Malta hi li hi.  Gżira bil-qies u r-riżorsi limitati tagħha.  Dak li ma nimpurtawx hu ftit ħafna u ħafna minn dak li ma nimpurtawx jiddependu minn affarijiet li jiġu importati.  Għalhekk ir-relazzjoni bejn l-ispejjez għall-konsumatur lokali u għall-industriji varji bħal dawk agrikoli u tal-manifattura, u l-ispejjeż relatati mal-importazzjoni u l-esportazzjoni hija qawwija u diretta.

X’inhi s-sitwazzjoni ?

Minn stħarriġ li jagħmel il-Bank Dinji dwar il-prestazzjoni tal-loġistika ta’ diversi pajjiżi, fosthom Malta, bejn l-2012 u l-2018, pajjiżna tilef 26 post, minn 43 fl-2012 għal 69 fl-2018.  Malta tilfet fuq il-fronti kollha.  Marret lura fl-effiċjenza, fil-proċess tar-rilaxx tal-merkanzija, inkluż id-dwana, marret lura fil-kwalita’ tal-infrastruttura relatata, marret lura fil-kompetenza u fil-kwalita’ tas-servizzi loġistiċi u marret lura fil-ħin li titwassal il-merkanzija.

Rapporti tal-UNCTAD, il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti  għall-Kummerċ u l-Iżvilupp, jindikaw li Malta, bħala medja, tħallas id-doppju li jħallsu pajjiżi oħrajn għall-importazzjoni. 

Min qed iħallas ?

Dan iwassal għal aktar spejjeż, anqas kompetittivita’ u prezzijiet ogħla.  Min mhux iħoss dan?

Skond l-Uffiċċji Nazzjonali tal-Istatistika u l-‘eurostat’ l-Uffiċju tal-Istatistika  tal-UE, matul l-aħħar tliet snin, l-indiċi tal-prezzijiet għall-konsumatur għola b’mod konsistenti b’madwar 2.3% u l-indiċi tal-prezzijiet tal-produtturi (Producer Price Index - PPI) għola b’madwar 2.9%.

Mill-banda l-oħra, riżultat tal-politika żbaljata tal-Gvern Laburista ta’ importazzjoni sproporzjonata ta’ ħaddiema b’pagi baxxi, il-pagi f’Malta baqgħu l-istess bejn l-2018 u l-2020 u saħansitra naqsu matul l-aħħar 12-il xahar.  Għalhekk il-piż fuq il-konsumatur jinħass aktar.

Għall-apatija u l-inkompetenza tal-gvern Laburista qed inħallsu aħna bi prezzijiet ogħla u b’pagi ffriżati.

 

Viżjoni u soluzzjonijiet

Il-Partit Nazzjonalista, bħalma għamel fil-passat, qed joffri viżjoni ħolistika, trasparenti u fit-tul.

  • Sabiex il-konsumatur Malti igawdi minn tnaqqis fil-prezzijiet minħabba inqas spejjeż għall-importaturi, u biex l-industrija Maltija tkun aktar kompetitiva u tiġi inċentivata sabiex tesporta waqt li tassigura iżjed xogħlijiet b’pagi aħjar, gvern Nazzjonalista jassisti lill-industrija lokali, imprendituri u SMEs permezz ta’ fond speċifiku u dedikat.

Din l-iskema u oħrajn huma maħsuba wkoll sabiex tinċentiva lill-operaturi jintroduċu sistemi u prattiċi favur l-ambjent u biex jitnaqqas it-tniġġiż ikkawżat mit-trasport.

  • Jenħtieġ li jkun hemm titjib fil-konnettivita' bejn Malta u l-pajjizi l-oħra b'diversi mezzi billi tiġi sfruttata l-pożizzjoni strateġika ta' Malta u jiġu introdotti inċentivi appropriji. Hekk jiżdiedu u jitwessgħu l-kuruturi li jwasslu l-merkanzija minn u lejn Malta.  Dan jista’ jsir billi jsir l-investiment neċessarju f'intermodal hub internazzjonali strateġiku u ħolistiku li jgħaqqad il-merkanzija trasportata b'modi differenti minn, lejn u f'pajjizna.  Permezz ta' din l-attivita' ekonomika ġdida, mhux biss jonqsu l-ispejjeż imma wkoll jinħolqu opportunatijiet ta' impjiegi ta' kwalita' għolja li joffru pagi tajbin għal ħaddiema tagħna.

 

  • L-informatika trid isservi sabiex ittejjeb l-efficjenza tal-operat u tipprovdi lill-istake-holders l-informazzjoni neċessarja u fil-ħin sabiex jitjieb l-operat b’anqas spejjez. B’hekk il-proċessi kollha ta' transazzjonijiet relatati mal-importazzjoni u l-esportazzjoni ikunu amalgamati u integrati diġitalment f'sistema waħda.  Dan għandu jkun parti mill-modernizzar ħolistiku tad-Dwana Maltija u dipartimenti relatati fejn tinbena infrastruttura moderna għad-diversi sezzjonijiet tad-Dwana u jiġu mmiljorati l-kundizzjonijiet tal-uffiċjali u l-ħaddiema tad-Dwana u ta' istituzzjonijiet governattivi oħra.  B’hekk jitnaqqsu l-ispejjez minħabba proċessi ripetuti, jitnaqqsu l-iskariġġi u l-ispejjeż għal dawk kollha involuti għall-benefiċċju wkoll għall-konsumatur li fl-aħħar mill-aħħar iħallas għad-dewmien u għall-burokrazijja żejda.

Mhux biss.  Il-Partit Nazzjonalista qed jara kif il-kummerċ intern, inkluż dak bejn Malta u Għawdex, jista' jikber billi tiżdied l-aċċessibilita’ għall-prodotti u għas-servizzi u dan b’mod multi direzzjonali –  Għawdxin għal Maltin, dawk Maltin għall-Għawdxin, kif ukoll għal prodotti mixtrija minn barra minn Malta. Il-Partit Nazzjonalista, wara li kien bena t-tliet vapuri li hemm joperaw bejn  iż-żewġ gżejjer, qed iwiegħed li jibni żewġ vapuri ġodda li wieħed minnhom ikun biex tinġarr merkanzija bejn Malta u Għawdex.

  • Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista jimplimenta proġett, b’kollaborazjoni mal-privat, li permezz tiegħu prodotti mixtrija mill-konsumatur Malti b'mod digitali jasal għandu bl-aktar mod effettiv u faċli u bl-inqas inkonvenjent u spejjeż kemm għall-konsumatur kif ukoll għal bejjiegħ.

Bl-istess mod dan il-proġett jaħseb sabiex jiffaċilita’ l-ħajja tal-esportaturi Maltin li jbiegħu il-prodotti tagħhom internazzjonalment permezz tal-kummerċ elettroniku.

  • Gvern Nazzjonalista ser ikun qed jinċentiva metodi ta' distribuzzjoni effettivi u efficjenti u bl-anqas impatt ambjentali, waqt li jara li jitnaqqas l-iskariġġ u l-ispejjeż għal dawk involuti.

 

Flimkien

Il-Partit Nazzjonalista qed jaħdem flimkien mal-operaturi fil-qasam tal-loġistika, imprendituri u korpi konċernati għaliex verament jemmen fil-kompetenza u fil-kontribut li dawn jistgħu jgħatu.  Għalhekk, u  konxju mill-fiduċja li dejjem gawda u s-suċċessi miksuba kull meta kien qed imexxi lil pajjiżna, il-Partit Nazzjonalista qed iwiegħed li jgħin lill-industrija tegħleb l-isfidi naturali u mhumiex tal-insularita’ permezz ta' strutturi effettivi u efficjenti, infrastruttura moderna u ħadra, sistemi diġitali integrati u simplifikazzjoni ta' proċeduri mingħajr burokrazija żejda. Dan sabiex jorħsu l-prezzijiet għall-konsumatur Malti u jitrażżan l-għoli tal-ħajja, li reġa’ qed jgħolli rasu, jitnaqqsu l-ispejjeż għall-importaturi u l-esportaturi u tiġi ffaċċilitata u inċentivata l-esportazzjoni speċjalment għall-intrapriżi żgħar li jkollhom aċċess akbar għas-swieq internazzjonali, Malta tkun aktar kompetittiva u produttiva, jitnaqqas il-ħin (transit time) sabiex titwassal il-merkanzija u jinħolqu opportunitajiet ta’ impjiegi ta' kwalita' u b'pagi aħjar.

Hekk waqt li negħlbu l-isfidi li toffrilna n-natura, inħarsu l-ambjent ta’ madwarna b’aktar effiċjenza u b’mezzi li jagħmlu lanqas ħsara.

 

Stanley Zammit

About

Enerġija ġdida - Kompetenza - Onesta'. Inginier, Kunsilllier u Kandidat f'isem il-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjoni Ġenerali fuq il-5 Distrett. https://www.facebook.com/StanleyZammitIng