ŻOMM AĠĠORNAT:
Fejn marru l-€40 miljun?
Il-ftehim għall-gass LNG huwa deal ħażin ieħor li qed ihallas ghalih il-konsumatur Malti
In-nies qed jistaqsu fejn marru l-€40 miljun li intilfu fl-ewwel sena biss minn deal ħażin ta’ 10 snin li l-Gvern ta’ Joseph Muscat għamel mal-Ażerbajġan għax-xiri tal-gass LNG. Dan wara storja li ippublikat The Guardian u rrapurtata mit-Times of Malta.
The Guardian irrappurtat kif id-deal ħażin għax-xiri tal-gass LNG mingħand SOCAR għall- power station il-ġdida li ried jibni l-Gvern ta’ Joseph Muscat qed iwassal biex l-Enemalta tħallas id-doppju tal-prezz tas-suq. Dan wassal biex fl-ewwel sena biss xi ħadd għamel profitt ta’ €40 miljun waqt li l-konsumatur Malti mar 40 miljun minn taħt fil-kontijiet tiegħu.
Dawn l-allegazzjonijiet iridu jittieħdu fil-kuntest ta’ rivelazzjoni oħra tal-midja Ġermaniża li tgħid kif $200,000 ġew trasferiti lil 17 Black mill-kumpanija tal-aġent Malti, li jissupplixxi l- gass LNG lill-power station il-ġdida. Il-midja Ġermaniża rrappurtat kif il-kumpanija 17 Black kienet se tgħaddi l-flus lill-kumpaniji fil-Panama Tillgate u Hearnville ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi.
Din mhix l-ewwel darba li l-Enemalta tilfet il-flus minħabba d-deal ħażin ma’ SOCAR u dan jirriżulta mill-investigazzjoni li kien għamel l-Awditur Ġenerali fl-2015 meta kienu intilfu €14 miljun oħra.
Wara li The Malta Independent kixfet kif in-nies qed jirċievu kontijiet għoljin għall-enerġija, n-nies qed jistaqsu fejn marru dawn l-€40 miljun. Ir-roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma kienet il-wegħda ewlenija ta’ Joseph Muscat qabel l-elezzjoni tal-2013. Ir-rapporti tal-ġurnalisti lokali u internazzjonali issa qed juru kif din kienet gidba u li qed twassal biex l-Enemalta titlef fil-flus u l-konsumatur Malti qed iħallas aktar. Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jistaqsi sakemm toħroġ il-verità kollh.
David Agius
Viċi Kap għall-Affarijiet Parlamentari u Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Enerġija u Immaniġġjar tal-Ilma
25.04.2018