ŻOMM AĠĠORNAT:
Fejn tidħol il-ħajja l-konsultazzjoni għandha dejjem tiġi qabel il-leġislazzjoni
Il-Partit Nazzjonalista jinnota li l-Gvern qed iressaq sensiela ta’ emendi għall-emendi li ressaq ftit ġimgħat ilu biex ibiddel l-Att dwar il-Protezzjoni ta’ l-Embrijuni. Dawn l-bidliet huma konferma tal-għaġla li l-Gvern aġixxa biha meta ressaq l-emendi u qed isiru b’reazzjoni għall-mewġa ta’ kritika li saret dwar dak li ppropona l-Gvern.
L-Oppożizzjoni se tkun qiegħda tifli dawn l-emendi sabiex tkun tista’ tara jekk jindirizzawx it-tħassib li tqajjem fuq id-diversi punti li ressqu kemm l-Oppożizzjoni kif ukoll is-soċjetà ċivili.
Kif dejjem għamel il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jpoġġi fiċ-ċentru tal-politika tiegħu l- prinċipju li l-ħajja għandha tkun protetta mill-bidunett tagħha filwaqt li jżomm quddiem għajnejh l-isforzi qalbiena ta’ koppji bi problemi ta’ infertilità fix-xewqa tagħhom li jsiru ġenituri.
Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jemmen li suġġett tant sensittiv jixraqlu konsultazzjoni sħiħa u dibattitu ħafna aktar wiesgħa, kawt u ħieles minn kwalunkwe għaġla.
Claudio Grech
Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Benesseri tal-Familja, Solidarjetà Soċjali, Pensjonijiet, Drittijiet tat-Tfal u tat-Tarbija fil-Ġuf
Stephen Spiteri
Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Saħħa
05.06.2018