Ninsabu ftit jiem qabel Jum il-Votazzjoni - s-Sibt 26 ta' Marzu. Dakinhar ser ikollna d-destin ta' Pajjiżna f'idejna. Iċ-ċittadini Maltin li għalqu s-sittax il-sena ser ikunu jistgħu jagħtu s-sehem tagħhom fit-tfassil tal-politika li fuqha Pajiżna jkun qed jitmexxa matul il-ħames snin li ġejjin.

Kull elezzjoni, fid-dinja kollha, għandha importanza partikulari. L-elezzjonijiet f'Malta mhux eċċezzjoni. 

Qabel nivvutaw irridu nifhmu fejn qegħdin illum, u fejn irridu, jew ażjar, fejn nixtiequ, li Pajjiżna jkun matul iż-żmien li ġej. Fejn qegħdin, bit-tajjeb u bil-ħażin tiegħu, nafu. Nafu wkoll minn xhiex għadda Pajjiżna matul is-snin li għaddew. Irridu naraw ukoll kemm minn dak li għandna madwarna jista' jitjieb, u kemm minn dak li għandna madwarna rridu nneħħu biex inkunu nistgħu nimxu ‘l quddiem. M'hemmx dubju li filwaqt li f'ċertu aspetti sar progress, f'aspetti oħra morna lura. Kieku ma kellniex Gvern li abbuża, jew li ħalla abbużi kbar iseħħu madwarna, Malta kienet tkun ferm aħjar milli hi llum. Żgur li f'Malta ħadd m'għandu dubju, għalkemm forsi hawn min ma jammettix pubblikament, li saret ħafna ħsara lir-reputazzjoni ta’ Pajjiżna minħabba dak li ġara matul l-aħħar snin.

Il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, ftit ġimgħat wara l-aħħar elezzjoni, ġab terremot f'Pajjiżna, Dak li seħħ wara wassal biex illum ma hemmx dubju li kien hemm persuni li għandhom jew kellhom il-poter u li wettqu abbuż serju minn dak il-poter bil-konsegwenzi kollha li dan kellu, u għad ikollu fuqna lkoll. Qatt daqs dawn l-aħħar snin, Pajjiżna ma bata konsegwenzi minħabba dawn l-abbużi.

Infasslu l-ġejjieni tagħna

Fi ftit jiem ser jerġa' jkollna opportunita’ li nfasslu l-ġejjieni tagħna. Kull wieħed minna għandu l-aspirazzjonijiet tiegħu. Kull wieħed minna għandu ideal li jrid iwettaq għall-ġid tal-poplu Malti. Naturalment, fost dawk li jfasslu l-pjanijiet għal futur hemm il-Partiti Politiċi. Il-Partit Nazzjonalista, bħala Partit bi storja ta' iktar minn mitt sena, għandu doveri kbar biex jgħin lill-Maltin u lil Malta biex noħorgu minn l-istat li ninsabu fih. 

Matul is-snin li għaddew, il-Partit Nazzjonalista kien qed ifassal il-politika tiegħu għal Pajjiżna u jfassal il-policies tiegħu għaż-żmien li ġej. Ħaddieħor kien mehdi biex jaħbi skandlu wara l-ieħor li kien qed ifeġġ fuq ix-xena politika Maltija. Erba' ġimgħat ilu, il-Prim Ministru ħabbar li Malta kienet sejra tivvota fis-26 ta' Marzu. Kien hemm min ħaseb li l-PN ma kienx ippreparat u li kien ser jinqabad fuq sieq waħda meta jiġi biex jippublika l-programm elettorali tiegħu.

Min ħaseb hekk kien żbaljat. Kien żbaljat bil-kbir. Ftit jiem wara li l-Prim Ministru ħabbar id-data tal-elezzjoni ġenerali, il-PN ippublika l-proposti tiegħu għas-snin li ġejjin. Żgur li l-proposti miġbura fil-programm 'Viżjoni għal Malta 2030'… Miegħek għal Malta ma tfassalx fi tlett ijiem. Kien possibli li fi ftit siegħat wara li tħabbret id-data ta' l-elezzjoni jiġi ppublikat dan il-programm għaliex kien hemm xhur sħaħ ta' tfassil tal-programm elettorali.

Fil-viżjoni tal-PN hemm iktar minn 550 proposta li jolqtu lis-setturi kollha tal-ħajja. Mhux hekk biss. Mhux talli jolqtu u janalizzaw ir-realtajiet li fihom qed ngħixu f'Malta llum, talli hemm viżjoni b'saħħitha għal fejn irridu nwasslu lil Malta fl-2030.

 

Viżjoni fuq il-kapaċitajiet tal-poplu Malti

 

Din il-viżjoni hi bbażata fuq il-kapaċitajiet tal-poplu Malti. Għal darba oħra, din il-viżjoni hi bbażata fuq iċ-ċertezza li l-poplu Malti kapaċi jilqa' l-isfidi li jiġu quddiemu, u jekk jingħata l-opportunita’ biex jaħdem ikun kapaċi li jimraħ fi spazji ekonomiċi ġodda, li ħadd, forsi ma basar li ser inkunu qed nipproponu. Fl-aħħar mill-aħħar kienet il-fiduċja tagħna fil-poplu Malti li wasslitna biex fil-passat biddilna l-attivita’ ekonomika ta' Pajjiżna. Kienet dik il-fiduċja li wasslet biex flimkien ma' zviluppi kbar fl-oqsma tradizzjonali, bħal kostruzzjoni, it-turiżmu, u il-manifattura, splodew setturi oħra, bħal l-avjazzjoni, il-farmaċewtika, il-gaming u s-servizzi finanzjarji. 

Illum, filwaqt li qed nikkommettu lilna nfusna li ser inkomplu nsaħħu dawn is-setturi, qed nipproponu wkoll investiment qawwi fl-ambjent ta' Pajjiżna, investiment li għandu jerga' jagħti l-importanza meħtiega lil dan is-settur, importanza li ċertament tissaraf fi kwalita’ ta' ħajja aħjar. 

Qegħdin ukoll nipproponu 10 pilastri ekonomiċi permezz ta’ investiment ta’ biljun Ewro, pilastri li fuqhom irridu naraw lil Malta u lill-Maltin jimxu 'l quddiem. 

Il-viżjoni tagħna għas-snin li ġejjin hi bbażata fuq il-konvinzjoni tagħna li l-poplu Malti hu kapaċi, u determinat, li jimxi 'l quddiem. Konvinti li jekk ikollna cans, bħala poplu, nilqaw kull sfida li tiġi quddiemna. Konvinti wkoll li jekk ningħataw iċ-ċans kapaċi naslu. Il-proposti tal-Partit Nazzjonalista huma bbażi fuq dawn il-fatti ta' fiduċja assoluta fil-poplu Malti. 

Nagħmlu għażliet infurmati

Fadal ftit jiem biss biex nagħmlu l-għażliet tagħna. Fadal ftit jiem biss biex inkunu f'pożizzjoni li nieħdu sehem fit-tfassil tal-politka mibdula li għandu bzonn Pajjiżna. Għalhekk ejja nużaw dawn il-jiem biex nassiguraw li kull Malti u Maltijia jkun f'pożizzjoni li jagħmel għażliet infurmati. Dawk li ma jaqblux magħna jippruvaw jagħtu l-impressjoni li ma nafux fejn irridu naslu. Hu dmirna li nibqaw inwasslu l-messaġġ tagħna, il-Viżjoni tal-PN, kif imfissra fil-programm elettorali, ‘Miegħek... għal Malta'. F'dan il-programm hemm imfassal il-mod ta' kif insaħħu dak li għandna tajjeb f'Pajjiżna, kif inkunu f'qagħda li dak li serva ta' ħsara għal Pajjiżna matul l-aħħar snin neliminawh, u kif inwettqu politika ġdida f'bosta aspetti tal-ħajja. Dan nistaw inwettquh jekk flimkien, f'dawn il-ftit jiem li fadal inkomplu għaddejjin b'ħidmietna.

Graziella Galea

About

Il-vuċi tiegħek. L-esperjenzi tan-nies u man-nies għamluni iktar determinata li naħdem għall-ġid tal-poplu Malti u ta’ Malta sabiex inwassal il-vuċi tiegħek. Kandidat f'isem il-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjoni Ġenerali fuq is-7 u t-12-il Distrett.