollu li nixtiequ, basta fil-limiti li tridna dik l-istess klikka.

Din mhix l-indipendenza li rrid jien, u persważ li din mhix l-indipendenza li tixraq lilek.

 

Quddiem dan kollu... Kun int il-bidla li pajjiżna tant għandu bżonn!

Clifford Zahra Fenech

About

Għalliem. Ma nħallix għal għada dak li nista' nagħmel illum. Kandidat f'isem il-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjoni Ġenerali fuq is-7 Distrett.