Bħala Partit Nazzjonalista nemmnu bis-sħiħ fl-artisti Maltin u Għawdxin.  Nemmen bis-sħiħ li għandna noffru politika li tkun msawra biex inkomplu ngħinu t-talent Malti ikompli jikber u jissaħħaħ.

Fil-jiem li għaddew indirizzajt lill-midja fejn tkellimt dwar il-villaġġ tal-Karnival. Wegħda li l-Gvern tefa' fuq l-ixkafa, u nsiha. Infatti fl-2018 kien ġie mwiegħed li l-ewwel fażi tal-villaġġ kellha tkun lesta fl-2020, dan ma sarx. Qed naraw Gvern fejn minflok ħataf l-okkazjoni li jagħmel ċentru ta' kultura u talent fil-Marsa, li hija l-lokalità kulturali għas-sena 2022, għażel li ma jindirizzax lil dan is-settur. Dan ifissier ukoll li ma wettaqx ir-riġenerazzjoni tant mistħoqqha fil-Marsa u fil-lokalitajiet ta’ madwar il-Port il-Kbir, inkluż il-Belt Valletta, il-Floriana, il-Ħamrun u l-Kottonera.

Din mhux il-politika tal-PN. L-ewwel u qabel kollox l-appell jibqa’ biex dan il-villaġġ isir. Nemmen li l-investiment f'dan iċ-ċentru jfisser li Malta ser tkun aktar attraenti bħala destinazzjoni ewlenija għat-turisti fi żmien il-Karnival.

L-isfidi f’dan is-settur aħna ilna narawh, ilna nesperjenzawh. Hemm problemi ta’ spazju, problemi ta’ sigurtà, għax karru f’villaġġ, ifisser li jinsab aktar protett. Rajna episodji fl-aħħar snin fejn karrijiet sfaw meqruda minħabba l-maltemp. Problemi fejn jaħdmu u jibnu l-karru, u l-istess problemi ta’ spazju biex wieħed jagħmel il-prattika. Dawn huma biss ftit mill-ħafna sfidi li hemm preżentament. Jekk il-villaġġ isir, żgur mhux forsi li dan il-proġett se jkun qed jgħin fit-tkabbir ta’ dan is-settur.

Il-Gvern sfortunatment ilu jonqos, u dan in-nuqqas rajnih mhux biss għall-artisti u d-dilettanti tal-karnival iżda wkoll f'setturi oħra fejn dan il-Gvern naqas milli jwettaq dak li jwiegħed. Qed naraw Gvern ukoll fejn sfortunatament mhux jagħti widen, mhux jisma’ l-karba ta’ bosta artisti, ta’ għadd ta’ persuni li permezz tagħhom it-tradizzjonijiet Maltin qed jibqgħu ħajjin.

Rajna stqarrija ċara mill-Gvern fejn għas-snin li ġejjin minflok il-villaġġ tal-Karnival, l-artisti kollha se jkollhom post ġdid fejn jaħdmu... iżda l-post il-ġdid huwa fit-trakkijiet u trailers. Il-Gvern ikkonferma wkoll sejħa b’tender għal trailers u trakkijiet għad-dilettanti tal-Karnival għall-erba’ snin li ġejjin. Dan mhux il-mod li aħna rridu nittrattaw lill-artisti tagħna. Dan il-mod, huwa ħażin.

Personalment se nibqa’ niltaqa’ mal-artisti, għax b’hekk  nitgħallem u nesperjenza dak kollu li jgħaddu minnu. B’hekk nemmen li nkun nista’ nwettaq politika ta’ fejda li tħares bis-sħiħ lil dan is-settur.

Bħala kandidat jien nagħmel parti mill-cluster tal-identità nazzjonali, u minn dan il-cluster diġà ħejjejna għadd ta’ proposti li se jkunu imnedija fil-ġimgħat li ġejjin. Il-PN għandu għall-qalbu lill-artisti. Huwa fid-dmir tagħna li b’għemilna, b’dak li nwettqu, inħarsu dak li jinseġ lil Malta tagħna, il-kultura u t-tradizzjoni li hija għal qalbna lkoll.

James Aaron Ellul

About

Gradwat bl-Unuri fil-Malti. Ġurnalist @netnewsmalta. Minority Leader @KLFloriana. Kandidat f'isem il-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjoni Ġenerali fuq l-1 Distrett.